Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għala Hu Daqshekk Diffiċli li Naqsam il-Kamra maʼ Xi Ħadd?
“Jien inħobb l-indafa u kollox f’postu. Imma meta nasal id-dar, insib lil dak li naqsam il-kamra miegħu mixħut fl-art jara t-TV —gazzetti u popcorn kullimkien. Kull darba li nasal id-dar, għandi din l-istampa ċara f’moħħi taʼ x’se nsib, u ngħid lili nnifsi, ‘Ma rridx nidħol hemm ġew.’”—David.
“Dik li naqsam il-kamra magħha kienet imfissda ħafna. Naħseb kienet timmaġina li ħaddieħor kien se jagħmel ix-xogħol għaliha. U dejjem riedet li tgħaddi tagħha f’kollox.”—Renee.a
BĦALMA jgħid artiklu fil-U.S.News & World Report, il-fatt li wieħed jitgħallem jittollera l-aġir differenti taʼ persuna li ma jafx, jistaʼ jgħallmu jkun flessibbli u jasal fi qbil. “Imma dan il-proċess taʼ tagħlim, taʼ spiss, jistaʼ jkun taʼ wġigħ.” Dawk li xi darba kellhom jaqsmu l-kamra maʼ xi ħadd għandhom mnejn jaqblu maʼ dan.
Ħafna studenti taʼ l-università jagħżlu li jaqsmu l-kamra maʼ xi ħadd biex inaqqsu xi ftit mill-ispejjeż għoljin taʼ l-iskola. Żgħażagħ oħrajn imorru jgħixu maʼ ħaddieħor minħabba li jkunu jridu l-indipendenza mill-ġenituri tagħhom. Fost iż-żgħażagħ Kristjani, ħafna ppreferew li jaqsmu l-kamra maʼ xi ħadd bil-ħsieb li jkunu jistgħu jistinkaw f’affarijiet spiritwali. (Mattew 6:33) Dawn isibu li meta jaqsmu l-ispejjeż tal-ħajja maʼ ħaddieħor jgħinhom biex jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time. Xi kultant li jkollok taqsam il-kamra maʼ xi ħadd huwa parti mill-ħajja missjunarja u s-servizz f’Betel li jsir f’diversi fergħat tax-Xhieda taʼ Jehovah.b
Stenbaħ! tkellem maʼ numru taʼ żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet, li f’ħajjithom kellhom jaqsmu l-kamra maʼ xi ħadd. Kollha qablu li dan jistaʼ jkun iktar milli sempliċement xi ħadd li jgħin biex titħallas il-kera—xi ħadd li taqsam il-kamra miegħu jistaʼ jżommlok kumpanija, jistaʼ jkun xi ħadd li tiftaħ qalbek miegħu u tagħmlu l-affarijiet flimkien. “Konna nibqgħu mqajmin u nitkellmu dwar affarijiet li jħobbu jitkellmu dwarhom it-tfajliet jew inkella konna naraw xi film,” tiftakar Lynn. “Xi ħadd li jaqsam il-kamra miegħek jistaʼ wkoll jinkuraġġik,” tgħid Renee. “Xi kultant, li jkollok lil xi ħadd biex jinkuraġġik jistaʼ jkun taʼ għajnuna jekk tkun qed taħdem, tara kif tagħmel biex tħallas il-kontijiet kollha, u tipprova tippriedka wkoll.”
Madankollu, meta jkollok tgħix maʼ xi ħadd li trid taqsam il-kamra miegħu, speċjalment maʼ xi ħadd li għall-ewwel ma tkunx taf, jistaʼ jkun taʼ sfida kbira. “Minkejja l-isforzi kbar minn ħafna skejjel biex jipprovaw ipoġġu flimkien persuni li jaqblu bejniethom, taʼ spiss ir-riżultat ma jkunx wieħed sodisfaċenti,” osservat il-U.S.News & World Report dwar l-ambjent fil-kulleġġi. Tabilħaqq, huwa magħruf li t-tilwim bejn dawk li jaqsmu l-kamra flimkien f’kulleġġi, tant kiber li ġieli spiċċa fi vjolenza! L-Internet Web sites komplew jiżdiedu u permezz tagħhom l-istudenti jkunu jistgħu jisfogaw liberament il-ħafna frustrazzjonijiet li jħossu minħabba dawk li jaqsmu l-kamra magħhom. Ħafna drabi, għala jistaʼ jkun diffiċli li tgħix maʼ xi ħadd li jkollok taqsam il-kamra miegħu?
Tgħix maʼ Xi Ħadd li Ma Tafx
“Tistaʼ tkun esperjenza xi ftit jew wisq interessanti li tmur tgħix maʼ xi ħadd li ma tafx,” jgħid Mark. “Ma tafx x’tip taʼ bniedem se jkun.” Tabilħaqq, il-ħsieb biss li tgħix maʼ xi ħadd li jkollok ftit jew xejn komuni miegħu jistaʼ jkun inkwetanti mhux ħażin. Veru, il-Kristjani għandu jkollhom ħafna affarijiet komuni u fuqiex jitkellmu. Madankollu, David jammetti: “Kont nibżaʼ meta naħseb li jkolli naqsam il-kamra maʼ xi ħadd.”
Madankollu, ġara li dak li qasam il-kamra maʼ David kien ġej mill-istess ambjent tiegħu. Imma mhux dawk kollha li jaqsmu l-kamra maʼ xi ħadd ikunu jaqblu dejjem bejniethom. Mark jgħid: “L-ewwel wieħed li kont naqsam il-kamra miegħu ma tantx kien iħobb ipaċpaċ. Meta tkun qed tgħix maʼ xi ħadd daqshekk fil-qrib, veru jkollok bżonn titkellem maʼ dak li jkun. Imma hu ma kienx ikun irrid. Din il-ħaġa vera bdiet iddejjaqni.”
Il-fatt li l-individwi jiġu minn ambjenti differenti jistaʼ joħloq ħafna iktar tensjoni. Lynn tgħid: “Meta tiddeċiedi li tmur tgħix għal rasek, tkun trid tagħmel l-affarijiet kif jogħġbu lilek. Imma malajr tibda tirrealizza li hemm persuni oħrajn x’tikkunsidra.” Tabilħaqq, meta tkun ġej mill-menqa protettiva tal-familja, tistaʼ tinħasad meta tirrealizza li ħaddieħor iħares lejn l-affarijiet b’mod differenti minnek.
Ambjenti u Modi Differenti
Ħafna jiddependi mit-taħriġ, jew nuqqas taʼ taħriġ, li wieħed ikun irċieva mingħand il-ġenituri tiegħu. (Proverbji 22:6) Iż-żagħżugħ Fernando jgħid: “Jien bniedem li nħobb l-indafa u kollox f’postu, u dak li kien jaqsam il-kamra miegħi tgħidx kemm kien traskurat. Per eżempju, ħa nsemmi l-gwardarobba: Kien iħobb jitfaʼ l-affarijiet kif ġie ġie . Jien kont inħobb indendilhom.” Xi kultant id-differenzi fid-drawwiet jistgħu jkunu totalment differenti.
Renee tiftakar: “Kont naqsam il-kamra maʼ waħda li l-kamra tas-sodda tagħha kienet tħalliha qisha miżbla! Qsamt il-kamra wkoll maʼ wħud li ma kinux inaddfu l-mejda wara l-ikel jew li kienu jħallu l-platti fis-sink għal jumejn jew tlieta.” Iva, xi wħud li taqsam il-kamra magħhom ma jħobbux jagħmlu x-xogħol tad-dar u huma eżempju ħaj tal-kliem li nsibu fi Proverbji 26:14: “Il-bieb idur fuq iċ-ċappetti, u l-għażżien jitqalleb fuq friexu.”
Mill-banda l-oħra, li tgħix maʼ xi ħadd li għall-kuntrarju jmur fl-estrem fejn tidħol l-indafa ma tantx hi xi sitwazzjoni taʼ ferħ. Waħda mara żagħżugħa jisimha Lee tgħid hekk dwar dik li kienet taqsam il-kamra magħha: “L-idea tagħha kienet li t-tindif kellu jsir taʼ spiss. Jien żgur m’iniex persuna maħmuġa, imma kultant inħalli xi affarijiet, bħal kotba, fuq is-sodda tiegħi. U hi ħasbet li kellha toqgħod tikkontrolla s-sitwazzjoni.”
Uħud li jaqsmu l-kamra m’oħrajn jistaʼ jkollhom ukoll l-ideat persunali tagħhom dwar l-iġjene. Mark jispjega: “Sieħbi tal-kamra jqum tard ħafna. Imur jiġri lejn is-sink, jitfaʼ ftit ilma fuq xagħru, u jitlaq sparat ’l barra.”
Id-differenzi fl-ambjent u l-personalità jistgħu jeffettwaw l-għażla tad-divertiment u r-rikreazzjoni. “Aħna ma nħobbux l-istess tip taʼ mużika,” jgħid Mark dwar sieħbu tal-kamra. Madankollu, fejn ikun hemm rispett min-naħa tat-tnejn, ċerti differenzi jistgħu jgħinu lil dawk li jkunu qed jaqsmu l-kamra bejniethom biex iwessgħu iktar il-gosti tagħhom. Imma taʼ spiss, dawn id-differenzi jirriżultaw f’konflitti. Fernando jgħid: “Jien inħobb il-mużika Spanjola, imma sieħbi tal-kamra l-ħin kollu jikkritikaha.”
