LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 2/8 pp. 20-23
  • Diretti għall-Bajja taʼ Botanỵ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Diretti għall-Bajja taʼ Botanỵ
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala l-​Awstralja?
  • Vjaġġ Impressjonanti bil-​Baħar
  • Taħlita taʼ Nies
  • Il-​Ħajja fil-​Pajjiż il-​Ġdid
  • L-​Aspetti Iktar Negattivi
  • Is-​Sehem li Taw il-​Priġunieri
  • Iż-Żmien Infami tal-Priġunerija fl-Awstralja
    Stenbaħ!—2002
  • “Biddiltuli l-Impressjoni li Kelli Dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Determinati Li Nwettqu L-ministeru Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—2001
g01 2/8 pp. 20-23

Diretti għall-​Bajja taʼ Botanỵ

MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FL-​AWSTRALJA

“DAK il-​ktieb sibtu maʼ l-​art fit-​triq,” talab bil-​ħniena ż-​żagħżugħ Job. Dan iż-​żagħżugħ taʼ 19-il sena b’wiċċu mimli nemex ġie arrestat waqt li kien għaddej minn triq ġewwa Londra, u ġie akkużat li kien seraq il-​ktieb. Kulma kien jiswa l-​ktieb kien tletin ċenteżmu! L-​imħallef ma baqax impressjonat bid-​difiża taż-​żagħżugħ u bagħtu jiskonta sebaʼ snin f’kolonja penali.

Fuq in-​naħa l-​oħra tal-​globu, f’post li issa huwa magħruf bħala Quebec, fil-​Kanada, wieħed raġel jismu François-Maurice Lepailleur safa maqbud. Peress li kien ħa sehem f’rewwixta bl-​armi li ma rnexxietx kontra l-​gvern Britanniku, hu ġie kkundannat għall-​mewt. Madankollu, il-​qorti ddeċidiet li tagħtih tip taʼ kastig ieħor.

Dawn iż-​żewġ żgħażagħ mhux biss kienu l-​istess għax kisru l-​liġi Britannika, imma kien hemm ħaġa oħra. It-​tnejn li huma sabu ruħhom fuq bastimenti diretti għal post imsejjaħ l-​Awstralja u għal kolonja penali li kienet għadha kif bdiet topera, magħrufa bħala l-​Bajja taʼ Botany.

Kif kienet il-​ħajja tal-​priġunieri fl-​Awstralja? Kemm intbagħtu priġunieri hemmhekk? U dawn iż-​żewġ żgħażagħ għala spiċċaw f’post daqshekk ’il bogħod minn arthom?

Għala l-​Awstralja?

Fl-​1718, il-​gvern Britanniku ddeċieda li jnaqqas il-​problema tal-​ħabsijiet imborġati bil-​priġunieri billi jesporta lill-​kriminali. Sa l-​1770 kienu qed jintbagħtu priġunieri bil-​baħar bir-​rata taʼ elf ruħ fis-​sena. Il-​biċċa l-​kbira minnhom kienu jibagħtuhom fil-​kolonji tagħhom f’Maryland u f’Virginia. Sa l-​1783 dawn il-​kolonji ma baqgħux tal-​Britannja minħabba l-​Gwerra Rivoluzzjonarja fl-​Amerika taʼ Fuq, u għaldaqstant ma setgħux jibqgħu jibagħtu l-​kriminali tagħhom hemmhekk. Madankollu, sa dakinhar huma kienu laħqu bagħtu hemmhekk iktar minn 50,000 priġunier. L-​għażla l-​oħra li kellhom fejn jibagħtuhom kienet medda t’art niexfa qoxqox fuq in-​naħa l-​oħra tal-​globu. Tlettax-il sena qabel, kienet saret mappa tal-​kosta tal-​lvant taʼ din l-​art u ttieħdet taħt il-​Britannja minn ċertu uffiċjal navali bl-​isem taʼ James Cook. Miegħu kellu lill-​esploratur Joseph Banks, u dan issuġġerixxa li din l-​art kienet tkun destinazzjoni ideali biex jintbagħtu fiha s-​sudditi mhux mixtieqa taʼ l-​Imperu Britanniku. Għaldaqstant, f’Mejju taʼ l-​1787, l-​ewwel flotta taʼ 11-il bastiment żgħir bdiet il-​vjaġġ tagħha taʼ 26,000 kilometru lejn il-​Bajja taʼ Botany. Matul it-​80 sena taʼ wara, sa l-​1868, kien hemm total taʼ 158,829 priġunier li ntbagħtu l-​Awstralja.

