Ġojjelli minn Xatt il-Baħar
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIN-NIKARAGWA
QATT kont għaddej minn xatt il-baħar u fuq ir-ramel sibt qoxra tleqq taʼ xi mollusk (seashell) li tant affaxxinatek? Jekk inhu hekk, m’intix l-uniku wieħed. Nies taʼ kull età jieħdu gost b’dawn il-qxur tal-molluski minħabba l-varjetà kbira u s-sbuħija speċjali tagħhom.
Dawn il-qxur tistaʼ ssibhom kważi f’kull xatt il-baħar. Madankollu, dawn il-qxur m’humiex biss xi ħaġa li żżommha f’idek u tammiraha. Kull qoxra kienet qabel id-dar taʼ ħlejqa b’ġisem artab, dar li tkun bnietha hi stess—il-mollusk. Huwa stmat li bejn wieħed u ieħor, illum jeżistu iktar minn 50,000 speċi taʼ molluski.
Il-qxur li se niddiskutu dwarhom f’dan l-artiklu jistgħu jinstabu kollha fil-Kosta tal-Paċifiku fin-Nikaragwa. Ġbart ħafna minnhom tul ix-xtajta taʼ madwar tliet kilometri msejħa Poneloya u Las Peñitas. Oħrajn tawhomli s-sajjieda tal-post. Jekk jogħġbok ħallini nintroduċi xi ftit minn dawn il-qxur kif ukoll il-ħlejjaq tal-baħar li ħolquhom.
Il-Gastropodi l-Kbar
Il-biċċa l-kbira mill-qxur isiru mill-molluski li jappartjenu lil żewġ klassijiet prinċipali: il-Gastropoda u l-Bivalvia. Il-Gastropodi, inkluż kull tip taʼ bebbux, għandhom ras li ġeneralment fiha t-tentakli u l-għajnejn. Dawn il-molluski jitkaxkru u jiżżerżqu fuq sieq waħda mlaħħma. Huwa minħabba f’hekk li jissejħu gastropodi.
Gastropodu kif jieħu n-nifs u jiekol? Ħafna varjetajiet tal-baħar jieħdu n-nifs permezz taʼ sifun, jiġifieri, organu bħal tromba li joħroġ mir-ras. Is-sifun jgħinhom biex jiġbdu l-ilma mill-garġi tagħhom. Xi gastropodi għandhom proboxxidi, organu ieħor bħal tromba li jużawh biex jieklu. Ħafna gastropodi għandhom ukoll radula—apparat qisu lsien irqiq miksi bi snien żgħar u ebsin. Dan l-apparat jixbah lil raspa li tqattaʼ l-ikel tal-mollusk. Il-gastropodi kollha għandhom sistema nervuża, sistema ċirkulatorja, sistema diġestiva, u organi riproduttivi.
Kif tistaʼ tinduna jekk qoxra tkunx saret minn gastropodu? Jekk iva, din tkun univalvi—qoxra li tikkonsisti f’biċċa waħda, li spiss ikollha forma spirali. Il-bekkum, it-tun, il-baħbuħa, l-iżgorra, u t-turritella huma qxur li kollha huma magħmulin mill-gastropodi. Ejja nagħtu ħarsa mill-qrib lejn ftit minn dawn il-ġojjelli.
