LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 12/8 pp. 18-22
  • Rakkonti taʼ Fidi minn ġo Ħabs Storiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rakkonti taʼ Fidi minn ġo Ħabs Storiku
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħabsin Immigranti Jsibu t-​Tama
  • Sab il-​Maħfra
  • Sab it-​Triq
  • Ħsad Abbundanti
  • “Biddiltuli l-Impressjoni li Kelli Dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Jistgħu l-Ħabsin Tassew Jirranġaw Ħajjithom?
    Stenbaħ!—2001
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
  • Hija s-Soluzzjoni Parti mill-Problema?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 12/8 pp. 18-22

Rakkonti taʼ Fidi minn ġo Ħabs Storiku

Madwar id-​dinja, volontieri minn fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah iżuru l-​ħabsijiet sabiex jgħinu lil ħabsin li jkunu jixtiequ sinċerament jersqu qrib lejn Alla. Għal iktar minn 20 sena, ikkonduċejna b’suċċess programm bħal dan t’edukazzjoni Biblika fil-​ħabs federali t’Atlanta, Georgia, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. Huwa taʼ sfida li nistudjaw il-​Bibbja f’ambjent taʼ ħabs. Bħala ministri volontieri, ġejna f’kuntatt maʼ ħallelin taʼ banek, ħattafa, qattiela, nies li jittraffikaw id-​drogi, imbroljuni, u oħrajn li kkommettew offiżi sesswali. Kif jiġu megħjunin individwi bħal dawn?

L-​EWWELNETT, huwa taʼ interess li tkun taf meta u kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah daħlu f’dan il-​ħabs għall-​ewwel darba. Dan ġara fl-​4 taʼ Lulju, 1918. Grupp taʼ tmien ministri Kristjani distinti ttellgħu l-​15-il tarġa tal-​granit taʼ dan il-​ħabs federali. Kieku mxew skond l-​użanza komuni taʼ dak iż-​żmien, dawn kienu jispiċċaw b’idejhom manettjati maʼ “ktajjen imdawrin maʼ żaqqhom,” u b’saqajhom fiċ-​ċippijiet. Il-​ħabsin il-​ġodda kienu rġiel kwalifikati spiritwalment li kienu minn taʼ quddiem fost l-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin dakinhar ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Dawn l-​irġiel ma setgħux jobsru li fi ftit inqas minn sena kien se jiġi stabbilit li huma ġew mitfugħin il-​ħabs minħabba li s-​sistema ġudizzjarja kienet falliet għalkollox li tagħmel ġustizzja. F’Marzu taʼ l-​1919, it-​tmien ministri Xhieda niżlu minn dawk l-​istess tarġiet tal-​ħabs, imma din id-​darba bla manetti u ħelsin. Iktar tard huma ġew eżonerati meta l-​awtoritajiet iddeċidew li jwaqqgħu l-​akkużi kontrihom.a

Matul il-​priġunerija tagħhom f’Atlanta, dawn l-​irġiel Kristjani kkonduċew klassijiet taʼ studju tal-​Bibbja. Wieħed mit-​tmien ħabsin, A. H. Macmillan, iktar tard irrapporta li l-​gwardjan deputat kien ostili għall-​ewwel imma fl-​aħħar tqanqal biex jgħid: “X’lezzjonijiet taʼ l-​għaġeb qed tagħmlu hemmhekk [mal-priġunieri]!”

Illum, iktar minn 80 sena wara, individwi qed ikomplu jiġu megħjunin permezz taʼ klassijiet produttivi taʼ studju tal-​Bibbja, propju f’dan l-​istess ħabs. F’diversi okkażjonijiet, uffiċjali tal-​ħabs għażlu lil membri tat-​tim tagħna għal rikonoxximent speċjali u premjijiet onorarji. L-​effettività taʼ dawn il-​programmi edukattivi tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġiet pubblikata wkoll fil-​bullettin nazzjonali Volunteer Today, pubblikat mid-​Dipartiment tal-​Ġustizzja taʼ l-​Istati Uniti, l-​Uffiċċju Federali tal-​Ħabsijiet.

