Il-Miraklu tal-Bajda tan-Nagħma
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AFRIKA T’ISFEL
BLA ĊAQLIQ TAʼ XEJN fl-inkubatur, il-bajda tan-nagħma ma tikxef xejn dwar dak li qed jiġri fuq ġewwa jew dwar l-ispettaklu eċċitanti li dalwaqt se jibda. Madankollu, hawnhekk fir-razzett tan-ngħam għandna l-opportunità li nitgħallmu dwar l-iżvilupp affaxxinanti tan-ngħam, u nibdew minn meta n-nagħma omm tbid il-bajd tagħha.
Il-Bajd Jingħata Attenzjoni Speċjali
In-nagħma omm tbid il-bajd tagħha kulur l-avorju f’bejta sempliċi fir-ramel.a Kull bajda tkun tiżen madwar kilo u nofs. Imbagħad, kuljum, il-ħaddiema jaqbdu l-bajd frisk u jiħduh fl-inkubaturi tar-razzett, u jħalluh hemmhekk għal madwar sitt ġimgħat.
Dan huwa żmien meta l-bajd fl-inkubatur jingħata attenzjoni speċjali. Dan jinżamm sħun u mgeddes f’temperatura taʼ madwar 37 grad Celsius—temperatura ideali għall-flieles ġodda biex jikbru ġewwa l-qoxra tal-bajda. Sabiex l-isfar tal-bajda jew l-embriju ma jitħalliex jinżel f’qiegħ il-bajda u jeħel mal-membrana tal-qoxra, il-bidwi jżomm il-bajd f’dixxijiet speċjali fejn jiġi mdawwar awtomatikament, jew jara li xi ħadd idawru b’idejh kuljum. Dan jixbah il-mod kif il-ġenituri ngħam idawru l-bajd regolarment fil-bejta ramlija tagħhom fil-veld Afrikan.
Daqqa t’Għajn Ħafifa fuq Ġewwa
Imma, kif nistgħu nkunu nafu x’inhu jiġri ġewwa l-qoxra tal-bajda? Bil-ġentilezza kollha, il-bidwi jaqbad bajda minnhom u jpoġġiha f’toqba fil-wiċċ taʼ kaxxa li fiha jkollha bozza li titfaʼ dawl qawwi. Permezz taʼ din il-proċedura, il-bidwi jkun jistaʼ jara d-dell tal-fellus li jkun qed jiżviluppa b’mod meraviljuż ġewwa l-bajda. Kultant żmien, hu jsegwi din il-proċedura biex jiċċekkja l-progress tal-flieles ġol-bajd. Jekk wara li jkun għamel dan diversi drabi jara li xi bajda fin-nofs tkun għadha m’għaqditx, ikun ovvju li din mhix fertili, u għalhekk ma jerġax iqegħedha fl-inkubatur.
Matul id-39 ġurnata li l-bajda tan-nagħma tagħmel fl-inkubatur, iseħħ żvilupp mirakoluż ġewwa l-qoxra li qisha tal-porċellana. Fl-istess żmien, tifforma bużżieqa taʼ l-arja, li tasal biex tieħu madwar terz taʼ l-ispazju li jkun hemm fil-bajda.b Il-flieles li jkunu għadhom ma faqqsux ikunu marsusin mhux ħażin ġewwa l-bajda u joqogħdu f’pożizzjoni għal-lest biex joħorġu fi żmien qasir. Iżda, l-ewwelnett irid iseħħ proċess importanti ferm—il-membrana taʼ madwar l-isfar tal-bajda trid tibda tgħaddi minn ġol-kurdun u ż-żokra għal ġoż-żaqq ċkejkna tagħhom. Dan hu vitali għax din il-membrana fiha s-sustanzi u l-enerġija kollha li se jkollhom bżonn dalwaqt hekk kif joħorġu fid-dinja taʼ barra.
Joħorġu minn Qoxrithom
Sa fl-aħħar, il-jum tant mistenni wasal, u aħna ninsabu hawnhekk biex naraw x’se jiġri. L-ewwelnett, il-flieles żgħar iridu jgħaddu mill-membrana għal ġol-bużżieqa taʼ l-arja qabel ma jkunu jistgħu jilħqu l-qoxra nfisha. In-ngħam m’għandu xejn ippontat f’munqaru biex ikisser il-qoxra, bħalma jkollhom frieħ oħra li jkunu għadhom kemm faqqsu. In-ngħam ikollu saff li jgħinu jipproteġi t-tarf taʼ munqaru li jkun għadu artab. Waqt li jżomm il-munqar protett tiegħu man-naħa taʼ ġewwa tal-qoxra, il-fellus jimbotta l-membrana li tifirdu mill-bużżieqa taʼ l-arja bin-naħa taʼ wara t’għonqu. Wara ħafna imbottar u tħakkik, din il-membrana fl-aħħar tinfaqaʼ. B’dan il-proċess, il-fellus ikun jistaʼ jokkupa l-ispazju kollu ġewwa l-qoxra.—Ara stampa A.
Fl-aħħar, il-pulmuni ċkejknin tal-fellus jieħdu l-ewwel nifs tagħhom! Il-pulmuni żgħar tiegħu issa qegħdin jaħdmu. Madankollu, din il-battikata kollha tkompli tagħmel in-nuqqas t’arja iktar insopportabbli fl-ispazju marsus tal-bajda. Mela l-fellus ma jistax iċedi issa—irid ikompli jitħabat u jkisser il-qoxra nfisha. B’saħħtu kollha, il-fellus jitfaʼ rasu lura darba wara l-oħra, waqt li jħabbat b’tarf munqaru man-naħa taʼ ġewwa tal-qoxra. F’daqqa waħda, il-fellus ċkejken u mifluġ jara raġġ dawl hekk kif il-qoxra tixxaqqaq kemm kemm—u maʼ dan, il-fellus iħoss l-arja friska taʼ vera!—Ara stampa B.
Wara li jieħu l-mistrieħ li tant għandu bżonn, il-fellus jerġaʼ jikseb biżżejjed saħħa biex ikompli jfarrak il-qoxra miksura, billi juża siequ l-leminija u l-munqar ċkejken u protett tiegħu. Imbagħad, waqt li jiftaħ u jgħolli l-biċċiet miksurin tal-qoxra qisu xi Gulija żgħir, il-fellus jipprova joqgħod bil-qiegħda, hu u jteptep għajnejh lejn id-dinja fuq barra b’kemm dinjità u ċertezza jistaʼ jkollu ferħ taʼ nagħma li għadu kemm faqqas u li jkun qisu fis-sakra.—Ara stampa Ċ.
Il-bidwi għala ma jgħinx lil dan in-naqra taʼ fellus joħroġ mill-qoxra mkissra tiegħu? Dan huwa għall-ġid tal-fellus stess. Jieħu daqsxejn żmien biex l-isfar tal-bajda jgħaddi għal ġoż-żokra tal-fellus, li mbagħad din tinġibed u tingħalaq. Wieħed li mingħalih ikun qed jgħin billi jipprova jħaffef il-proċess jistaʼ jweġġaʼ lil din il-ħlejqa jew iqabbadha xi infezzjoni serja.
Insomma, wara dan kollu l-flieles ċkejknin li hawn fir-razzett ħarġu minn qoxrithom. Għalina l-ispettaturi, li naraw dawn il-flieles ħerġin minn gozz qxur imfarrak—għajjenin mejtin imma rebbiħin—huwa spettaklu eċċitanti.
Jiltaqgħu mal-Ġenituri Adottivi
Wara ftit, l-arja sħuna taʼ l-inkubatur tnixxef ir-rix artab u bellusi tal-flieles, u tant isiru ħelwin b’rixhom imqanfed. Imbagħad jitqiegħdu barra fix-xemx f’post żgħir imdawwar minn ilqugħ. Kemm jidhru li jieħdu gost b’dan! Fl-aħħar jistgħu jħaddmu s-saqajn ċkejknin u xejn sodi tagħhom bħalma tant kienu ilhom jixtiequ jagħmlu.
L-għada hija ġurnata importanti ferm għal dawn l-għasafar żgħar bellusin. Dawn jiġu mlaqqgħin mal-ġenituri adottivi tagħhom—ngħam adult li se jieħu ħsiebhom għat-tliet xhur li ġejjin. Sa issa, il-flieles żgħar għadu ma qabadhomx ġuħ għax qed jiġu sostnuti bin-nutriment mill-isfar tal-bajda. Madankollu, ftit ġranet wara li jfaqqsu jibda jinfetħilhom l-aptit. Imma x’jistgħu jieklu? Aħna nibqgħu mbellhin meta naraw il-flieles jibdew jieklu l-ħmieġ frisk tal-ġenituri adottivi tagħhom! Il-bidwi jispjegalna li dan jistaʼ jgħinhom isaħħu s-sistema tagħhom taʼ l-immunità li tkun għadha ma żviluppatx għalkollox.
Ara daqsxejn dawn il-flieles żgħar x’jiġru biex jipprovaw ilaħħqu mal-passi taʼ ġgant li qed jagħmlu l-ġenituri adottivi tagħhom! Żgur iridu jagħmlu sforz kbir. Imma l-flieles tan-ngħam jikbru f’kemm ili ngħidlek—30 ċentimetru fix-xahar! Għalhekk, ħaġa taʼ l-għaġeb, fi żmien xahar biss, ikunu kapaċi jlaħħqu maʼ l-adulti li huma ferm akbar minnhom.
Meta l-adolexxenti żgħar ikollhom sitt xhur, ikunu kibru għalkollox u laħqu tul taʼ żewġ metri u nofs. Diffiċli temmen li sebaʼ xhur biss qabel, dawn il-ħlejjaq magħlubin—li qishom għandhom għonq u saqajn biss—kienu bajd li ma jiċċaqlaqx f’inkubatur ġo razzett tan-ngħam.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji dwar in-nagħma, jekk jogħġbok ara l-artiklu “Fleet-Footed, Flightless, and Fascinating—The Ostrich” (Tiġri Ħafna, Ma Ttirx, u Affaxxinanti—In-Nagħma) fl-Awake! tat-22 taʼ Lulju, 1999, paġni 16-18.
b Il-bajda tan-nagħma tkun “mimlija pori li jippermettu l-gassijiet jgħaddu ġol-bajda. Bejn iż-żewġ membrani tal-bajda jifforma spazju t’arja fil-qiegħ wiesaʼ tal-bajda, minħabba l-evaporazzjoni li sseħħ wara li l-bajda tinbied.”—Ostrich Farming in the Little Karoo.
[Dijagramma f’paġna 23]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-PROĊESS TAT-TFAQQIS
A
B
Ċ
[Sors]
Sors taʼ l-istampi: Dr. D. C. Deeming
[Stampa f’paġna 23]
Il-ġurnata tant mistennija—il-flieles joħorġu minn qoxrithom!
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 24]
John Dominis/Index Stock Photography