It-Telefon—Problema
Il-fatt li tagħmel użu mit-telefon jistaʼ jkun wieħed mill-akbar kawżi għall-konflitti. Mark jgħid: “Jien inħobb norqod. Imma dak li jaqsam il-kamra miegħi jibqaʼ mqajjem fit-tard jitkellem fuq it-telefon. Wara xi żmien dan jistaʼ jibda jdejqek.” Lynn tiftakar kważi l-istess: “Xi drabi, waħda mill-ħbieb taʼ dik li kienet taqsam il-kamra miegħi kienet iċċemplilha fit-tlieta jew l-erbgħa taʼ fil-għodu. Jekk ma kinitx tkun hemm, kien ikolli nqum jien nirrispondi t-telefon.” X’soluzzjoni sabu għal dan? “Ftehemna li jkollna telefon kull wieħed.”
Madankollu, mhux iż-żgħażagħ kollha jistgħu jaffordjaw li jkollhom it-telefon tagħhom, u għalhekk ħafna jkollhom jaqsmuh m’oħrajn. Dan jistaʼ jiftaħ il-bieb għal ħafna tensjoni. Renee tiftakar: “Waħda minn dawk li kienu jaqsmu l-kamra miegħi kienet qed toħroġ maʼ ġuvni, u taʼ spiss kienet tqattaʼ ħin twil titkellem miegħu fuq it-telefon. Darba minnhom il-kont ġie ’l fuq minn Lm40. Stenniet li ladarba konna ftehemna li naqsmu l-kont tat-telefon bejnietna, kelli noħroġ il-flus għal dan ukoll.”
Il-fatt li jkollok aċċess għat-telefon jistaʼ jkun problema oħra. “Kont qed ngħix maʼ xi ħadd akbar minni,” tirrakkonta Lee. “U kellna telefon wieħed biss. Minħabba li kelli ħafna ħbieb, kont nispiċċa nuża t-telefon il-ħin kollu. Hi qatt ma qalet xejn. Allura, jien ħsibt li jekk riedet tuża t-telefon, kienet se tgħidli. Issa nirrealizza li kont qed nuri nuqqas taʼ ħsieb lejha.”
Nuqqas taʼ Privatezza
“Kulħadd ikollu bżonn il-privatezza xi kultant,” jgħid David. “Xi drabi, ikolli bżonn nistrieħ ftit u ma nagħmel assolutament xejn.” Madankollu, meta tkun qed tgħix fl-istess post maʼ xi ħadd li jkollok mumenti taʼ privatezza jistaʼ jkun taʼ sfida. Mark jaqbel: “Jien inħobb inqattaʼ ftit tal-ħin waħdi. Għalhekk, l-iktar ħaġa diffiċli għalija kienet in-nuqqas taʼ privatezza. Jien u sieħbi tal-kamra għandna l-istess skeda. Minħabba f’hekk, huwa diffiċli li jkollna l-privatezza.”
Xi drabi, anki Ġesù kellu bżonn iqattaʼ ftit ħin waħdu. (Mattew 14:13) Għalhekk, jistaʼ jkun frustranti meta l-preżenza taʼ xi ħadd fil-kamra miegħek tagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, biex taqra, tistudja, u timmedita. Mark jgħid: “Ikun diffiċli biex tistudja għax dejjem ikun hemm xi ħaġa għaddejja. Daqqa jistieden lil xi ħbieb fil-kamra, jew joqgħod ipaċpaċ fuq it-telefon, jew inkella jkun qed jara t-TV jew jismaʼ r-radju.”
Madankollu, għalkemm jistaʼ jkun taʼ sfida biex tkampa maʼ xi ħadd li trid taqsam il-kamra miegħu, eluf taʼ żgħażagħ irnexxielhom jagħmlu dan b’suċċess.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
b Għalkemm dan il-parir huwa mmirat lejn iż-żgħażagħ, jistaʼ jkun taʼ għajnuna għal nies imdaħħlin fiż-żmien li jkollhom jaqsmu l-kamra maʼ xi ħadd minħabba li jinbidlulhom iċ-ċirkustanzi, forsi għax jispiċċaw romol.
[Stampa f’paġna 16, 17]
Gosti differenti fil-mużika jistgħu jkunu taʼ sfida
[Stampa f’paġna 18]
Nuqqas taʼ ħsieb jistaʼ joħloq tensjoni