Wieħed mill-​benefiċċji tal-​programm taʼ studju tal-​Bibbja mal-​ħabsin huwa t-​titjib notevoli fil-​kondotta tagħhom. Bħala riżultat, xi wħud minnhom ħarġu mill-​ħabs qabel iż-​żmien. Xi nies pessimisti għandhom mnejn jassumu li l-​ħabsin jistudjaw il-​Bibbja magħna għal din ir-​raġuni biss. Filwaqt li f’xi ftit każi hekk ġara, mill-​esperjenza tagħna rajna li ħafna drabi jiġri l-​oppost. Kemm-il darba nisimgħu li l-​istudenti tagħna għad għandhom kondotta Kristjana tajba ħafna snin wara li jkunu nħelsu mill-​ħabs, u dan iġibilna ferħ kbir. Dawn li ġejjin huma xi ftit mill-​ħafna esperjenzi li gawdejna wara l-​ħitan għolja taʼ din il-​faċilità storika.

Ħabsin Immigranti Jsibu t-​Tama

Fil-​bidu tas-​snin tmenin tas-​seklu l-​ieħor, aħna li konna qed nippridkaw fil-​ħabs t’Atlanta gawdejna l-​privileġġ li ngħinu lil ħafna ħabsin immigranti. Il-​bidliet li għamlu xi wħud kienu straordinarji.

Fil-​bidu Raoulb kien ħabsi perikoluż għall-​aħħar. Hu u ħabib tiegħu kienu kriminali professjonali u kienu qed jiskontaw piena għal qtil. Dawn kienu vjolenti iktar mis-​soltu, skond ma qalu l-​anzjani li għenuhom. Raoul kellu għedewwa kbar. Wieħed raġel kien ħalef li joqtol lil Raoul, u Raoul kien ħalef li jagħmillu l-​istess. Raoul twerwer meta l-​għadu kbir tiegħu ġie trasferit fl-​istess ħabs f’Atlanta. Kienet ħaġa ċerta li f’xi ħin jew ieħor dawn iż-​żewġ għedewwa kbar kienu se jiltaqgħu fil-​bitħa, fil-​kafetterija, jew fiċ-​ċelel. Madankollu, wara li studja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, Raoul għamel bidliet drammatiċi fil-​mod kif jaħseb, kif iġib ruħu, u fid-​dehra tiegħu. Meta fl-​aħħar mill-​aħħar iż-​żewġt irġiel iltaqgħu fil-​bitħa tal-​ħabs, l-​għadu l-​kbir taʼ Raoul lanqas biss għarfu! Il-​ġlieda mdemmija li kienet tidher inevitabbli qatt ma seħħet.

Meta Raoul iddeċieda li jissimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħu lil Alla permezz tal-​magħmudija, kellhom isibu tank taʼ l-​ilma addattat. Il-​qassis tal-​ħabs solva l-​problema billi ġab tebut iswed biex jintuża bħala tank għall-​magħmudija. It-​tebut ġie mimli bl-​ilma sa fuqnett. Imma Raoul kien jidher akbar mit-​tebut. Għalhekk, żewġ anzjani ħadmu flimkien biex jiżguraw li Raoul jitniżżel kompletament taħt l-​ilma, bħalma titlob il-​Bibbja. (Mark 1:9, 10) Illum Raoul hu bniedem ħieles u qed ikompli jaqdi bħala ministru Kristjan żeluż.

Fl-1987 ittieħdet deċiżjoni li ħafna ħabsin immigranti jiġu deportati u dan wassal għal vjolenza qerrieda u splussiva ġol-​ħabs li xxandret maʼ kullimkien. Anki ostaġġi kien hemm. Madankollu, dawk li ftit nies jafu bihom huma l-​istejjer taʼ priġunieri immigranti kuraġġużi li ssograw ħajjithom billi rrifjutaw li jingħaqdu mar-​rewwixta splussiva u vjolenti. Dawn kienu studenti li kienu jiġu fil-​klassijiet tagħna għall-​istudju tal-​Bibbja. Dawn l-​irġiel, li darba kienu ħfief biex jiġġieldu sal-​mewt, baqgħu newtrali u ma ċċappsux mal-​vjolenza u l-​vandaliżmu. X’xiehda effettiva kienet din li l-​Bibbja għandha l-​qawwa li tbiddel saħansitra lil kriminali ħorox fi Kristjani li jħobbu l-​paċi!—Lhud 4:12.

Sab il-​Maħfra

Esperjenza memorabbli oħra kienet dik taʼ James. Qabel hu kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah imma kien ħalla lilu nnifsu jiddgħajjef spiritwalment. Ċeda għat-​tentazzjoni u kkommetta frodi f’bank. B’hekk ġie maqtugħ mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni Kristjana u ntbagħat fil-​ħabs federali t’Atlanta. Iktar tard hu qalilna: “Dan kien l-​iktar perijodu miżerabbli f’ħajti.”

