Id-Dehra Ġdida tal-British Museum
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-BRITANNJA
Il-British Museum f’Londra jilqaʼ kważi sitt miljun viżitatur kull sena. Xi sena ilu, irnexxielu jkabbar l-ispazju tiegħu b’40 fil-mija sabiex ikun jistaʼ jakkomoda lil dawn il-folol. Dan kif kien possibbli?
Il-librerija tal-British Museum u l-British Museum infetħu għall-pubbliku fl-1759. Il-bini li kien jakkomodahom tlesta fl-1852. Imma fl-1997, il-librerija, magħrufa bħala l-British Library (il-Librerija Britannika), ġiet trasferita f’bini ġdid ieħor fil-qrib flimkien maʼ 12-il miljun ktieb stampat u għaxriet t’eluf taʼ manuskritti u siġilli. Din iċ-ċaqliqa wittiet it-triq biex il-British Museum ikun jistaʼ jkabbar billi jiftaħ il-bitħa ċentrali. Din il-bitħa kienet ilha magħluqa għall-pubbliku għal kważi 150 sena!
L-iktar parti li tispikka taʼ din il-bitħa, magħrufa bħala l-Great Court (il-Bitħa l-Kbira) u li issa spiċċat vojta, kienet ir-Reading Room (is-Sala tal-Qari). Din għandha s-saqaf f’forma taʼ koppla. Minn mindu nfetħet fl-1857, din ir-Reading Room kienet post ideali għal riċerkaturi mid-dinja kollha. Mohandas Gandhi, Charles Darwin, u Karl Marx huma fost dawk l-uħud li ħadmu fis-skiet u l-privatezza taʼ din il-librerija prestiġjuża. Din is-sala nfetħet għall-pubbliku għall-ewwel darba. Issa fiha nsibu l-kollezzjoni taʼ 25,000 volum li għandu l-mużew.
Il-koppla taʼ din is-sala storika ġiet restawrata. Issa l-Great Court, inkluż ir-Reading Room, hi miksija b’saqaf manjifiku li jiżen 800 tunnellata. Il-qafas taʼ dan is-saqaf huwa magħmul mill-azzar u huwa mżejjen bi 3,312-il trijanglu tal-ħġieġ. Id-daqs taʼ kull biċċa ġie mkejjel b’reqqa kbira bil-kompjuter.
Illum, fir-Reading Room, wieħed għandu aċċess permezz tal-kompjuters għall-eluf taʼ teżori imprezzabbli li għandu l-British Museum. The Times taʼ Londra ddeskriviet id-dehra ġdida taʼ dawn il-faċilitajiet ġodda bħala kapulavur. Il-viżitaturi jaqblu b’entużjażmu kbir!
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 31]
Fuq fin-nofs u isfel: Copyright The British Museum; l-oħrajn kollha: Copyright Nigel Young/The British Museum