Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Fid-dawl tal-kmandi tal-Bibbja dwar l-użu xieraq tad-demm, ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iħarsu lejn il-proċedura medika taʼ li jintuża d-demm tiegħek stess?
Kull Kristjan għandu jikkunsidra bis-serjetà dak li tgħid il-Bibbja, minflok ma jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq xi preferenza persunali biss jew xi rakkomandazzjoni medika. Din hi kwistjoni bejnu u bejn Jehovah.
Jehovah, li lilu nafu ħajjitna, ikkmandana biex la nieklu u lanqas nixorbu d-demm. (Ġenesi 9:3, 4) Fil-Liġi li ta lil Iżrael tal-qedem, Alla poġġa limitu fuq l-użu tad-demm għaliex dan jirrappreżenta l-ħajja. Hu ordna: “Għax ħajjet il-laħam hi fid-demm, u jien tajthulkom għal fuq l-artal biex tagħmlu bih l-espjazzjoni għalikom.” Xi ngħidu għal meta wieħed kien joqtol xi annimal għall-ikel? Alla qal li f’dan il-każ ir-raġel “għandu jxerred demmha [tal-vittma] u jgħattih bit-trab.”a (Levitiku 17:11, 13) Jehovah rrepeta dan il-kmand iktar minn darba. (Dewteronomju 12:16, 24; 15:23) Il-ktieb Ebrajk The Soncino Chumash jinnota: “Id-demm m’għandux jiġi maħżun imma jrid jintgħamel mhux tajjeb għall-użu billi jiġi mxerred maʼ l-art.” L-ebda Iżraeli ma kellu jieħu, jaħżen, u juża d-demm taʼ ħlejqa oħra, ladarba l-ħajja tagħha tappartjeni lil Alla.
L-obbligu biex tinżamm il-Liġi Mosajka spiċċa meta miet il-Messija. Madankollu, il-ħarsa t’Alla dwar il-qdusija tad-demm baqgħet l-istess. Imqanqlin mill-ispirtu qaddis t’Alla, l-appostli ggwidaw lill-Kristjani biex ‘jitbegħdu mid-demm.’ Dan il-kmand ma kellux jittieħed ħafif ħafif. Kien importanti moralment daqskemm kien importanti li jitbegħdu mill-immoralità sesswali jew l-idolatrija. (Atti 15:28, 29; 21:25) Meta l-għoti u t-trasfużjonijiet tad-demm saru komuni fis-seklu 20, ix-Xhieda taʼ Jehovah fehmu li din il-prattika kienet tmur kontra l-Kelma t’Alla.b
Xi kultant, jistaʼ jkun hemm xi tabib li jħeġġeġ lill-pazjent biex xi ġimgħat qabel ma dan jagħmel operazzjoni jaħżen bil-quddiem id-demm tiegħu stess (preoperative autologous blood donation, jew PAD). Dan isir bil-ħsieb li jekk jinqalaʼ l-bżonn, il-pazjent ikun jistaʼ jingħata trasfużjoni tad-demm tiegħu stess. Madankollu, dan il-mod kif jittieħed id-demm, jinħażen, u mbagħad jingħata bħala trasfużjoni jmur direttament kontra dak li nsibu f’Levitiku u Dewteronomju. Id-demm m’għandux jiġi maħżun; irid jiġi mxerred, bħallikieku jingħata lura lil Alla. Huwa veru li l-Liġi Mosajka m’għadhiex tgħodd illum. Minkejja dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrispettaw il-prinċipji li Alla inkluda fiha, u huma determinati li ‘jitbegħdu mid-demm.’ Għaldaqstant, aħna mhux biss ma nagħtux demm, imma lanqas ma naħżnu d-demm tagħna stess għal xi trasfużjoni, ladarba dan għandu ‘jiġi mxerred.’ Din il-prattika tmur kontra l-liġi t’Alla.
Xi proċeduri jew testijiet oħrajn li jinvolvu d-demm taʼ l-individwu nnifsu m’humiex daqshekk f’konflitt ċar mal-prinċipji t’Alla. Per eżempju, ħafna Kristjani aċċettaw li jittieħed xi ftit mid-demm tagħhom biex jiġi eżaminat jew iċċekkjat, u mbagħad, dan il-kampjun taʼ demm jintrema. Xi tobba jistgħu jirrikkmandaw xi proċeduri komplikati oħrajn li jinvolvu d-demm taʼ l-individwu nnifsu.