Il-ħajja fil-​ħabs kienet iebsa. “Kont inħoss sentimenti koroh taʼ solitudni u disprament,” jiftakar James. Madankollu, meta sab ruħu maqful f’ċella żgħira tal-​ħabs, hu beda jeżamina lilu nnifsu bis-​serjetà. Hu ddeskrivieha b’dan il-​mod: “L-​iktar li kien iweġġagħni fil-​ħabs ma kinux id-​dwejjaq persunali li kelli imma l-​fatt li kont inqast lil Missieri tas-​sema.” Wara diversi xhur wieħed mill-​ħabsin li kien qed jistudja l-​Bibbja mal-​volontieri Xhieda avviċina lil James u stiednu biex jattendi l-​klassijiet taʼ studju tal-​Bibbja. Għall-​ewwel, James staħa għax ma ħassux denju u rrifjuta. Imma ż-​żagħżugħ baqaʼ jinsisti, u eventwalment James attenda l-​laqgħa tal-​Ħadd.

Hu baqaʼ mqanqal ħafna meta ra kemm ix-​Xhieda li jikkonduċu l-​klassi kien tassew jimpurtahom mill-​istudenti. Iktar tard kien hemm xi ħaġa oħra li laqtitu. Minħabba l-​esperjenzi li kellu fil-​passat, James kien assuma li l-​volontieri reliġjużi kollha kienu jitħallsu tajjeb ħafna għax-​xogħol li jagħmlu mal-​ħabsin. Imma b’sorpriża għalih sar jaf li x-​Xhieda ma kinux jibagħtu l-​kont u ma kinux jitħallsu taʼ dak li jagħmlu.—Mattew 10:8.

James beda jħares ’il quddiem b’mod ħerqan għal-​laqgħat. Hu sab li l-​aħwa li kienu jikkonduċu dawn il-​laqgħat kienu qalbhom tajba u taʼ inkuraġġiment. Kien hemm anzjan partikulari li impressjonah. “Kont inkun fuq ix-​xwiek biex nerġaʼ narah,” jiftakar James, “għax il-​verità tal-​kelma t’Alla kien jagħtiha l-​ħajja; kont tittieħed minnu, xi spirtu kellu. Hu ġagħalni nifhem il-​bżonn li naqra l-​Bibbja billi nuża r-​raġunar loġiku sabiex nieħu s-​sens veru tal-​messaġġ—li nagħmilha verament parti minni u, iktar importanti, niżviluppa l-​moħħ taʼ Kristu.”

James sabha diffiċli biex jemmen li Alla setaʼ jaħfirlu l-​iżbalji li kien għamel. X’għenu? “Il-​maħfra t’Alla kienet tidher fil-​mod kif imxew magħna rġiel leali li ssagrifikaw lilhom infushom.c Kien hemm xi ħaġa li saret ċara ħafna: Minkejja d-​dnubiet koroh tiegħi, il-​ħu lanqas qatt ma insinwa bl-​iċken mod li Alla ma setax jaħfirli. Jehovah qatt m’abbandunani. Hu ra li jien kont indimt mill-​qalb u ċħadt għalkollox ħajja daqshekk belha u qarrieqa; u berikni bil-​kbir.” Tabilħaqq, James reġaʼ ġie milqugħ fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hu ħareġ mill-​ħabs madwar għaxar snin ilu u għadu attiv u żeluż. B’ferħ għal martu u l-​familja tiegħu, issa qed jaqdi bħala qaddej ministerjali u dan l-​aħħar ta l-​ewwel taħdita pubblika tiegħu.

Sab it-​Triq

Fil-​bidu tas-​snin disgħin tas-​seklu l-​ieħor iltqajna maʼ Johnny. Il-​membri tal-​familja tiegħu kellhom xi konnessjoni max-​Xhieda taʼ Jehovah imma ħadd minnhom ma kien b’saħħtu spiritwalment biex jipprovdi l-​gwida spiritwali u morali li Johnny kellu bżonn waqt li kien qed jikber. Johnny waqaʼ f’ħajja taʼ kriminalità. Hu ntbagħat fil-​kamp tal-​ħabs federali biswit il-​ħabs t’Atlanta. Fiż-​żmien li qattaʼ hemmhekk sar jaf bil-​klassijiet taʼ studju tal-​Bibbja li konna nagħmlu u ddeċieda li jattendi.

Għall-ewwel, Johnny bil-​kemm kien jaf jaqra. Madankollu, tant kien ħerqan li jikseb iktar għarfien dwar Jehovah u Ġesù Kristu li kien determinat li jitgħallem jaqra tajjeb. (Ġwann 17:3) Taʼ spiss, il-​klassijiet li nikkonduċu jgħinuhom ħafna lill-​ħabsin f’dan ir-​rigward, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-​abbiltà tal-​qari u l-​qari fil-​pubbliku. Johnny tant stinka fl-​istudji tiegħu li l-​istudenti sħabu bdew jirrispettawh, jammirawh, u jħarsu lejh bħala eżempju taʼ kif għandu jkun student serju tal-​Bibbja.

Ħafna xhur wara, Johnny ġie trasferit fil-​faċilità federali taʼ Talladega, f’Alabama, sabiex jattendi wieħed mill-​programmi edukattivi li jsiru hemmhekk dwar id-​drogi. Malli wasal, ma damx ma beda jieħu sehem fil-​laqgħat Kristjani tax-​Xhieda taʼ Jehovah li kienu jinżammu hemmhekk. Hu baqaʼ attiv sakemm fl-​aħħar inħeles. U meta wasal dak il-​jum taʼ ferħ, Johnny ma qagħadx jaħsibha biex jikkuntattja lix-​Xhieda fil-​belt żgħira fejn kien jgħix. L-​aħwa laqgħuh b’idejhom miftuħa u hu kompla jistudja u jimxi ’l quddiem spiritwalment.

L-entużjażmu u l-​imħabba għall-​verità tal-​Bibbja li wera Johnny inkuraġġew ukoll lil ommu biex tinvolvi ruħha iktar f’attivitajiet tal-​kongregazzjoni. Johnny hu sors kbir taʼ saħħa u għajnuna prattika għaliha. Dan l-​aħħar hu tgħammed bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħu lil Alla Jehovah, u qed ikompli jkollu sehem attiv fil-​ministeru Kristjan.

Ħsad Abbundanti

Matul dawn l-​aħħar għoxrin sena, iktar minn 40 ħabsi fil-​ħabs t’Alabama ġew megħjunin biex isiru ministri mgħammdin tax-​Xhieda taʼ Jehovah; iktar minn 90 ħabsi ieħor ibbenefikaw ukoll minn studji tal-​Bibbja li jinżammu kull ġimgħa. Ħabsin oħra tgħammdu wara li ħarġu mill-​ħabs jew wara li ttieħdu f’ħabsijiet oħra.

Aħna li nżuru dan il-​ħabs storiku ġimgħa wara l-​oħra biex ngħinu lil ħabsin li nidmu tassew, ninsabu grati li naqdu f’dan il-​ministeru Kristjan uniku. (Atti 3:19; 2 Korintin 7:8-13) F’ambjent ikrah taʼ torrijiet b’għassiesa armati bl-​ixkubetti, gwardji, kanċelli li jaħdmu bl-​elettriku, u dwawar ileqqu taʼ ħadid iniggeż, aħna mtlejna b’ferħ u stagħġib meta rajna kriminali federali jbiddlu ħajjithom u jsiru ċittadini onesti u adoraturi leali t’Alla.—1 Korintin 6:9-11.—Kontribwit.

[Noti taʼ taħt]

a Għal rakkont dettaljat taʼ dan il-​każ, ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġni 647-56, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b L-ismijiet tal-​ħabsin ġew mibdulin.

c It-Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 1991, ħeġġeġ lill-​anzjani Kristjani biex bl-​imħabba jżuru lil ħafna mill-​individwi li ġew maqtugħin mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni Kristjana. L-​iskop taʼ dan kien li jiġu inkuraġġiti biex jirritornaw lejn Jehovah.—2 Korintin 2:6-8.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 20, 21]

“Intom Ilqajtu Ftit mill-​Aqwa Ħbieb Tiegħi”

F’APRIL taʼ l-​1983, Frederick W. Franz, li dak in-​nhar kien jaqdi fil-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, żar il-​ħabs t’Atlanta fl-​Istati Uniti. Hu kien ħerqan mhux ħażin li jżur dan il-​ħabs partikulari. Hu u dieħel fil-​bini, qal b’leħen għoli lill-​għassies li kien bil-​qiegħda wara skrivanija fl-​intrata: “Irridek tkun taf li intom ilqajtu ftit mill-​aqwa ħbieb tiegħi hawnhekk!” L-​għassies baqaʼ jħares lejh mifxul. Fuqiex kien qiegħed jitkellem Franz?

