Il-Pressjoni Għolja—Prevenzjoni u Kontroll
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-BRAŻIL
MARIAN kienet beżgħana! F’daqqa waħda bdiet tinfaraġ ħafna. “Ħsibt li kont se mmut,” tiftakar hi. Tabib qal lil Marian li bdiet tinfaraġ minħabba li kellha pressjoni għolja (arterial hypertension [pressjoni għolja ħafna taʼ l-arterji]). “Imma jien inħossni tajba,” wieġbet Marian. “Ħafna nies ma jafux li għandhom pressjoni għolja minħabba li m’għandhom l-ebda sintomu taʼ hekk,” weġibha t-tabib.
Xi ngħidu għall-pressjoni tiegħek? Jistaʼ jkun li l-istil taʼ ħajja li qed tgħix issa jikkaġunalek pressjoni għolja fil-futur? X’tistaʼ tagħmel biex iżżomm il-pressjoni tiegħek taħt kontroll?a
Il-pressjoni tad-demm hija l-forza li biha d-demm jippressa mal-ħitan taʼ l-arterji tad-demm. Din tistaʼ tinqara permezz taʼ faxxa tal-lastku li tintefaħ bl-arja. Din tintrabat mal-parti taʼ fuq tad-driegħ u hija mqabbda maʼ apparat li jimmarka l-pressjoni. Il-pressjoni tinqara f’żewġ numri. Per eżempju: 120/80. L-ewwel numru jissejjaħ pressjoni sistolika minħabba li jindika l-pressjoni tad-demm waqt li l-qalb tkun qed tħabbat (sistoli). It-tieni numru jissejjaħ pressjoni dijastolika minħabba li jindika l-pressjoni waqt li l-qalb tkun rilassata (dijastoli). Il-pressjoni tad-demm titkejjel f’millimetri taʼ merkurju, u meta din tkun iktar għolja minn 140/90, it-tobba jiċċertifikaw li l-pazjent għandu pressjoni għolja ħafna.
Xi jġiegħel il-pressjoni togħla? Immaġina li qed issaqqi l-ġnien. Billi tiftaħ il-vit jew tnaqqas id-dijametru taż-żennuna, tkun qed iżżid il-pressa taʼ l-ilma. L-istess jiġri bil-pressjoni tad-demm: Jekk iżżid ir-rata taċ-ċirkulazzjoni tad-demm jew jekk tnaqqas id-dijametru taʼ l-arterji tad-demm, dan se jgħolli l-pressjoni. Kif togħla l-pressjoni? Jistaʼ jkun hemm ħafna fatturi involuti.
Fatturi li Ma Tistax Tikkontrollahom
Ir-riċerkaturi skoprew li jekk persuna għandha lil xi ħadd jiġi minnha li jbati minn pressjoni għolja, iċ-ċans li dik il-persuna tibda tbati minn dik il-marda huwa akbar. L-istatistiċi juru li tewmin identiċi jbatu iktar minn pressjoni għolja minn tewmin li ma jixxibhux eżatt. Studju wieħed jiġbed l-attenzjoni lejn il-biċċa xogħol li jinstabu liema huma l-ġeni li jikkaġunaw pressjoni għolja ħafna. Dawn il-ġeni kollha juru li jkun jeżisti komponent ereditarju li jikkaġuna l-pressjoni għolja. Huwa magħruf ukoll li r-riskju taʼ pressjoni għolja ħafna jiżdied maʼ l-età u li huwa akbar fost l-irġiel suwed.
Fatturi li Tistaʼ Tikkontrollahom
Oqgħod attent għal dak li tiekol! Il-melħ (sodju) jistaʼ jgħolli iktar il-pressjoni f’xi wħud, speċjalment uħud li jbatu mid-dijabete, dawk li diġà għandhom pressjoni għolja ħafna, xjuħ, u xi nies suwed. Xaħam żejjed fid-demm jistaʼ joħloq ċerti depożiti tal-kolesterol fil-ħitan interni taʼ l-arterji tad-demm (aterosklerożi), u minħabba f’hekk jonqos id-dijametru tagħhom u tiżdied il-pressjoni. Nies li l-piż tagħhom huwa iktar minn 30 fil-mija tal-piż li suppost għandhom huma f’riskju li jkollhom pressjoni għolja. Xi studji li saru jissuġġerixxu li l-konsum taʼ iktar potassju u kalċju jistaʼ jnaqqas il-pressjoni.
It-tipjip jikkawża riskju akbar taʼ aterosklerożi, dijabete, attakk tal-qalb, u puplesija. Minħabba f’hekk, it-tipjip u l-pressjoni għolja huma taħlita perikoluża li tistaʼ twassal għall-mard kardjovaskulari. Għalkemm l-evidenza hija kontradittorja, il-kafeina—li tinsab fil-kafè, te, u xorb tal-kola—kif ukoll l-istress fiżiku u emozzjonali jistgħu wkoll jiggravaw il-pressjoni għolja. Barra minn dan, ix-xjenzati jafu li x-xorb alkoħoliku f’ammonti kbar jew regulari u nuqqas taʼ eżerċizzju jistgħu jgħollu l-pressjoni.
Stil taʼ Ħajja li Hu Tajjeb għas-Saħħa
Ikun żball li tistenna sakemm ikollok il-pressjoni għolja qabel ma tieħu ċertu passi pożittivi. Stil taʼ ħajja li hu tajjeb għas-saħħa għandu jkun taʼ importanza għalina minn età żgħira. Jekk nieħdu ħsieb taʼ dan issa, se jirriżulta fi kwalità taʼ ħajja aħjar fil-futur.
It-Tielet Ftehim Brażiljan dwar il-Pressjoni Għolja Ħafna taʼ l-Arterji wera biċ-ċar il-bidliet li jistgħu jsiru fl-istil tal-ħajja u li jgħinu biex inaqqsu l-pressjoni għolja taʼ l-arterji. Dawn huma taʼ għajnuna għal nies li għandhom pressjoni għolja jew normali.
Għal dawk li huma ħoxnin ħafna, ir-riċerkaturi rrikkmandaw dieta bilanċjata bi ftit kaloriji, iżda li jevitaw dieti li jwiegħdu li tonqos ħafna f’perijodu qasir, filwaqt li rrikkmandawlhom li jżommu programm moderat taʼ eżerċizzju fiżiku. Rigward il-melħ, huma ssuġġerew li għandhom jieħdu mhux iktar minn sitt grammi jew kuċċarina kuljum.b Fil-prattika, dan ifisser li titfaʼ ftit melħ waqt li tkun qed issajjar, kif ukoll tevita kemm jistaʼ jkun li tiekol ikel preservat, laħam kiesaħ proċessat bħas-salami, perżut, zalzett, u affarijiet oħra, kif ukoll ikel affumikat (smoked). Tistaʼ wkoll tnaqqas il-melħ billi ma żżidx iktar minn dan waqt li tkun qed tiekol u billi tiċċekkja t-tabelli taʼ l-ikel proċessat biex tara kemm għandu melħ fih.
Il-Ftehim Brażiljan issuġġerixxa wkoll li jekk tieħu iktar potassju jistaʼ jgħin biex il-pressjoni ma togħliex. Meta nqisu dan kollu, dieta b’saħħitha għandha tinkludi “ikel li għandu ftit sodju u li għandu ħafna potassju,” bħalma huma l-fażola, ħaxix aħdar skur, banana, bettieħ, karrotti, pitravi, tadam, u larinġ. Huwa importanti wkoll li żżomm livell moderat taʼ alkoħol. Xi riċerkaturi juru li rġiel li għandhom pressjoni għolja ħafna għandhom jieħdu mhux iktar minn 30 millilitru taʼ alkoħol kuljum; u n-nisa jew dawk bi ftit piż għandhom jieħdu mhux iktar minn 15-il millilitru.c
Il-Ftehim Brażiljan ikkonkluda li l-eżerċizzju fiżiku regulari naqqas il-pressjoni, u b’hekk naqqas ir-riskju taʼ pressjoni għolja ħafna taʼ l-arterji. Eżerċizzju erobiku moderat, bħall-mixi, iċ-ċikliżmu, u l-għawm, għal 30 sa 45 minuta, minn tlieta sa ħames darbiet fil-ġimgħa, jagħmel il-ġid.d Fatturi oħra li ġew assoċjati maʼ stil taʼ ħajja aħjar għas-saħħa jinkludu li tieqaf tpejjep, tikkontrolla x-xaħmijiet fid-demm (kolesterol u t-trigliċeride) u d-dijabete, li tieħu biżżejjed kalċju u manjeżju, u li tikkontrolla l-istress emozzjonali u fiżiku. Xi mediċini jistgħu jtellgħu l-pressjoni, bħalma hi l-mediċina li tneħħi l-konġestjoni taʼ l-imnieħer, dik kontra l-aċidità b’ħafna sodju fiha, dik li timmodera l-aptit, u pilloli li jneħħu l-uġigħ tal-migranja li jkollhom il-kafeina.
Ċertament, jekk għandek pressjoni għolja ħafna taʼ l-arterji, it-tabib tiegħek huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jagħtik pariri dwar id-dieta u d-drawwiet tiegħek, dejjem skond il-bżonnijiet persunali tiegħek. Madankollu, minkejja s-sitwazzjoni tiegħek, li jkollok stil tajjeb taʼ saħħa minn età żgħira huwa dejjem taʼ benefiċċju, mhux għal dawk in-nies biss li jbatu minn pressjoni għolja ħafna imma għal kull membru tal-familja. Marian, li ssemmiet fil-bidu taʼ l-artiklu, kellha tagħmel xi bidliet fil-mod taʼ ħajja tagħha. Bħalissa, qiegħda tieħu xi medikazzjoni u minkejja l-problema taʼ saħħitha, qed tgħix ħajja normali. Xi ngħidu għalik? Filwaqt li tistenna ż-żmien meta n-nies kollha jkollhom is-saħħa u “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid’” żomm il-pressjoni tiegħek taħt kontroll!—Isaija 33:24.
[Noti taʼ taħt]
a Stenbaħ! ma jappoġġax xi trattament partikulari għax jirrikonoxxi li din hija kwistjoni t’għażla persunali.
b Jekk int tbati minn pressjoni għolja ħafna taʼ l-arterji jew għandek xi mard tal-qalb, tal-fwied, jew tal-kliewi u qiegħed taħt kura, tkellem mat-tabib tiegħek dwar kemm għandek bżonn tieħu sodju u potassju kuljum.
c Tletin millilitru taʼ alkoħol huma ekwivalenti għal 60 millilitru taʼ xorb distillat (whisky, vodka, u oħrajn), 240 millilitru nbid, jew 720 millilitru birra.
d Tkellem mat-tabib tiegħek dwar il-bżonn taʼ programm persunali taʼ eżerċizzju.
[Kaxxa f’paġna 22]
IL-ĠLIEDA KONTRA L-PRESSJONI GĦOLJA
1. Miżuri li Jistgħu Jgħinuk biex Iżżomm il-Pressjoni Għolja taħt Kontroll
• Naqqas mill-piż
• Naqqas mill-melħ
• Kul iktar ikel li għandu ħafna potassju
• Naqqas mix-xorb alkoħoliku
• Agħmel eżerċizzju b’mod regulari
2. Miżuri Oħra li Jistgħu Jgħinuk Iżżomm il-Pressjoni Għolja taħt Kontroll
• Supplimenti tal-kalċju u manjesju
• Dieta veġetarjana b’ħafna fibra
• Terapija kontra l-istress
3. Miżuri li Għandhom X’Jaqsmu
• Waqqaf it-tipjip
• Ikkontrolla l-livell tal-kolesterol
• Ikkontrolla d-dijabete
• Evita pilloli li jistgħu jtellgħu l-pressjoni
[Sors]
Meħudin bejn wieħed u ieħor mit-Tielet Ftehim Brażiljan dwar il-Pressjoni Għolja Ħafna taʼ l-Arterji—Revista Brasileira de Clínica & Terapêutica
[Stampi f’paġna 23]
Eżerċizzju b’mod regulari u dieta tajba jgħinuk tevita l-pressjoni għolja u żżommha taħt kontroll