Per eżempju, matul ċerti proċeduri kirurġiċi, xi demm jistaʼ jintgħamel jiċċirkola ’l barra mill-ġisem fi proċess imsejjaħ hemodilution. Il-qawwa tad-demm li jkun għad baqaʼ fil-pazjent titnaqqas permezz taʼ fluwidu. Imbagħad, id-demm li jkun qed jiċċirkola barra mill-ġisem jerġaʼ jmur lura fil-pazjent, u b’hekk il-livell tad-demm jerġaʼ jiġi għan-normal. Bl-istess mod, id-demm li jgħaddi minn ġo ferita jistaʼ jinġabar u jitnaddaf biex b’hekk iċ-ċelluli ħomor ikunu jistgħu jerġgħu jmorru lura fil-pazjent. Dan il-metodu fejn jiġu salvati ċ-ċelluli huwa msejjaħ cell salvage. Fi proċess ieħor, id-demm jistaʼ jgħaddi minn magna li għal xi ħin tagħmel ix-xogħol li normalment isir mill-organi tal-ġisem (per eżempju, il-qalb, il-pulmun, jew il-kliewi). Id-demm mill-magna mbagħad jerġaʼ jmur lura fil-pazjent. Jerġaʼ fi proċeduri oħrajn, id-demm jgħaddi minn apparat bħal passatur (ċentrifuga) sabiex jissaffa minn partijiet ħżiena jew li jagħmlu l-ħsara. Jew il-mira tistaʼ tkun ukoll li jittieħed xi ftit minn komponent primarju tad-demm biex jintuża fuq parti oħra tal-ġisem. Hemm testijiet ukoll fejn jittieħed ċertu ammont taʼ demm biex jiġi mmarkat jew biex jiġi mħallat maʼ xi mediċina, u mbagħad dan jerġaʼ jmur lura fil-pazjent.
Id-dettalji jistgħu jvarjaw, u bla dubju, se jibqaʼ jkun hemm żviluppi ġodda f’dawk li huma proċeduri, kuri, u testijiet. M’hijiex ir-responsabbiltà tagħna li noqogħdu nanalizzaw kull metodu differenti u nagħmlu deċiżjoni. Kull Kristjan irid jiddeċiedi għalih innifsu kif għandu jiġi wżat id-demm tiegħu stess f’każ taʼ proċedura kirurġika, test mediku, jew terapija kurrenti. Hu għandu jikseb mingħand it-tabib jew it-tekniku l-fatti bil-quddiem dwar x’se jsir mid-demm tiegħu fil-proċedura. Imbagħad irid jiddeċiedi skond ma tippermettilu l-kuxjenza tiegħu. (Ara l-kaxxa.)
Il-Kristjani jridu jżommu f’moħħhom id-dedikazzjoni tagħhom lil Alla u l-obbligu tagħhom ‘li jħobbuh b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, bil-qawwa kollha tagħhom, u b’moħħhom kollu.’ (Luqa 10:27) Għal kuntrarju tal-biċċa l-kbira min-nies fid-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah jgħożżuha ħafna r-relazzjoni tajba li għandhom m’Alla. Il-Wieħed li Jagħti l-Ħajja jħeġġiġna lkoll biex nafdaw fid-demm li xerred Ġesù. Naqraw: “Fih [f’Ġesù Kristu] aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet.”—Efesin 1:7.
[Noti taʼ taħt]
a Il-Professur Frank H. Gorman jikteb: “Il-fatt li d-demm kellu jiġi mxerred huwa mifhum l-aħjar bħala att taʼ ġieħ li juri rispett lejn il-ħajja taʼ l-annimal, u b’hekk, rispett lejn Alla, li ħalaq u jkompli jieħu ħsieb dik il-ħajja.”
b The Watchtower taʼ l-1 taʼ Lulju, 1951, wieġeb mistoqsijiet importanti dwar dan is-suġġett, u wera għala t-trasfużjonijiet taʼ demm mogħti minn xi ħadd m’humiex xierqa.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 31]
Mistoqsijiet li Għandek Tistaqsi Lilek Innifsek
Jekk xi ftit mid-demm tiegħi se jintgħamel jiċċirkola ’l barra minn ġismi u din iċ-ċirkulazzjoni tistaʼ saħansitra titwaqqaf għal xi ħin, se tippermettili l-kuxjenza tiegħi biex inkompli nqis dan id-demm bħala li għadu parti minni, u b’hekk ma jkunx meħtieġ li ‘jiġi mxerred maʼ l-art’?
Se tniggiżni l-kuxjenza tiegħi mħarrġa fuq il-Bibbja jekk matul xi proċedura dijanjostika jew terapewtika jittieħed ftit mid-demm tiegħi, jiġi trasformat, u mbagħad mitfugħ lura f’ġismi jew użat fuq ġismi?