Il-​każ kien ġara 64 sena qabel meta Joseph F. Rutherford u s-​sebat irġiel imseħbin miegħu ġew akkużati b’mod falz bi tradiment. Iktar tard Rutherford u Franz ħadmu flimkien u saru ħbieb tal-​qalb. Issa, iktar minn 40 sena wara l-​mewt taʼ Rutherford—u meta hu stess kellu madwar 90 sena—Franz kellu l-​pjaċir li jżur il-​post fejn ħabibu kien inżamm il-​ħabs żmien twil ilu. M’hemmx dubju li hu ħaseb dwar ix-​xogħol li Rutherford u sħabu għamlu mill-​ħitan tal-​ħabs ’il ġewwa. Liema xogħol kien dan?

Ftit wara li waslu Rutherford u sħabu, il-​gwardjan deputat qalilhom: “Se nagħtukom xi xogħol x’tagħmlu. Allura, x’tafu tagħmlu?”

“Deputat,” wieġeb A. H. Macmillan, wieħed mit-​tmienja, “Jien f’ħajti qatt m’għamilt xejn ħlief nippriedka. Għandkom xi ħaġa simili hawnhekk?”

“Dażgur li le! Intom għalhekk qegħdin hawn, u ara x’se ngħidilkom, m’intomx se tippridkaw hawn ġew.”

Għaddew diversi ġimgħat. Il-​priġunieri kollha kienu mitluba li nhar taʼ Ħadd jattendu funzjoni reliġjuża fil-​kappella u wara, kulmin kien jixtieq setaʼ jibqaʼ hemmhekk biex jattendi l-​lezzjoni dwar ir-​reliġjon. It-​tmint irġiel iddeċidew li jifformaw il-​klassi tagħhom taʼ studju tal-​Bibbja, u kienu jikkonduċuha darba kull wieħed. “Għall-​bidu bdew ġejjin xi wħud kurjużi, u wara komplew jiżdiedu,” spjega iktar tard Rutherford. Fi żmien qasir, il-​grupp żgħir taʼ tmienja min-​nies telaʼ għal 90 ruħ!

Kif irreaġixxew il-​priġunieri għall-​klassi taʼ studju tal-​Bibbja? Wieħed mill-​priġunieri qal: “Jien għandi tnejn u sebgħin sena, u kelli nsib ruħi l-​ħabs biex nismaʼ bil-​verità. Għal daqshekk jien ferħan li ntbgħatt il-​ħabs.” Ieħor qal: “Jien dalwaqt se noħroġ minn hawn; jiddispjaċini li se jkolli nitlaq . . . Tistgħu tgħiduli fejn nistaʼ nsib nies bħalkom meta nitlaq?”

Il-​lejl qabel ma ġew meħlusin, it-​tmint irġiel irċivew ittra li tqanqal mingħand żagħżugħ li kien attenda l-​klassi tagħhom. Hu kiteb: “Irridkom tkunu tafu li intom ħallejtuni bix-​xewqa li nsir raġel aħjar u iktar kapaċi, jekk dan jistaʼ joħroġ minn ġisem mejjet bħal tiegħi li tant hu maħmuġ u mħassar b’dak li esperjenza fid-​dinja. . . . Jien dgħajjef, dgħajjef ħafna, ħadd iktar ma jaf dan aħjar minni. Imma se nipprova, u jekk ikun hemm bżonn se niġġieled miegħi nnifsi biex nikseb il-​frott kollu minn din iż-​żerriegħa li żrajtu, ħalli nkun nistaʼ ngħin mhux biss lili imma wkoll lil dawk taʼ madwari. Dan kollu jistaʼ jidher stramb, meta tqisuh li ġej mingħand wieħed bħali, imma b’sinċerità kbira, kull kelma li għedt għedtha bis-​serjetà.”

Illum, iktar minn 80 sena wara, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għadhom qed jiżirgħu żrieragħ tal-​verità Biblika fil-​ħabs t’Atlanta—kif ukoll f’ħabsijiet oħra.—1 Korintin 3:6, 7.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja