LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 2/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġersijiet għall-​Pingwini
  • Il-​Kontroversja tat-​Tmeċliq
  • ‘Is-​Sindromu taʼ Meta Tarbija Tiġi Mriegħda’
  • Żgħażagħ Xurbana
  • L-​Imwiet bit-​Tipjip Huma t’Għajnuna għall-​Ekonomija?
  • Ngħinu lit-​Tfal Ikunu Inqas Materjalistiċi
  • L-​Attitudni Tajba taʼ Tabib Lejn il-​Pazjent Ittejjeb il-​Fejqan
  • Il-​Valur taʼ l-​Eżerċizzju Regulari
  • Tfal li Jbatu minn Stress
  • Stili Taʼ Ħajja Li Jmarrdu Kemm Hi Għolja L-​ispiża?
    Stenbaħ!—1997
Stenbaħ!—2002
g02 2/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Ġersijiet għall-​Pingwini

Iktar minn 1,000 ġersi magħmulin minn volontieri madwar id-​dinja ntbagħtu lejn it-​Tasmanja, l-​Awstralja. Min se jilbishom? Il-​fairy penguins—għasafar żgħar li jiżnu madwar kilo u li jgħixu fi nħawi spiss imniġġsin biż-​żejt li jiskula mill-​vapuri. “Meta jnaddfu r-​rix b’munqarhom,” tispjega n-​National Post tal-​Kanada, “huma jibilgħu ż-​żejt tossiku li jkun weħel maʼ rixhom. Il-​volontieri qegħdin ilibbsu dawn il-​ġersijiet lill-​għasafar miksijin biż-​żejt biex ma jħalluhomx jibilgħuh [qabel] inaddfuhom.” Barra minn hekk, tirrapporta l-​Post, il-​ġersijiet jgħinu lill-​pingwini jibqgħu sħan. Jo Castle, kelliema għat-​Tasmanian Conservation Trust, tgħid li l-​ġersijiet intużaw ukoll għall-​għasafar tal-​baħar fl-​Emisferu taʼ Fuq imma li l-​mudell “ġie disinjat mill-​ġdid għall-​pingwini ċkejknin fl-​emisferu t’isfel.”

Il-​Kontroversja tat-​Tmeċliq

Tmeċlaq jew ma tmeċlaqx, din hi l-​kwistjoni kollha—għallinqas għall-​parruċċani f’restoranti popolari li jservu s-​soppa tan-​noodles fil-​Ġappun. Ħafna Ġappuniżi taʼ mezz’età u ftit ixjeħ iħossu li n-​noodles it-​twal fil-​fatt ikollhom togħma aħjar jekk tiġbidhom bi tmeċliq int u tixrob il-​brodu u waqt li jkunu għadhom sħan. Dawn iqisu t-​tmeċliq bħala xi ħaġa normali u iktar ma tmeċlaq iktar turi li tassew qed tieħu pjaċir tiekol. Imma l-​ġenerazzjoni l-​ġdida taż-​żgħażagħ fil-​Ġappun għandha opinjoni differenti rigward l-​etikett li għandek tuża meta tiekol in-​noodles. The Japan Times tirrapporta: “Iż-​żgħażagħ Ġappuniżi iktar moħħhom li ma jmorrux iwaqqgħu s-​soppa fuq l-​ingravati tal-​ħarir li jkollhom jew li jċappsu ħwejjiġhom disinjati minn stilisti famużi. Peress li trabbew b’manjieri tal-​Punent u b’dieta li xxaqleb lejn il-​Punent, huma x’aktarx li se jħossuhom offiżi meta dawk taʼ madwarhom imeċilqu.” Din il-​kwistjoni tat-​tmeċliq saret parti mill-​generation gap tal-​Ġappun, u minħabba f’hekk xi wħud akbar fl-​età jħossuhom skomdi jekk imeċilqu meta jieklu n-​noodles fil-​pubbliku. Waqt li appoġġat lill-​ġenerazzjoni ixjeħ, gazzetta Ġappuniża ewlenija lmentat: “Se jkun verament sentiment taʼ solitudni meta ħadd ma jagħmel ħsejjes tat-​tmeċliq iktar.”

‘Is-​Sindromu taʼ Meta Tarbija Tiġi Mriegħda’

Li triegħed tarbija minn dirgħajha, saqajha, jew spallejha jistaʼ jikkaġuna problemi serji taʼ saħħa, tirrapporta l-​gazzetta El Universal taʼ Mexico City. “Xi tobba jsostnu li ħafna individwi li għandhom diffikultà biex jitgħallmu huma vittmi tas-​sindromu taʼ meta tarbija tiġi mriegħda.” Skond l-​ispeċjalista pedjatriku Juan José Ramos Suárez, “din it-​trawma tistaʼ tikkaġuna emorraġija u ħsara fil-​moħħ avolja ma jkunx hemm sinjali esterni t’abbuż.” Hu jżid li din tistaʼ tikkaġuna wkoll nuqqas taʼ smigħ, telf tad-​dawl, difett fis-​sinsla, paralisi, aċċessjonijiet, u saħansitra mewt. Dan jiġri għaliex ras it-​tarbija tkun relattivament tqila, waqt li l-​muskoli taʼ l-​għonq ma jkunux b’saħħithom biżżejjed u ma jkunux jifilħu l-​pressjoni meta jiġu mriegħda. Huwa minnu li l-​biki taʼ tarbija jistaʼ jirritak. Imma biex tgħin lil dawk li jieħdu ħsieb it-​trabi, il-​gazzetta tissuġġerixxi “tliet passi sempliċi li jieħdu inqas minn minuta: (1) Ieqaf, (2) poġġi bil-​qiegħda, u (3) irrilassa. Ikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħek minflok ma tinfexx fit-​tarbija.” Imbagħad jew ara xi jkun qed iġiegħel lit-​tarbija tibki—forsi billi titmagħha jew tbiddlilha l-​ħarqa—jew inkella agħmel xi ħaġa li tikkalmaha u tieħu pjaċir biha.

Żgħażagħ Xurbana

“Iż-​żgħażagħ fl-​Ewropa qegħdin jiskru taʼ età dejjem iżgħar u dejjem iktar taʼ sikwit,” tirrapporta l-​gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung. Din it-​tendenza allarmanti dan l-​aħħar inġiebet għall-​attenzjoni tal-​ministri tas-​saħħa taʼ l-​Unjoni Ewropea. Kemm hi serja l-​problema? Per eżempju, studju li sar fl-​1998 wera li f’xi pajjiżi, bejn 40 u 50 fil-​mija mis-​subien taʼ 15-il  sena jixorbu l-​birra regolarment, waqt li t-​tfajliet taʼ l-​istess età fl-​Ingilterra, fl-​Iskozja, u f’Wales jixorbu nbid u spirti iktar mill-​ġuvintur. Fid-​Danimarka, fil-​Finlandja, u fil-​Britannja, iktar minn nofs dawk li għandhom 15-il sena sikru sew iktar minn darba. L-​alkoħol huwa wkoll il-​ħtija taʼ l-​imwiet taʼ diversi eluf taʼ persuni taʼ bejn il-​15 u d-​29 sena fl-​Unjoni kull sena. Il-​Kunsill tal-​Ministri rrikkmanda l-​edukazzjoni dwar l-​alkoħol biex iż-​żgħażagħ isiru konxji taʼ l-​effetti tax-​xorb.

L-​Imwiet bit-​Tipjip Huma t’Għajnuna għall-​Ekonomija?

“Uffiċjali tal-​Philip Morris Cos. fir-​Repubblika Ċeka qegħdin iqassmu analisi ekonomika li tikkonkludi li . . . l-​imwiet qabel il-​waqt taʼ dawk li jpejpu jgħinu biex jikkumpensaw għall-​ispejjeż tal-​mediċina,” jgħid The Wall Street Journal. “Ir-​rapport, kummissjonat mill-​manifatturi tas-​sigaretti . . . , isemmi l-​‘effetti pożittivi’ tat-​tipjip fuq il-​finanzi nazzjonali, inkluż dħul taʼ flus mis-​sisa u taxxi oħrajn fuq is-​sigaretti u ‘inqas spejjeż għall-​kura tas-​saħħa minħabba l-​imwiet qabel il-​waqt.’” L-​artiklu jżid: “Waqt li jiżen l-​ispejjeż u l-​benefiċċji involuti, ir-​rapport jikkonkludi li fl-​1999 il-​gvern kellu qligħ nett taʼ 5.82 biljun koruna [Lm66.9 miljun] mit-​tipjip.” Il-​protesti kontra dan ir-​rapport qamu minnufih. “Il-​kumpaniji tat-​tabakk kienu jiċħdu li s-​sigaretti joqtlu lin-​nies. Issa qegħdin jiftaħru b’dan,” kiteb ġurnalist wieħed. U l-​ekonomista Kenneth Warner qal: “Teżisti xi kumpanija oħra li tiftaħar li tagħmel il-​flus għat-​teżor pubbliku billi toqtol lill-​parruċċani tagħha? Ma teżisti ebda waħda.” Philip Morris ħareġ apoloġija l-​ġimgħa taʼ wara. “Aħna nirrealizzaw li dan ma kienx biss żball terribbli, imma kien immorali,” qal Steven C. Parrish, viċi-president taʼ l-​esperjenza. “Li tgħid li dan hu totalment ħażin m’huwiex biżżejjed.”

Ngħinu lit-​Tfal Ikunu Inqas Materjalistiċi

It-​tfal huma “l-​ħolma taʼ bejjiegħ,” u saħansitra t-​tfal żgħar qed isiru “xerrejja ossessjonati,” tirrapporta l-​gazzetta Globe and Mail tal-​Kanada, “u xejn ma rnexxielu jwaqqaf din it-​tendenza.” Madankollu, tim taʼ professuri mill-​Iskola Medika taʼ l-​Università taʼ Stanford iħossu li sabu s-​soluzzjoni: kurrikulu taʼ sitt xhur immirat kemm biex jgħin lit-​tfal inaqqsu l-​ħin li jqattgħu quddiem it-​TV, kif ukoll jgħinhom ikunu iktar selettivi f’dak li jaraw. Sakemm spiċċat is-​sena skolastika, it-​tfal li ħadu sehem f’dan il-​programm kellhom ferm inqas tendenza li jitolbu lill-​ġenituri tagħhom biex jixtrulhom ġugarelli ġodda. Skond il-​Globe, “normalment tifel jara 40,000 reklam kull sena, u din il-​figura hija ogħla mill-​20,000 fis-​sena fis-​snin 70 tas-​seklu l-​ieħor.”

L-​Attitudni Tajba taʼ Tabib Lejn il-​Pazjent Ittejjeb il-​Fejqan

“Tabib dħuli u rassiguranti b’attitudni tajba lejn il-​pazjent tassew li jikseb riżultati aħjar,” tistqarr The Times taʼ Londra. Wara li analizzaw 25 studju dwar din il-​kwistjoni, riċerkaturi mill-​universitajiet taʼ York, Exeter, u Leeds, fl-​Ingilterra, ikkonkludew: “Tobba li pprovaw jifformaw relazzjoni kordjali u dħulija mal-​pazjenti tagħhom, u li assigurawhom li dalwaqt kienu se jħossuhom aħjar, instab li huma iktar effettivi minn tobba li kienu jittrattaw lill-​pazjenti tagħhom b’mod impersonali, formali u indeċiż.” Studju li sar fl-​Isvezja wera li l-​pazjenti “fiequ iktar malajr u kienu iktar sodisfatti meta kkurahom tabib li assigurahom li se jitjiebu, inkuraġġihom biex jagħmlulu mistoqsijiet u qattaʼ ftit minuti iktar magħhom.”

Il-​Valur taʼ l-​Eżerċizzju Regulari

Ħafna nies jipprovaw jikkumbattu l-​ħxuna, il-​mard tal-​qalb, u problemi taʼ saħħa oħrajn li jirriżultaw minn rutina fl-​uffiċċju fejn ikunu dejjem bil-​qiegħda billi jagħmlu eżerċizzji ebsin darba kultant. Madankollu, studju reċenti jindika li eżerċizzji moderati u frekwenti huma aħjar biex itejbu l-​metaboliżmu tal-​ġisem minn eżerċizzji intensi darba kultant, tirrapporta l-​gazzetta Süddeutsche Zeitung tal-​Ġermanja. Ir-​riċerkatur Olandiż Dr. Klaas Westerterp studja kemm jaħlu enerġija 30 volontier kull minuta. Ir-​riżultati indikaw li huwa iktar effettiv li tinkorpora l-​attività fiżika miżjuda fil-​ħajja taʼ kuljum milli tipprova tibbilanċja perijodi taʼ inattività b’mumenti t’attività estrema. Ir-​rapport jissuġġerixxi li biex tpatti għal kemm toqgħod bil-​qiegħda u tqum, l-​aħjar huwa li tagħmel attività moderata bħall-​mixi jew li ssuq rota spiss kemm jistaʼ jkun.

Tfal li Jbatu minn Stress

“It-​tfulija m’għadhiex il-​perijodu klassiku li fih it-​tfal jilagħbu barra, jieħdu gost jagħmlu xi ħaġa u jkunu trankwilli, bħalma kienet snin ilu,” tistqarr il-​gazzetta El Universal taʼ Mexico City. Xi riċerkaturi kkonkludew li llum tifel t’10 snin irid jissielet maʼ livell taʼ stress simili għal dak li kellu ġuvni taʼ 25 sena fl-​1950. Ħafna minn dan l-​istress jirriżulta minn lezzjonijiet u attivitajiet oħrajn li l-​ġenituri jittamaw li se jgħinu lil binhom ikollu futur aħjar. Imma t-​tagħbija miżjuda “teffettwalu saħħtu, il-​mistrieħ tiegħu, u l-​istess żvilupp tiegħu,” tinnota l-​gazzetta. Ir-​rapport jissuġġerixxi li l-​ġenituri għandhom jerġgħu jeżaminaw x’inhu l-​irbit li għandhom uliedhom sabiex dawn ikunu jistgħu jqattgħu iktar ħin id-​dar. Imma minflok ma joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom jew imkaħħlin mat-​televixin jew mal-​kompjuter wara l-​iskola, “l-​idea hi li joħorġu barra u jilagħbu maʼ tfal oħrajn, jiġru, isuqu r-​rota, jgħaqqdu l-​jigsaw puzzles, jew ipinġu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja