Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Li Tinvolvi Ftit Ruħek fl-Okkult—X’Hemm Ħażin f’Dan?
HUMA l-adolexxenti tassew interessati fl-okkult? Grupp taʼ riċerkaturi pprovaw isibu t-tweġiba għal dan permezz taʼ stħarriġ li għamlu fost l-istudenti f’115-il klassi primarja u sekondarja. L-istħarriġ kixef dawn l-istatistiċi informattivi: Iktar min-nofs taʼ dawk li ġew intervistati (54 fil-mija) qalu li huma interessati fl-okkult u fis-soprannaturali, filwaqt li kwart minnhom (26 fil-mija) qalu li huma “interessati ħafna.”
Riċerkaturi għall-Università taʼ l-Alaska f’Anchorage kitbu: “Stejjer fil-gazzetti u r-rivisti dwar iż-żjieda kbira f’daqqa li suppost kien hemm fl-attività tal-kulti sataniċi . . . kotru f’dawn l-aħħar ftit snin.” L-esperti jgħidu li hemm ftit li xejn evidenza solida li tikkonferma li dak li qed jingħad, jiġifieri li s-Sataniżmu qed jinfirex fost iż-żgħażagħ, huwa minnu. Madankollu, m’hemmx dubju li ħafna żgħażagħ huma interessati f’xi aspetti tas-Sataniżmu u l-okkult, anki jekk dan it-tip taʼ interess huwa taʼ darba kultant.
Għalhekk, xi żgħażagħ għandhom mnejn jistaqsu, ‘X’hemm ħażin f’li tinvolvi ftit ruħek fl-okkult?’ Bħala tweġiba, ejja naraw għala xi żgħażagħ jibdew jinvolvu ruħhom fl-okkult.
Xi Jħajjarhom għall-Okkult
Artiklu fil-U.S.News & World Report osserva li “llum it-tfal u l-adolexxenti għandhom aċċess u huma esposti għal ammont kbir taʼ stampi u informazzjoni li jħawduk—ħafna drabi li jdejquk—li saħansitra 20 sena ilu ma kontx toħlom bihom.” Il-kurżità ġġiegħel lil ħafna żgħażagħ jaqraw kotba u rivisti, jaraw vidjos, jew ifittxu fuq Web sites taʼ l-Internet li juru affarijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ l-okkult.
Skond l-aħbarijiet tal-BBC Online, programmi popolari fuq it-TV li juru s-seħer u l-vampiriżmu “jingħad li jinkuraġġixxu interess lejn is-seħer fost it-tfal.” Bl-istess mod, xi mużika heavy metal tittratta dwar temi vjolenti jew demoniċi. Tom Harpur, kittieb f’gazzetta, kiteb hekk fil-gazzetta taʼ Toronto The Sunday Star: “Nixtieq nagħti kemm jistaʼ jkun l-akbar twissija dwar dak li qed jiġri [fil-mużika]. . . . Qatt ma rajt xi ħaġa daqshekk imħassra moralment. Id-diski huma ossessjonati bil-ġenn, pussess, demonji, demm, saħtiet, vjolenza taʼ kull tip, inkluż l-istupru, tferi lilek innifsek, qtil, u suwiċidju. Il-mewt u l-qerda, profeziji taʼ kundanna, iċ-ċaħda taʼ kulma hu tajjeb u t-tħaddin taʼ dak kollu li hu waħxi u ħażin—dawn huma t-temi.”
Veru li jekk tismaʼ mużika bħal din jistaʼ jwassal għal aġir distruttiv? Evidentement, dan sar għall-inqas f’każ wieħed—dak taʼ żagħżugħ taʼ 14-il sena fl-Istati Uniti li l-ewwel qatel lil ommu b’daqqiet taʼ sikkina, imbagħad qatel lilu nnifsu. Il-ħitan tal-kamra tiegħu kienu miksijin b’posters taʼ mużiċisti tal-heavy metal. Wara dan kollu missieru talab bil-ħniena: “Għidu lill-ġenituri biex joqogħdu attenti x’tip taʼ mużika qed jisimgħu t-tfal tagħhom.” Qal ukoll li ġimgħa qabel ma ibnu qatel lil ommu, it-tifel qagħad ikanta kanzunetta rock “dwar id-demm u l-qtil taʼ ommok.”
Imbagħad hemm ċertu tip taʼ logħob, li ftit minnu jippermetti lil min ikun qed jilgħab biex jieħu l-irwol taʼ saħħâr jew taʼ xi ħadd li għandu x’jaqsam maʼ l-okkult. Ħafna minn dan il-logħob juri vjolenza demonika.a
Madankollu, l-organizzazzjoni taʼ riċerka Mediascope tirrapporta: “Xi studji juru li l-preferenza għall-mużika heavy metal tistaʼ tkun indikazzjoni sinifikanti taʼ iżolament, abbuż taʼ sustanzi, problemi psikjatriċi, riskju taʼ suwiċidju . . . jew imġiba riskjuża waqt l-adolexxenza, imma l-mużika m’hijiex il-kaġun għal din l-imġiba. Huwa [maħsub] li l-adolexxenti li jkunu diġà qegħdin jitħabtu maʼ dawk il-problemi jistgħu jinġibdu lejn il-mużika heavy metal, minħabba li l-lirika tesprimi s-sentimenti taʼ dwejjaq tagħhom.”
Forsi veru li mhux ir-riċerkaturi kollha jaqblu mal-perikli li hemm meta tismaʼ l-mużika satanika. Imma jistaʼ jkun li ma ġġarrab ebda ħsara jekk tkun tħobb tara vidjos, tismaʼ mużika, jew tilgħab logħob li jinkuraġġixxu l-vjolenza jew li tweġġaʼ lilek innifsek? Madankollu, jerġaʼ hemm periklu akbar għall-Kristjani jekk jinvolvu ftit ruħhom fl-okkult.
Il-Ħarsa t’Alla Lejn l-Okkult
Fl-iskrittura taʼ l-1 Korintin 10:20, l-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani: “Jien ma rridx li intom tidħlu f’għaqda mad-demonji.” Min huma d-demonji, u għala huwa daqshekk taʼ periklu li tinvolvi ruħek magħhom? Fi ftit kliem, għax id-demonji kienu anġli li ddeċidew li jmorru wara Satana x-Xitan. Satana jfisser “Avversarju” u Xitan ifisser “Kalunnjatur.” Skond il-Bibbja, dan li qabel kien iben anġeliku t’Alla għamel lilu nnifsu avversarju u kalunnjatur billi għażel li jirribella kontra Alla. Maż-żmien, ħajjar lil anġli oħra biex jingħaqdu fil-korsa ribelluża tiegħu. B’hekk, dawn l-alleati saru demonji.—Ġenesi 3:1-15; 6:1-4; Ġuda 6.
Ġesù sejjaħ lil Satana bħala “l-ħakkiem taʼ din id-dinja.” (Ġwanni 12:31, NW) Satana u d-demonji tiegħu għandhom “korla kbira” minħabba l-qerda li ġejja fuqhom dalwaqt. (Apokalissi 12:9-12) Mela mhux taʼ sorpriża li dawk li involvew ruħhom mad-demonji sabu li dawn huma brutali. Waħda mara fis-Surinam, li kibret fost familja li kienet tipprattika l-ispiritiżmu, esperjenzat personalment kif id-demonji “jieħdu gost jittorturaw lill-vittmi innoċenti tagħhom.”b Li tinvolvi ruħek b’xi mod maʼ dawn il-ħlejjaq spirti krudili huwa tassew taʼ periklu kbir ferm!
Għal din ir-raġuni, Alla kkmanda lin-nies tiegħu tal-qedem, l-Iżraelin, biex jevitaw il-prattiċi kollha taʼ l-okkult. Dewteronomju 18:10-12 iwissi: “Mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ.” Il-Kristjani kienu wkoll imwissijin li dawk li jipprattikaw l-ispiritiżmu kellhom jinqerdu minn Alla. (Apokalissi 21:8) Anki li tinvolvi ruħek ftit fl-okkult huwa kundannat minn Alla. “La tmissux l-imniġġes,” tikkmanda l-Bibbja.—2 Korintin 6:17.
Il-Ħelsien mill-Prattiċi taʼ l-Okkult
Għamilt int l-iżball li involvejt ftit ruħek fl-okkult? Jekk inhu hekk, ikkunsidra x’ġara fl-ewwel seklu fil-belt taʼ Efesu. Kien hemm ħafna li kienu “jagħmlu s-sħarijiet.” Imma xi wħud tqanqlu bix-xogħlijiet taʼ qawwa li għamel l-appostlu Pawlu bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis. Ir-riżultati x’kienu? “Bosta minn dawk li qabel kienu jagħmlu s-sħarijiet ġiebu l-kotba tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd. Meta għamlu l-istima tagħhom, sabu li kienu jiswew ħamsin elf biċċa tal-fidda. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tikber u tissaħħaħ bil-qawwa kollha.”—Atti 19:11-20.
X’jgħidilna dan kollu? Li jekk xi persuna tixtieq teħles mill-qabda tad-demonji, hu jew hi għandha teqred l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-qima satanika! Dan jinkludi kull ktieb, poster, ktieb tal-comics, vidjo, amulet (oġġett li jintlibes biex “jipproteġi” lil dak li jkun), u materjal demoniku misjub minn fuq l-Internet. (Dewteronomju 7:25, 26) Armi kull ħaġa li tistaʼ tiġi użata għad-divinazzjoni, bħalma huma l-boċċa tal-kristall jew il-Ouija boards. Ukoll, eħles mill-mużika jew vidjos li għandhom tema satanika.
Jinħtieġu qlubija u determinazzjoni biex jittieħdu dawn il-passi kuraġġużi. Imma l-benefiċċji jistgħu jkunu kbar. Waħda mara Kristjana jisimha Jeanc, xtrat logħba tal-kompjuter li għall-ewwel ma kien jidher li fiha xejn ħażin. Imma, waqt li kompliet tilgħabha, skopriet ċertu aspetti li kienu jidħlu fin fin fl-ispiritiżmu. Fi żmien qasir, beda jkollha ħolm estremament ikrah! Jean tgħid: “Darba qomt f’nofs taʼ lejl, u rmejt il-compact discs tal-logħba.” X’kien ir-riżultat? “Minn dak in-nhar ’l hemm ma kellix iktar dan it-tip taʼ ħolm.”
Jekk turi li int verament determinat li teħles minn dawn l-affarijiet, se jkollok suċċess. Ftakar fid-determinazzjoni li wera Ġesù meta x-Xitan ipprova jħajru biex jaqdih. “Qallu Ġesù: ‘Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.”’ Mbagħad ix-Xitan ħallieh.”—Mattew 4:8-11.
Tiġġilidx Waħdek
L-appostlu Pawlu jfakkarna li l-Kristjani kollha għandhom “ġlieda. . . kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.” (Efesin 6:12) Imma tipprovax tiġġieled lil Satana u lid-demonji tiegħu waħdek. Ikseb għajnuna mill-ġenituri tiegħek li għandhom il-biżaʼ minn t’Alla u mingħand l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana lokali tiegħek. Jistaʼ jkun taʼ mistħija li tistqarr l-involviment tiegħek f’dawn l-affarijiet, imma dan jistaʼ jwassal għal li tirċievi dik l-għajnuna li tant għandek bżonn.—Ġakbu 5:14, 15.
Ftakar, ukoll, li l-Bibbja tgħid: “Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:7, 8) Iva għandek l-għajnuna taʼ Alla Jehovah! Hu se jgħinek teħles min-nassa taʼ l-okkult.
[Footnotes]
a Ara l-artiklu “Young People Ask . . . Is There Any Danger in Role-Playing Games?” (Hemm Xi Periklu f’Logħob Fejn Tieħu l-Irwol taʼ Xi Ħadd?), fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Awissu, 1999.
b Ara l-artiklu “Shaking Off the Yoke of Spiritism” (Il-Ħelsien mill-Ħakma taʼ l-Ispiritiżmu) fil-ħarġa taʼ l-1 taʼ Settembru, 1987, tar-rivista The Watchtower li toħroġ flimkien maʼ din, pubblikata mix-Xhieda taʼ Jehovah.
c L-isem ġie mibdul.
[Stampa f’paġna 26]
Eħles mill-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu maʼ qima satanika
[Stampa f’paġna 26]
Oqgħod attent mill-Web sites li jippromwovu l-ispiritiżmu