Vjaġġ Impressjonanti bil-​Baħar

Fl-​1833, iż-​żagħżugħ Job u t-​300 raġel li kien hemm fuq il-​bastiment waslu fil-​Bajja taʼ Sydney, f’Port Jackson. Għalkemm il-​kolonja penali kienet magħrufa bħala l-​Bajja taʼ Botany, iż-​żona b’dak l-​isem fil-​fatt tinsab ftit kilometri fin-​nofsinhar taʼ fejn ġiet imwaqqfa fl-​aħħar il-​kolonja.

Għal xi wħud, il-​vjaġġ innifsu kien kastig aħrax. Silta mid-​djarju taʼ François Lepailleur turi xi ftit kif kienet il-​ħajja fuq il-​bastimenti: “Fl-​1840 konna għaddejjin minn ħdejn Cape of Good Hope [l-Afrika t’Isfel] ġewwa l-​istiva tal-​bastiment Buffalo, l-​iktar ħaġa orribbli, minħabba d-​dlam kontinwu, ir-​regoli stretti li kellna nobdu, il-​briegħed li kienu l-​ħin kollu jqattgħuna, is-​sħana, u biex ħajjitna tkun iktar miżerabbli, il-​ġuħ.”

Ironikament, il-​bastimenti tal-​priġunieri spiċċaw biex kellhom l-​aħjar rekord taʼ saħħa u sigurtà fuq il-​baħar f’dak iż-​żmien. Minħabba l-​inċentivi li kien offra l-​gvern Britanniku biex jinkuraġġixxi lill-​kaptani tal-​bastimenti, ir-​rata totali taʼ mwiet fuq dawn il-​bastimenti kienet taʼ inqas minn 1.8 fil-​mija mill-​1788 sa l-​1868. B’kuntrast, mill-​1712 sa l-​1777, matul il-​vjaġġ kienu mietu bejn 3 fil-​mija u 36 fil-​mija tal-​passiġġieri sfortunati fuq il-​bastimenti taʼ l-​ilsiera. Anki l-​bastimenti normali li kienu jirkbu n-​nies normali mill-​Ewropa sa l-​Amerika kellhom rata taʼ mwiet ogħla minn dik tal-​bastimenti tal-​priġunieri!

Taħlita taʼ Nies

Waħda mir-​raġunijiet prinċipali għala r-​rata taʼ mwiet kienet daqshekk baxxa kienet l-​età żagħżugħa li kellhom il-​priġunieri. François kellu fuq it-​tletin sena, kemxejn kbir fl-​età għal priġunier. Il-​biċċa l-​kbira kellhom bejn is-​16 u l-​25 sena, u xi wħud minnhom kienu iżgħar, anki taʼ 11-il sena. Għal kull priġuniera mara kien ikun hemm sitt priġunieri rġiel.

Il-biċċa l-​kbira tan-​nies li kienu jittieħdu l-​Awstralja kienu jkunu mir-​Renju Unit. Iktar minn nofshom kienu jkunu Ingliżi, terz minnhom mill-​Irlanda, u xi ftit eluf mill-​Iskozja. Xi wħud minnhom, bħal François, kienu jiġu minn postijiet imbegħda taʼ l-​Imperu Britanniku, li llum insibuhom bħalha l-​Indja, il-​Kanada, il-​Malasja, Sri Lanka, u anki l-​gżira żgħira taʼ Malta.

Dawn in-​nies li kienu jiġu sforzati biex jemigraw ġabu magħhom għażla impressjonanti taʼ talenti u snajjaʼ. Fosthom kien hemm biċċiera, min jagħmel il-​kaldaruni, min idewweb ir-​ram, mastrudaxxi, koki, kappellieri, ħajjata, u nissieġa. Fir-​rekords uffiċjali hemm imniżżlin maʼ l-​elf xogħol jew sengħa differenti, u dan kien jagħti stampa tal-​ħaddiema li kien hemm fil-​Britannja.

Milli jidher il-​priġunieri taʼ spiss kienu jkunu iktar taʼ skola mill-​klassi tal-​ħaddiema li tħallew f’pajjiżhom. Tliet kwarti mill-​priġunieri li waslu fi New South Wales kienu jafu jaqraw u jiktbu. Dan l-​ammont huwa kbir mhux ħażin meta tqis li fil-​Britannja, kien hemm biss ftit iktar minn nofs in-​nies tal-​pajjiż li kellhom il-​ħila jiffirmaw ir-​reġistru taż-​żwieġ.

Jekk individwu kien jinqabad jikkommetti ħtif taʼ persuna, joqtol, jew ixewwex kontra l-​gvern, malajr kien ilaqqat vjaġġ għall-​Bajja taʼ Botany. Imma mhux kulmin kien jinqabad jagħmel xi ħaġa bħal din biss kien jeħilha. Jekk xi ħadd kien jinqabad imexxi post taʼ divertiment nhar taʼ Ħadd, jisraq maktur, jew sempliċement jikkonduċi dibattitu fuq l-​Iskrittura Mqaddsa, dan setaʼ jintbagħat lejn in-​naħa t’isfel tad-​dinja.

Il-​Ħajja fil-​Pajjiż il-​Ġdid

L-​iktar impressjoni popolari li kellhom in-​nies dwar il-​ħajja bikrija tal-​priġunieri fl-​Awstralja kienet taʼ swat aħrax, krudeltà kontinwa, u eżistenza miżera li ma tixraqx lill-​bnedmin. Għal xi wħud din kienet ir-​realtà, imma ħafna sabu ruħhom aħjar milli kienu fil-​pajjiż li ħallew warajhom.

Maż-żmien, żviluppat sistema fejn il-​priġunieri setgħu jintbagħtu jaħdmu għal immigranti liberi u għal uffiċjali, jew saħansitra jaħdmu għal rashom. B’hekk, minflok ma jiskontaw is-​sentenza kollha tagħhom marbutin bil-​ktajjen maʼ xulxin huma u jibnu toroq ġodda, dawn setgħu jaħdmu s-​sengħa tagħhom jew jitgħallmu oħra ġdida. Per eżempju, Job intbagħat jaħdem għal raġel sinjur imma qalbu tajba li kellu ħafna propjetà, u hemmhekk tgħallem irabbi l-​annimali f’waħda mill-​propjetajiet li kellu s-​sid fit-​tarf taʼ Sydney.

Il-priġunieri kienu jintbagħtu jaħdmu għal ħamest ijiem u nofs, jew 56 siegħa, fil-​ġimgħa. Taʼ min jgħid li dawn is-​sigħat kienu inqas minn dawk li kellhom jaħdmu l-​maġġuranza tal-​ħaddiema tal-​fabbriki fil-​Britannja f’dak iż-​żmien. Fil-​fatt dawn kienu jaħdmu kuljum minn sbiħ il-​jum sa nżul ix-​xemx. Wara l-​ħin normali taʼ xogħolhom, il-​priġunieri setgħu jitħallsu jekk kienu jagħmlu xi xogħol ieħor. Taʼ spiss dawn kienu jħaddmu negozji żgħar wara l-​ħin tax-​xogħol, bħal ngħidu aħna jbigħu l-​ħaxix maqtugħ bħala għalf taʼ l-​annimali.

Filwaqt li l-​frosta kienet tintuża ħafna, studju minnhom juri li 66 fil-​mija tal-​priġunieri fi New South Wales ma qalgħux swat matul is-​sentenza tagħhom jew qalgħu darba biss. Dan kien ifisser li huma ma kinux jingħataw iktar swat milli kienu jingħataw l-​irġiel li kienu fl-​Armata jew fil-​Flotta Britannika.

Minħabba f’dan kollu, flimkien mal-​prospett li jingħataw biċċa art għalihom wara li jkunu skontaw is-​sentenza tagħhom, xi wħud bdiet togħġobhom l-​idea li jintbagħtu lejn dan il-​post bħala priġunieri. Fl-​1835, W. Cope, il-​gvernatur tal-​Ħabs taʼ Newgate f’Londra, ħabs mill-​agħar, qal hekk rigward il-​priġunieri li ġew mhedda li jintbagħtu hemm: “Dsatax minn għoxrin jixtiequ jmorru.” U s-​supretendent taʼ ħabs ieħor qal hekk dwar il-​priġunieri li kellu: “Disgħa u disgħin minn mija għandhom xewqa kbira li jmorru.”

L-​Aspetti Iktar Negattivi

Għal dawk li kienu jibqgħu jiksru l-​liġi, il-​ħajja setgħet issir miżerja. Rapport jgħid: “It-​trasportazzjoni m’hijiex kastig sempliċi, imma pjuttost serje taʼ kastigi li jinkludu kull livell taʼ tbatija umana.” Wieħed minn dawn il-​kastigi kien il-​mitħna. François ddeskriva waħda minn dawn b’dan il-​mod: “Din hija mitħna li titħan iż-​żrieragħ u jħaddmuha l-​priġunieri. Tmintax-il raġel jitilgħu maʼ rota kontinwament u l-​piż tagħhom imexxi r-​rota u l-​mitħna. Is-​soltu dawn l-​irġiel ikollhom par wieħed biss taʼ qjud tal-​ħadid maʼ saqajhom, iżda ġieli jispiċċaw ikollhom sa tliet pari jew erbgħa, u dawn jiġu mġagħla jaħdmu bħall-​oħrajn, għax jekk le jiġu msawta bla ħniena.”

Il-priġunieri nisa li ma kinux iġibu ruħhom sew kienu jlibbsuhom qjud tal-​ħadid f’għonqhom. Dan kien kullar tal-​ħadid għall-​għonq. Fuq kull ġenb tal-​kullar kien hemm żewġ ħadidiet oħra twal mill-​inqas tletin ċentimetru, ħerġin minnu. Dawn il-​kullari koroh u kbar kienu jitqiesu bħala l-​uniku mod kif irażżnu lin-​nisa.

Istituzzjonijiet penali bħal dak taʼ Port Arthur, fil-​lvant taʼ Hobart fit-​Tasmanja, kienu disinjati bħala post taʼ kastigi ħorox għal kriminali li jerġgħu jinqabdu jiksru l-​liġi. Il-​ħruxija taʼ dawn il-​postijiet tistaʼ tiġi determinata minn rapport uffiċjali li indika: “Xi priġunieri . . . kienu jippreferu l-​mewt milli jibqgħu maqfulin, u kienu jikkommettu reati biex jingħataw il-​mewt.”

Għal xi wħud mill-​priġunieri eżiljati, l-​agħar ħaġa kienet il-​firda mill-​familji tagħhom. François kiteb: “Għażiża familja tiegħi li tant ngħożż, tgħid l-​eżilju se jżommni ’l bogħod minnkom, mill-​maħbubin kollha tiegħi, għal żmien twil? O, il-​firda tnikket u tifnini! Il-​firda minn mara li tħobb u minn tfal żgħar li ma jafux x’inhi t-​tenerezza taʼ missier li jħobb! Għażiża familja, taʼ spiss nerfaʼ l-​ispirtu tiegħi u qalbi lejn is-​Smewwiet sabiex Alla forsi jneħħili l-​ktajjen li qed iżommuni f’dan il-​post u jtemmli l-​eżilju, u b’hekk iħallini nerġaʼ lura għand il-​familja għażiża tiegħi, lejn dak kollu li tixtieq qalbi.”

Is-​Sehem li Taw il-​Priġunieri

Fl-​1837, il-​Gvernatur Bourke qal: “Fi New South Wales, permezz tax-​xogħol tal-​priġunieri, il-​membri bieżla u tas-​sengħa fil-​kolonja rnexxielhom f’perijodu taʼ ħamsin sena jbiddlu deżert f’kolonja mill-​isbaħ u taʼ suċċess.” Sa dakinhar iktar minn żewġ terzi tal-​ħaddiema rġiel kienu priġunieri jew ex-priġunieri. Dawn għenu lill-​bqija taʼ l-​immigranti ħielsa biex iwettqu dan ix-​xogħol taʼ l-​għaġeb. Minħabba ċ-​ċirkustanzi jew għax xtaqu hekk, iktar minn 90 fil-​mija tal-​priġunieri ssetiljaw l-​Awstralja.

Iż-żagħżugħ Job ukoll sar wieħed minn dawn ir-​residenti permanenti, għax meta kiseb il-​libertà żżewweġ, issetilja hemm, u maż-​żmien sar l-​antenat taʼ mijiet t’abitanti taʼ l-​Awstralja u n-​New Zealand. Mill-​banda l-​oħra, François kien wieħed mill-​ftit li malli nħelsu setgħu jmorru lura lejn pajjiżhom u ngħaqdu mal-​familji għeżież tagħhom.

Minn dakinhar ’l hawn il-​bidla kompliet għaddejja b’pass mgħaġġel, u f’temp taʼ tliet ġenerazzjonijiet wara xulxin, il-​“kolonja mill-​isbaħ u taʼ suċċess” saret nazzjon taʼ ħafna kulturi. Issa, kull sena eluf taʼ nies mill-​Asja, il-​Kanada, u l-​Ewropa, inkluż il-​Britannja, jiġu minn jeddhom iżuru l-​Awstralja jew japplikaw biex joqogħdu hemm. Meta jaslu, isibu bini għoli tal-​konkos mibni fuq l-​art li kienu ħammlu l-​priġunieri, u toroq kbar għaddejjin minn fuq it-​toroq li kienu bnew huma. Madankollu, anki qalb it-​toroq moderni u storbjużi taʼ l-​Awstralja, għad hemm bini antik tal-​ġebel li juri x-​xogħol li kellhom jagħmlu kontra qalbhom dawn il-​pijunieri li sabu ruħhom diretti għall-​Bajja taʼ Botany.

[Mappa/Stampi f’paġna 20]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​BAJJA TAʼ BOTANY

[Stampi]

JAMES COOK

JOSEPH BANKS

[Sorsi]

Cook: Painting by John Weber/Dictionary of American Portraits/Dover; Banks: Dickinson, W. Portrait of Sir Joseph Banks when Mr. Banks. Rex Nan Kivell Collection; NK10667. By permission of the National Library of Australia; xena tal-​bajja: Fittler, James. Sydney, New South Wales, with entrance into Port Jackson. By permission of the National Library of Australia

[Stampa f’paġna 23]

(Fuq) Id-​Distrett Ċentrali taʼ Negozju f’Sydney żviluppa fuq il-​post li qabel kien magħruf bħala l-​kolonja penali tal-​Bajja taʼ Botany

[Stampa f’paġna 23]

L-​Isptar il-​Qadim taʼ Sydney, li issa hu l-​Mużew taʼ l-​Istamperija tal-​Flus taʼ l-​Istat, inbena mill-​priġunieri

[Sors]

Image Library, State Library of New South Wales

[Stampa f’paġna 23]

Hyde Park Barracks, ħabs disinjat u mibni mill-​priġunieri

[Sors]

Hyde Park Barracks Museum (1817). Historic Houses Trust of New South Wales, Sydney, Australia

[Stampa f’paġna 23]

Il-​Great North Road. Il-​priġunieri bnew din it-​triq kbira u twila 264 kilometru, imħaffra bl-​għodod taʼ l-​idejn minn ġo għoljiet taʼ ġebel ramli. Din kienet tgħaqqad lil Sydney u l-​Wied taʼ Hunter, qrib Newcastle. Kienet waħda mill-​iktar intrapriżi importanti taʼ inġinerija ċivili li għamlet il-​kolonja

[Sors]

Managed by the National Parks and Wildlife Service, N.S.W.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja