Iż-Żmien Infami tal-Priġunerija fl-Awstralja
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
JOHN HILL: Kundannat talli seraq maktur taʼ l-għażel li jiswa ftit soldi u eżiljat fl-Awstralja għal sebaʼ snin.
ELIZABETH BASON: Instabet ħatja li serqet ftit inqas minn sitt metri drapp. Għalkemm ġiet kundannata għall-forka, is-sentenza tagħha ġiet mibdula għal sebaʼ snin fl-eżilju.
JAMES BARTLETT: Misjub ħati li seraq 450 kilogramma suf tal-ħbula. Hu ġie eżiljat fl-Awstralja għal sebaʼ snin.
GEORGE BARSBY: Instab ħati li attakka lil William Williams u seraqlu kartiera tal-ħarir, arloġġ tad-deheb, u sitt gineaj (madwar Lm4). Ġie kundannat għall-forka, iżda minflok intbagħat għomru kollu fl-eżilju.
DAWN huma biss erbaʼ eżempji taʼ individwi li ġew kundannati fl-Ingilterra u li mbagħad, lejn l-aħħar tas-seklu 18, intbagħtu fl-eżilju fl-Awstralja. Xi 160,000 ruħ kellhom l-istess destin matul dan iż-żmien infami taʼ priġunerija. In-nisa, ħafna drabi saħansitra bit-tfal tagħhom, ġeneralment kienu jingħataw sentenza taʼ bejn 7 u 14-il sena.
“Ħafna mill-‘kriminali’ taʼ l-Awstralja kienu tfal li lanqas biss kienu għadhom għalqu [it-13-il sena],” jgħid Bill Beatty f’Early Australia—With Shame Remembered. Hu jirrapporta li priġunier minnhom kien naqra taʼ tifel taʼ sebaʼ snin. It-tifel ġie eżiljat fl-Awstralja “għal għomru kollu.”
Madankollu, is-sitwazzjoni għal xi wħud mill-priġunieri ma kinitx waħda bla tama. Infatti, maż-żmien, għal xi wħud minnhom l-eżilju sar ifisser ħajja aħjar. Tabilħaqq, iż-żmien kollu taʼ din il-priġunerija kien mimli kontradizzjonijiet; taħlita sħiħa taʼ kefrija u ħniena, taʼ mewt u tama. U dan kollu beda fil-Britannja.
Jibda Żmien il-Priġunerija
Fis-seklu 18, il-Britannja għaddiet minn ħafna taqlib soċjali li wassal għal żjieda fil-kriminalità, li taʼ spiss din kienet ir-riżultat taʼ faqar estrem. Sabiex irażżnu din it-tendenza, l-awtoritajiet daħħlu liġijiet u pieni ħorox. Kmieni fis-seklu 19, kien hemm xi 200 offiża li kellhom is-sentenza tal-mewt marbuta magħhom. Ċertu vjaġġatur osserva li “l-iċken serqa kienet tiġi kastigata bil-mewt.” Fil-fatt, tifel taʼ 11-il sena ngħata l-forka talli seraq maktur!
Madankollu, kmieni fis-seklu 18, għaddiet liġi li kienet tippermetti li f’ħafna każijiet is-sentenza tal-mewt tiġi mnaqqsa għal piena inqas ħarxa—l-eżilju fil-kolonji li l-Britannja kellha fl-Amerika taʼ Fuq. B’hekk, maż-żmien, madwar 1,000 priġunier kienu qed jiġu eżiljati kull sena, u għall-ewwel dawn kienu qed jintbagħtu lejn il-Virġinja u Maryland. Imma meta l-kolonji ħadu l-indipendenza tagħhom mill-Britannja fl-1776, dan ma baqax isir. Imbagħad il-priġunieri bdew jintbagħtu fuq il-bastimenti orribbli li kienu jiġu użati bħala ħabsijiet u li kienu mferrxin max-Xmara Thames f’Londra. Ovvjament, l-ispazju f’dawn il-ħabsijiet fuq l-ilma kien limitat. X’setaʼ jsir allura?
Il-Kaptan James Cook, li kien ukoll esploratur, ipprovda t-tweġiba meta kiseb l-Olanda l-Ġdida—illum l-Awstralja—għall-Britannja. Ftit żmien wara dan, fl-1786, il-kosta fil-lvant taʼ l-Awstralja ntgħażlet għall-kolonji penali. Is-sena taʼ wara, mill-Ingilterra salpat l-“Ewwel Flotta” biex tistabbilixxi l-kolonja fi New South Wales.a Warajha kien hemm flotot oħrajn, u f’temp taʼ ftit żmien fl-Awstralja twaqqfu għadd taʼ kolonji għall-priġunieri, flimkien maʼ waħda fil-Gżira taʼ Norfolk, xi 1,500 kilometru fil-grigal taʼ Sydney.
Diffikultajiet fuq il-Baħar
L-ewwel vjaġġi lejn il-kolonji penali kienu tal-waħx għall-priġunieri, li kienu jkunu marsusin flimkien qishom sardin fl-istiva mxarrba għasra u kollha ntejjen. Mijiet kienu jmutu matul il-vjaġġ, u oħrajn kienu jmutu ftit wara li jaslu. Ħafna sfaw vittmi tal-marda taʼ l-iskorbut (scurvy), u mietu biha. Madankollu, maż-żmien bdew jintbagħtu xi tobba fuq il-bastimenti tal-priġunieri, speċjalment dawk li kienu qed iġorru priġunieri nisa. Dan għen biex ir-rata taʼ dawk li jsalvaw titjieb drammatikament. Imbagħad bdew jintużaw bastimenti b’iktar veloċità u ż-żmien taʼ fuq il-baħar naqas minn sebaʼ xhur għal erbaʼ xhur. Bħala riżultat bdew isalvaw saħansitra iktar passiġġieri.
Theddida oħra kienet in-nawfraġju. Wara li kien ilu ħamest ijiem li telaq mill-Ingilterra u kien għadu taħt għajnejn il-kosta Franċiża, il-bastiment tal-priġunieri Britanniku Amphitrite nqabad f’riefnu qawwi. Wara jumejn mitfugħ ’l hemm u ’l hawn bla ħniena, fil-ħamsa taʼ fil-għaxija taʼ nhar il-31 t’Awissu, 1883, inkalja madwar kilometru ’l barra mix-xatt.
Ġiet miċħuda kwalunkwe għajnuna, u d-dgħajjes taʼ salvataġġ ma ntefgħux il-baħar. Għala le? Għax beżgħu li l-120 priġunier—li kienu kollha nisa u tfal—setgħu jaħarbu! Għalhekk, wara tliet sigħat tal-biżaʼ, il-bastiment tfarrak u n-nies taʼ fuqu nġarru mal-mewġ. Il-biċċa l-kbira taʼ l-ekwipaġġ u l-priġunieri kollha kemm huma mietu. Fil-ġranet taʼ wara, il-baħar tellaʼ xi 82 ġisem fuq ix-xatt—wieħed minnhom kien dak taʼ mara mgħannqa maʼ binha ċkejken f’rabta li lanqas il-mewt ma rnexxielha tħoll.
Meta l-Mewt Kienet Mixtieqa
Il-gvernatur taʼ New South Wales, Sir Thomas Brisbane, iddikjara li l-agħar priġunieri fi New South Wales u fit-Tasmanja kellhom jintbagħtu fil-Gżira taʼ Norfolk. Hu qal li ‘l-kriminal li jintbagħat hemmhekk ma kellu l-ebda tama li jerġaʼ lura.’ Sir Ralph Darling, gvernatur ieħor li ġie warajh, wiegħed li jagħmel il-gżira “post [għall-iktar kastig estrem] minbarra l-mewt.” Il-Gżira taʼ Norfolk saret tabilħaqq post bħal dan, speċjalment meta laħaq gvernatur John Price li kien taʼ dixxendenza aristokratika.
Intqal li Price, donnu kien jaf kif jaħdem il-moħħ taʼ kriminal b’eżattezza li twaħħax. Dan, flimkien mal-mod bla ħniena kif kien japplika l-Liġi, tah poter irreżistibbli fuq il-priġunieri. Il-kastig taʼ Price taʼ xejn inqas minn 50 daqqa taʼ frosta jew inkella għaxart ijiem maʼ 13-il priġunier ieħor ġewwa ċella—li tant kienet tkun żgħira li setgħu joqogħdu biss bil-wieqfa—kien jingħata lil min kien jinqabad ikanta, ma jimxix jgħaġġel biżżejjed, jew ma jimbottax b’saħħa biżżejjed il-karretti mimlijin bil-ġebel.
Ħafna priġunieri fittxew is-serħan fil-mewt. Meta kien qed jirrapporta dwar ir-ribelljoni li għamlu 31 priġunier, li minnhom 13 ġew maqtulin u 18 ngħataw il-grazzja, ċertu membru tal-kleru kiteb: “Huwa fatt letterali li kull raġel li semaʼ l-grazzja tiegħu tinqara beka biki kbir, u kull raġel li semaʼ s-sentenza tiegħu għall-mewt niżel għarkobbtejh u mingħajr ma xerred demgħa rringrazzja lil Alla.” Dan il-membru tal-kleru kompla: “Meta tneħħewlhom il-qjud u nqrat l-ordni taʼ esekuzzjoni, huma niżlu għarkobbtejhom u aċċettawha bħala r-rieda t’Alla. Imbagħad, spontanjament, [l-ikkundannati] biesu saqajn [l-esekutur] li ġabilhom il-paċi.”
Il-membri tal-kleru biss, bl-immunità ekkleżjastika tagħhom, issograw jitkellmu kontra tant kefrija. Wieħed qassis kiteb li ma setaʼ qatt jiddeskrivi b’mod xieraq il-barbariżmu u l-ħruxija li wera Price mal-priġunieri. “Hija xi ħaġa li tmarrdek taħseb fuqha, u tistaʼ tiġi prattikata mingħajr ebda kastig.”
Ifiġġ Xaqq taʼ Dawl
Mal-wasla tal-Kaptan Alexander Maconochie fl-1840, wasal ukoll daqsxejn serħan fil-Gżira taʼ Norfolk. Dan fassal sistema taʼ punti li kienet torbot flimkien il-progress min-naħa tal-priġunier maʼ premjijiet għall-imġiba tajba. B’din is-sistema, il-priġunieri setgħu jiksbu l-libertà tagħhom wara li jkunu faddlu ċertu ammont taʼ punti, jew krediti. Maconochie kien jemmen li dejjem hemm iċ-ċans li jintrebaħ xi ħadd jekk jintużaw il-metodi xierqa. Skond ma kiteb hu, ħadd ma jistaʼ jgħid kemm il-moħħ uman jistaʼ jirkupra jekk il-kapaċitajiet tiegħu jiġu diretti lejn affarijiet li jibnu, u mhux imħassrin bi trattament ħażin, jew staġnati minħabba l-kundizzjonijiet tassew mill-agħar tal-priġunerija.
Ir-riformi taʼ Maconochie tant irnexxew li wara daħlu wkoll fl-Ingilterra, l-Irlanda, u l-Istati Uniti. Madankollu, f’dak iż-żmien, Maconochie ma kienx biss qed jintroduċi metodi ġodda kif jiġu trattati l-priġunieri imma kien ukoll qed joffendi s-sens taʼ superjorità li kellhom xi persuni influwenti li l-metodi tagħhom kien tant jistmerrhom. Minħabba f’hekk, eventwalment tneħħa mill-kariga tiegħu. Mat-tluq tiegħu, il-kefrija reġgħet ħadet spinta fil-Gżira taʼ Norfolk. Imma ma damitx wisq. Fl-1854, wara lmenti qawwijin mill-kleru, il-gżira ma baqgħetx tintuża iżjed bħala kolonja penali, u l-priġunieri li kienu fiha ntbagħtu lejn Port Arthur fit-Tasmanja.
Port Arthur ukoll kien jispira l-biżaʼ, speċjalment għall-bidu. Madankollu, il-kefrija t’hemmhekk ma kellha x’taqsam xejn maʼ dik amministrata fil-Gżira taʼ Norfolk. Per eżempju, id-drawwa tas-swat kienet kważi spiċċat minn Port Arthur sa l-1840.
Fil-ktieb tiegħu Port Arthur—1830-1877, Ian Brand jgħid li l-gvernatur strett tat-Tasmanja, George Arthur, ried li l-kolonja tkun magħrufa għad-dixxiplina awtomatika tagħha. Fl-istess ħin, Arthur ried li kull priġunier ikun jaf “il-premjijiet għal kondotta xierqa u l-kastigi għal dik ħażina.” Għal dan l-iskop, hu qassam il-priġunieri f’sebaʼ klassijiet li kienu jvarjaw minn dawk li minħabba mġiba tajba ngħataw il-libertà b’ċerti kundizzjonijiet għal dawk li ġew kundannati biex jagħmlu xogħol iebes marbutin bil-ktajjen.
L-Eżilju—Barka għal Ħafna
‘Minbarra dawk li ġew eżiljati f’kolonji penali bħal Port Arthur, il-Gżira taʼ Norfolk, u postijiet oħrajn matul l-agħar żmien tagħhom,’ jikteb Beatty, ‘il-priġunieri taʼ spiss kellhom prospetti aħjar minn dawk li kieku kien ikollhom f’art twelidhom. Huma kellhom opportunità li jibdew mill-ġdid u jagħmlu suċċess.’
Tabilħaqq, il-priġunieri li ġew liberati fi ftit żmien kif ukoll dawk li skontaw is-sentenza tagħhom infetħulhom ħafna opportunitajiet kemm għalihom u kemm għall-familji tagħhom. Għalhekk, ftit kienu dawk li reġgħu lura lejn l-Ingilterra meta ngħataw il-ħelsien.
Skond il-gvernatur Lachlan Macquarie, li kien jiddefendi ’l-priġunieri liberati, meta wieħed jiġi meħlus, il-passat tiegħu m’għandux jiġi mfakkar jew użat kontra tiegħu. Il-wieħed meħlus għandu jitħalla jħossu li hu kapaċi jagħmel kwalunkwe xogħol, u li dan wrieh biċ-ċar permezz tal-kondotta tajba tiegħu matul perijodu twil.
Macquarie appoġġa dak li qal billi ta xi art lill-priġunieri meħlusin. Imbagħad hu qabbad xi priġunieri sabiex lil dawk li kienu ġew meħlusin mill-ħabs jgħinuhom jaħdmu l-art u jagħmlu diversi xogħlijiet fid-djar tagħhom.
Maż-żmien, ħafna mill-priġunieri meħlusin li ħadmu iebes u kienu kreattivi kisbu għana, rispett u, f’xi każi, anki fama. Per eżempju, Samuel Lightfoot kellu sehem importanti fit-twaqqif taʼ l-ewwel sptarijiet f’Sydney u Hobart. William Redfern sar tabib rispettat, u Francis Greenway baqaʼ mfakkar permezz taʼ l-arkitettura distinta tiegħu f’Sydney u l-inħawi tagħha.
Fl-aħħar, l-eżilju fl-Awstralja ntemm fl-1868 wara 80 sena. Illum, is-soċjetà moderna taʼ l-Awstralja, li hi mżewqa b’għadd taʼ kulturi differenti, ftit li xejn tagħti ħjiel taʼ dawk l-ewwel snin. Ir-rovini tal-kolonji penali issa huma biss attrazzjonijiet turistiċi. Madankollu, ħarsa iktar mill-qrib turina ħafna tifkiriet li huma ferm inqas koroh taʼ dak iż-żmien taʼ priġunerija: pontijiet, bini antik, u saħansitra knejjes—kollha mibnijin mill-priġunieri. Xi wħud qegħdin f’kundizzjoni eċċellenti u għadhom jintużaw sa llum.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dwar il-kolonja penali fil-Bajja taʼ Botany, jekk jogħġbok ara Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2001, paġna 20.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]
RAKKONT MINN DIXXENDENT TAʼ ŻEWĠ PRIĠUNIERI
Wieħed li n-nanniet tan-nanniet tiegħu kienu priġunieri jirrakkonta kif wieħed mill-antenati ġie l-Awstralja. Hu jispjega:
“Taʼ 19-il sena, wieħed mill-antenati tiegħi ġie kundannat . . . talli seraq kartiera. Hu ħalla l-Ingilterra fuq il-bastiment George III nhar it-12 taʼ Diċembru, 1834, flimkien maʼ 308 passiġġieri oħra—li minnhom 220 kienu priġunieri. Sakemm il-bastiment lemaħ il-kosta tat-Tasmanja fit-12 t’April, 1835, kien hemm 50 priġunier li mardu bl-iskorbut. Waħda min-nisa tas-suldati, 3 itfal, u 12-il ruħ oħra kienu mietu. Matul il-vjaġġ twil twieldu żewġt itfal.
“Wara li kienu ilhom sitt ġimgħat fuq il-baħar, parti mill-bastiment ħadet in-nar. Imma ġie skansat diżastru, grazzi għall-kuraġġ li wrew żewġ priġunieri li qagħdu attenti li n-nar ma jasalx ħdejn żewġ btieti mimlijin porvli. Minkejja dan, ħafna mill-provvedimenti ġew meqrudin, u b’hekk ma tantx kien hemm ikel matul il-bqija tal-vjaġġ. Fi sforz biex jidħlu fil-port malajr kemm jistaʼ jkun, il-kaptan iddeċieda li jieħu triq iqsar billi jgħaddi mill-Kanal taʼ D’Entrecasteaux, li qiegħed lejn l-iktar naħa t’isfel tat-Tasmanja. Fid–9:30 taʼ fil-għaxija, xi 5 kilometri ’l hinn mix-xatt, il-bastiment laqat blata—illum magħrufa bħala King George Rock—li ma kinitx imniżżla fuq il-mappa. Imbagħad il-bastiment għereq. Mill-133 ruħ li għerqu, il-biċċa l-kbira minnhom kienu priġunieri maqfulin taħt il-gverta tal-bastiment. Minn 220 priġunier salvaw biss 81. Wieħed minnhom kien l-antenat tiegħi. Fl-1843 iżżewweġ priġuniera li kienet ngħatat il-libertà, u wara sentejn ngħata l-maħfra. Hu miet fl-1895.”
[Stampi f’paġna 12, 13]
SIR THOMAS BRISBANE
IL-GVERNATUR LACHLAN MACQUARIE
Il-bastiment tal-priġunieri Britanniku “Amphitrite”
[Sors]
Priġunieri: By courtesy of National Library of Australia; Ritratt taʼ Sir Thomas Brisbane minn F. Schenck: Rex Nan Kivell Collection, NK 1154. By permission of the National Library of Australia; Macquarie: Mitchell Library, State Library of New South Wales; bastiment: La Trobe Picture Collection, State Library of Victoria
[Stampi f’paġna 14, 15]
Blokk taʼ ċelel fil-ħabs tal-priġunieri f’Port Arthur
[Sors]
Ktajjen u blokk taʼ ċelel: La Trobe Picture Collection, State Library of Victoria
[Stampa f’paġna 15]
Dan il-fanal tal-port f’Sydney huwa kopja eżatta taʼ wieħed disinjat minn Francis Greenway li kien għamel xi żmien priġunier
[Stampa f’paġna 15]
Ix-xatt inaċċessibbli tal-Gżira taʼ Norfolk
[Stampa f’paġna 15]
Il-kwartieri militari antiki fil-Gżira taʼ Norfolk