Kapitlu 20
Il-Ħajja u d-Demm—Tittrattahom Int Bħala Sagri?
1. (a) Alla kif iħares lejn il-ħajja? (b) Kif nistgħu nuru li napprezzaw l-għotja tal-ħajja mingħand Alla?
M’GĦANDUX jissorprendina li l-mod taʼ kif Alla jħares lejn il-ħajja huwa differenti ferm minn dak tad-dinja. Għal Alla, il-ħajja umana hija sagra. Tħares int lejha b’dak il-mod? Aħna niddependu kompletament minn Alla, li “jagħti lill-persuni kollha l-ħajja u n-nifs u l-affarijiet kollha.” (Atti 17:25-28; Salm 36:9) Jekk għandna l-istess ħarsa t’Alla, aħna se nissalvagwardjaw ħajjitna. Imma m’aħniex se niksru l-liġi divina f’attentat biex insalvaw il-ħajja preżenti tagħna. Aħna ngħożżu l-wegħda t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem għal dawk li verament jeżerċitaw fidi f’Ibnu.—Matt. 16:25, 26; Ġwn. 6:40; Ġuda 21.
2. Id-dinja tirrifletti l-attitudni taʼ min dwar il-ħajja, u dan kultant iwassal għal liema raġunar?
2 B’kuntrast, Ġesù qal li Satana x-Xitan, il-ħakkiem taʼ din id-dinja, “kien qattiel meta beda.” (Ġwn. 8:44; 12:31) Mill-bidunett tal-korsa tiegħu taʼ rvell huwa ġab il-mewt lill-umanità. L-istorja vjolenti tad-dinja tirrifletti l-ispirtu tiegħu. Imma Satana jistaʼ wkoll jippreżenta apparenza li tidher differenti. B’hekk bnedmin li huma influwenzati mill-mod taʼ ħsieb tiegħu jargumentaw li, fil-waqt li jistaʼ jkun sewwa li tkun reliġjuż, meta hemm il-ħajja fin-nofs se jiswielek taʼ ġid li tagħti kas tal-parir “espert” tagħhom minflok ma tikkwota l-Bibbja. (Qabbel 2 Korintin 11:14, 15.) Meta tkun iffaċċjat b’sitwazzjoni li tidher li hija taʼ ħajja jew mewt, qalbek lejn liema naħa se tinklina ruħha? M’għandniex xi ngħidu, ix-xewqa tagħna għandha tkun li nogħġbu lil Jehovah.
3. (a) Għala għandna nkunu interessati b’mod speċjali f’dak li l-Bibbja tgħid dwar id-demm? (b) Aqra Ġenesi 9:3-6 u Atti 15:28, 29, u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet li jidhru hawn fuq maʼ dawn l-iskritturi.
3 Il-Kelma t’Alla tirrivela relazzjoni intima bejn il-ħajja u d-demm, billi tgħid: “Ir-ruħ [jew ħajja] tal-laħam hija fid-demm.” Sewwa sew bħalma l-ħajja hija sagra, hekk, ukoll, Alla għamel id-demm sagru. Din hija xi ħaġa li tappartjeni lilu, li trid tintuża biss bil-manjiera li japprova hu. (Lev. 17:3, 4, 11; Dewt. 12:23) Mela nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw bir-reqqa dak li hu jirrikjedi minna rigward id-demm.
Aqra Ġenesi 9:3-6
Liema prattiċi fil-lokalità tiegħek jesiġu minnek li toqgħod attent sabiex ma tikkonsmax demm taʼ l-annimali?
Meta wieħed iqis dak li jingħad f’vers 4 rigward id-demm taʼ l-annimali, kif tirreaġixxi int għax-xorb taʼ demm uman (bħalma kien isir f’avvenimenti Rumani tal-gladjaturi)?
Bħalma huwa muri fil-versi 5 u 6, lil min primarjament irid wieħed jagħti kont għat-tixrid taʼ demm uman?
Aqra Atti 15:28, 29
Jistqarr dan li l-ħtiġijiet kellhom japplikaw biss għal żmien limitat? Japplikaw għalina?
Huwa d-demm uman eskluż fil-lingwaġġ użat hawnhekk?
Tindika din l-iskrittura li jistgħu jsiru xi eċċezzjonijiet f’każi taʼ emerġenza?
4. Bħalma huwa diskuss hawnhekk, l-Iskrittura liema azzjoni turi li persuna tistaʼ teħtieġ li tieħu sabiex ma jkollhiex sehem minn ħtija tad-demm?
4 Rigward id-demm uman, ma nistgħux nassumu illi li sempliċement ma niħdux sehem fi qtil iżommna bla ħtija. L-Iskrittura turi li jekk aħna parti minn kwalunkwe organizzazzjoni li hija ħatja tad-demm quddiem Alla, irridu naqtgħu kull irbit minn magħha jekk ma rridux naqsmu fi dnubietha. (Riv. 18:4, 24; Mik. 4:3) Azzjoni bħal din jixirqilha attenzjoni urġenti.
5. Żelu fil-ministeru taʼ l-għalqa kif inhu assoċjat maʼ li wieħed ikun ħieles mill-ħtija tad-demm?
5 Fil-każ tal-qaddejja t’Alla li lilhom ħatar biex iwissu dwar il-qerda li ġejja fit-tribulazzjoni l-kbira, li huma jibqgħu liberi mill-ħtija tad-demm jirrikjedi li jipproklamaw fedelment dak il-messaġġ. (Qabbel Eżekjel 3:17-21.) L-appostlu Pawlu qies lilu nnifsu bħala wieħed midjun lejn nies taʼ kull xorta minħabba fil-ministeru mogħti lilu. Ħassu ħieles minn responsabbiltà għal demmhom biss wara li kien tahom xiehda sħiħa dwar il-provvediment t’Alla għas-salvazzjoni. (Rum. 1:14, 15; Atti 18:5, 6; 20:26, 27) Jirrifletti ż-żelu tiegħek fil-ministeru taʼ l-għalqa li int konxju b’mod simili tar-responsabbiltà li qiegħda fuq spallejn ix-Xhieda taʼ Jehovah kollha?
6. Liema konnessjoni hemm bejn il-prevenzjoni t’aċċidenti u r-rispett lejn is-santità tal-ħajja?
6 Aċċidenti fatali għandhom ukoll ikunu taʼ tħassib serju għalina. Taħt il-Liġi Mosajka persuni li aċċidentalment ikkaġunaw il-mewt taʼ bniedem ieħor ma kinux meqjusin bħala li kienu bla ħtija. Kien hemm pieni imponuti. (Eżo. 21:29, 30; Dewt. 22:8; Num. 35:22-25) Jekk indaħħlu f’qalbna l-prinċipju involut, se noqogħdu attenti li nevitaw li nikkontribwixxu lejn kwalunkwe aċċident fatali bil-mod taʼ kif insuqu vettura, billi nieħdu riskju bi bluha jew billi nippermettu kundizzjonijiet perikolużi jeżistu f’darna jew fil-post tan-negozju tagħna. Tirrifletti l-attitudni tagħna dwar dawn l-affarijiet apprezzament sħiħ għall-qdusija tal-ħajja?
XI NGĦIDU DWAR L-UŻU MEDIKU TAD-DEMM?
7. (a) Hija t-trasfużjoni taʼ demm minn bniedem għall-ieħor kompatibbli mas-santità tad-demm? (b) Għala m’huwiex raġonevoli li tirrestrinġi l-kmand biex ‘nastjenu mid-demm’ għal prattiċi li kienu komuni fl-ewwel seklu?
7 Għalkemm il-prattika m’hijiex ġdida, partikolarment fis-seklu 20 id-demm kien u għadu jintuża ħafna għal trasfużjonijiet, bl-intenzjoni li tiġi sostnuta l-ħajja. Kemm id-demm sħiħ u kemm il-komponenti primarji tad-demm jintużaw b’din il-manjiera. M’għandniex xi ngħidu, proċeduri mediċi bħal dawn ma jiggarantux li l-pazjent m’huwiex se jmut. Kultant, fil-fatt, il-mewt tiġi bħala riżultat dirett taʼ l-użu tad-demm b’dan il-mod. Imma taʼ tħassib saħansitra akbar—Tapplika l-ħtieġa tal-Bibbja li aħna ‘nastjenu mid-demm’ għal din il-prattika medika? Iva! Li wieħed jieħu d-demm ġo ġismu minn kwalunkwe ħlejqa oħra, umana jew annimal, jikser il-liġi divina. Dan juri attitudni taʼ x’jimpurtani mis-santità tad-demm. (Atti 15:19, 20) M’hemm ebda bażi għal li wieħed jirrestrinġi l-kmand biex ‘nastjenu mid-demm’ għal prattiċi li kienu kurrenti fl-ewwel seklu u b’hekk jeskludi t-teknika tal-mediċina moderna. Irraġuna dwar il-kwistjoni: Min se jsostni li l-kmand tal-Bibbja kontra l-qtil ma kienx jinkludi t-teħid illegali tal-ħajja umana permezz t’arma tan-nar, ladarba l-armi tan-nar kif nafuhom aħna ma ġewx ivvintati qabel ħafna żmien wara? U jkun raġonevoli li targumenta li l-projbizzjoni tas-sokor applikat biss f’konnessjoni maʼ xorb li kien magħruf fl-ewwel seklu u mhux għal xorb alkoħoliku tal-lum? Għal persuni li verament iridu jogħġbu ’l Alla, il-messaġġ li joħroġ mill-kmand biex ‘nastjenu mid-demm’ huwa ċar.
8. (a) Kif tistaʼ int tiddetermina jekk ċerta proċedura medika hijiex addattata għal Kristjan? (b) Jekk tabib irid jieħu mid-demm tiegħek stess, jerfgħu u mbagħad jerġaʼ jdaħħlu f’ġismek waqt operazzjoni, liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjoni għaqlija? (ċ) Persuna kif tistaʼ tirraġuna dwar kura li teħtieġ li d-demm jiċċirkola minn ġo tagħmir barra mill-ġisem?
8 Minkejja dan, il-komplessità taʼ xi proċeduri mediċi tistaʼ tqajjem xi mistoqsijiet. Kif jistgħu dawn jiġu solvuti? L-ewwel, itlob lit-tabib spjegazzjoni ċara tal-proċedura proposta. Imbagħad analizzaha bit-talb fid-dawl tal-prinċipji tal-Bibbja. It-tabib għandu mnejn jissuġġerixxi li jitteħidlek xi ftit mid-demm tiegħek stess u jintrefaʼ għall-użu, jekk ikun hemm bżonn, waqt operazzjoni iktar tard. Se taqbel int? Ftakar li, skond il-Liġi t’Alla mogħtija permezz taʼ Mosè, id-demm imneħħi minn xi ħlejqa kellu jitferraʼ fl-art. (Dewt. 12:24) Aħna llum m’aħniex taħt il-kodiċi tal-Liġi, imma l-messaġġ bażiku huwa li d-demm huwa sagru u, meta jkun tneħħa minn ġisem taʼ xi ħlejqa, għandu jingħata lura ’l Alla billi jitferraʼ fuq il-banketta tiegħu, l-art. (Qabbel Mattew 5:34, 35.) Mela kif jistaʼ jkun xieraq li terfaʼ demmek (saħansitra għal żmien relattivament qasir) u mbagħad tpoġġih lura f’ġismek? Imma xi ngħidu jekk it-tabib jgħid li, waqt l-operazzjoni jew waqt xi kura oħra, demmek se jiġi mgħoddi minn xi apparat ’il barra minn ġismek, u mbagħad, dritt lura ġewwa? Se taċċetta int? Xi wħud ħassew li, b’kuxjenza safja, setgħu jippermettuh dan, basta t-tagħmir kien imħejji bi fluwidu li ma kienx fih demm. Huma qiesu t-tagħmir estern bħala estensjoni tas-sistema ċirkolatorja tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, sitwazzjonijiet ivarjaw, u huwa int li trid tiddeċiedi. Imma d-deċiżjoni tiegħek għandha tħallik b’kuxjenza safja quddiem Alla.—1 Piet. 3:16; 1 Tim. 1:19.
9. (a) Biex tkun żgur li d-deċiżjoni tiegħek li ‘tastjeni mid-demm’ tiġi rrispettata, liema prekawzjonijiet għandek tieħu? (b) Saħansitra f’każ taʼ emerġenza, konfrontazzjoni mhix pjaċevoli kif tistaʼ kultant tiġi evitata? (ċ) Jekk tabib jew il-qorti jipprovaw jisforzaw trasfużjoni tad-demm, x’se tagħmel int?
9 Biex tassigura li t-tabib tiegħek se jirrispetta d-deċiżjoni tiegħek li ‘tastjeni mid-demm,’ kellmu qabel ma tqum xi emerġenza medika. Jekk inhu neċessarju li tidħol f’xi sptar għal kura, ħu l-prekawzjoni li titlob bil-miktub li ma jintuża ebda demm, u wkoll kellem dwar dan personalment lit-tabib li se jieħu ħsieb il-każ tiegħek. Imma xi ngħidu jekk tqum xi emerġenza mhix mistennija? Konfrontazzjonijiet mhux pjaċevoli jistgħu spiss jiġu evitati billi wieħed ikollu diskussjoni raġonevoli u rispettabbli mat-tabib, billi jħeġġu juża l-kapaċitajiet tiegħu biex jgħin, imma b’rispett lejn il-kuxjenza Kristjana tiegħek. (Prov. 15:1; 16:21, 23) Madankollu, jekk xi nies fl-isptar, forsi b’intenzjoni tajba, jinsistu illi li nirrifjutaw id-demm se jipperikola lil ħajjitna u b’hekk jipprovaw jisforzawna biex inċedu, allura x’se nagħmlu? Fidi fis-sewwa tal-mogħdijiet taʼ Jehovah għandha tagħmilna sodi. Il-lealtà lejn Jehovah għandha ġġagħalna nirreżistu b’mod reżolut, għaliex nagħżlu li nobdu lil Alla iktar milli lill-bnedmin.—Atti 5:29; qabbel Ġob 2:4; Proverbji 27:11.
KEMM HIJA SERJA L-KWISTJONI?
10. Li wieħed isostni magħna li trasfużjoni hija meħtieġa biex issalva l-ħajja għala m’huwiex se jbiddel fehmitna dwar il-ħaġa?
10 Għal persuni li għadhom ma jafuhx lil Jehovah, argumenti favur trasfużjonijiet tad-demm jistgħu xi kultant jidhru li juru stima kbira lejn is-santità tal-ħajja. Imma ma ninsewx li ħafna li jargumentaw b’dan il-mod ukoll jagħlqu għajnejhom għall-qerda tal-ħajja permezz taʼ l-abort. Jehovah jaf iktar dwar il-ħajja u d-demm minn kwalunkwe “espert” mediku. Il-kmandamenti kollha Tiegħu wrew li kienu għall-ġid tagħna, billi jissalvagwardjaw il-ħajja preżenti tagħna u l-prospetti futuri tagħna. (Isa. 48:17; 1 Tim. 4:8) Huwa l-kmand biex ‘nastjenu mid-demm’ differenti?
11. (a) Liema kien l-uniku użu li Jehovah ippermetta lill-Iżraeliti li jagħmlu mid-demm? (b) Dan għala huwa importanti ferm għalina bħala Kristjani?
11 Is-serjetà taʼ li nirrispettaw is-santità tad-demm hija enfasizzata minn dak li Jehovah qal rigward l-uniku użu li jistaʼ jsir mid-demm. “Ir-ruħ tal-laħam hija fid-demm, u jien innifsi poġġejtu fuq l-artal għalikom biex tagħmlu tpattija għal erwieħkom, għaliex huwa d-demm li jagħmel tpattija permezz tar-ruħ fih. Dak huwa għala jien għedt lil ulied Iżrael: ‘Ebda ruħ minnkom ma trid tiekol demm.’” (Lev. 17:11, 12) Id-demm kollu taʼ l-annimali mferraʼ fuq l-artal taʼ Jehovah f’armonija maʼ dik il-ħtieġa kien jiffigura bil-quddiem id-demm prezzjuż taʼ Ġesù Kristu. (Eb. 9:11, 12; 1 Piet. 1:18, 19) B’hekk is-santità tad-demm innifsu taʼ Ġesù hija enfasizzata bil-liġi t’Alla li tipprojbixxi kwalunkwe użu ieħor tad-demm. Minn dan nistgħu naraw li kwalunkwe użu ħażin tad-demm juri diżrispett gravi lejn il-provvediment taʼ Jehovah għas-salvazzjoni permezz taʼ Ibnu.
12. Jekk ikun iffaċċjat bil-mewt, Kristjan veru għala m’huwiex se jirrikorri għal użu ħażin tad-demm f’attentat biex jibqaʼ ħaj?
12 Meta nkunu ffaċċjati minn sitwazzjoni taʼ ħajja jew mewt, kemm inkunu qegħdin naraw sa mneħirna jekk nagħtu daharna lil Alla! Għalkemm napprezzaw is-servizzi taʼ tobba kuxjenzjużi, aħna ma nipprovawx akkost taʼ kollox inżommu lilna nfusna jew lill-maħbubin tagħna ħajjin għal ftit jiem jew snin oħrajn billi niksru l-liġi t’Alla, bħal li kieku din il-ħajja kienet kollox. Aħna għandna fidi fil-valur tad-demm imxerred taʼ Ġesù u l-ħajja eterna li dan jagħmel possibbli. B’qalbna kollha nemmnu li l-qaddejja leali t’Alla—saħansitra dawk li jmutu—se jiġu ppremjati b’ħajja eterna.—Ġwn. 11:25; 1 Tim. 4:10.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Liema ħaġa tagħmel lill-ħajja u lid-demm sagri? Id-dinja għala targumenta favur ħarsa differenti?
● Rigward l-annimali, kif nuru rispett lejn is-santità taʼ demmhom?
● B’liema diversi modi għandna aħna lkoll nuru li nqisu l-ħajja umana bħala li hija sagra? Kemm huwa importanti li nagħmlu hekk?