Jikbru Malajr —Iħaffru għall-Ikel
Il-qxur tal-bekkum li jinstabu madwar id-dinja għandhom forom komplikati. Jien sibt żewġ speċi, il-bekkum Hexaplex regius roża u kannella u l-bekkum Muricanthus radix li tant huma sbieħ. Kif jifformawhom ix-xfar bl-ispini? Il-molluski joħolqu kull xifer, li jissejjaħ il-varix, matul perijodi li fihom il-qoxra tikber bil-mod il-mod. Bejn kull xifer u ieħor tistaʼ tara l-materjal tal-qoxra li kien prodott matul il-perijodu tat-tkabbir mgħaġġel. Il-ktieb Shells—Treasures of the Sea jispjega: ‘Biex il-gastropodu jżid qoxra ġdida jaħli ħafna enerġija. Għalhekk, ħafna minnhom ma jħaddmux daqstant il-metaboliżmu tagħhom u jidħlu f’perijodu taʼ inattività biex jużaw iktar enerġija ħalli jkabbru l-qoxra iktar malajr. Ġeneralment, l-annimal jidħol fir-ramel jew jistaħba b’xi mod ieħor biex jevita li jinqabad mill-predaturi. . . . Il-perijodu tat-tkabbir mgħaġġel jistaʼ jdum minn ftit ġranet sa diversi ġimgħat, jiddependi mill-ispeċi tal-mollusk.’
Il-bekkum innifsu huwa predatur impressjonanti. Xi drabi waqt li kont inkun qed niġbor dawn il-qxur, kont naħseb x’setgħet kienet ir-raġuni għala ftit minnhom kellhom toqba żgħira u perfetta fihom. Iktar tard sirt naf li l-bekkum hu wieħed minn diversi molluski li juża s-snien tar-radula biex itaqqab toqba żgħira fil-qoxra tal-priża tiegħu. Imbagħad il-bekkum idaħħal il-proboxxidi tiegħu fit-toqba u ħallih jieħu gost bl-ikla tiegħu!
Bqajt skantat meta sirt naf li l-Bibbja tirreferi indirettament għall-bekkum. Żewġ speċi komuni fil-Baħar Mediterran huma l-Bekkum trunculus u l-Bekkum brandaris li minnhom kienet issir iż-żebgħa kulur il-porpra u li kienet tiswa ħafna flus. Din kienet tintuża biex jiżbgħu d-drapp fiż-żminijiet Bibliċi. (Ester 8:15; Luqa 16:19) Waħda mill-glandoli tal-bekkum tipproduċi fluwidu safrani li jsir vjola skur jew kulur il-porpra meta dan jiġi espost għall-arja u għad-dawl tax-xemx. Minħabba li kull bekkum jipproduċi biss ammont żgħir taʼ fluwidu, ġie kalkulat li biex jipproduċu gramma u nofs żebgħa hemm bżonn taʼ kważi 12,000 bekkum. Mhux taʼ b’xejn li l-porpra taʼ Tir, bħalma kienet magħrufa din iż-żebgħa, setgħu biss jixtruha n-nies sinjuri!a
Qxur li Jitbissmu
Fil-kollezzjoni tiegħi għandi wkoll speċi oħra, dik tat-tun li jitbissem (Malea ringens). It-tun nistgħu nsibuh madwar id-dinja, għax il-larva tiegħu tistaʼ tibqaʼ f’wiċċ l-ilma għal ġimgħat jew saħansitra xhur sħaħ qabel ma tinżel fil-qiegħ biex tiżviluppa. Wieħed ma jistax ma jinnotax il-kostoli sbieħ u wesgħin li jduru madwar il-qoxra kif ukoll il-karatteristika speċjali tat-tun li jitbissem—ix-xoffa ħoxna mdawra bis-snien. Ħafna jemmnu li din ix-xoffa qiegħda għall-protezzjoni taʼ dan il-bebbuxu delizzjuż biex ma jittikilx minn granċijiet imġewħin.
Il-kollezzjoni li għandi tinkludi kampjuni mill-isbaħ—kemm żgħar u kemm kbar—tal-bronja tal-kuruna (Melongena corona), imsejħa hekk minħabba l-“kuruna” mimlija spini li għandha. Għandi wkoll bronja żgħira (Cymatium tigrinum), li hija speċi li tistaʼ tikber sa 15-il ċentimetru fit-tul, kif ukoll il-Pleuroploca princeps, li għandha valur kbir minħabba l-kulur oranġjo mhux komuni tagħha. Dawn il-qxur kbar li jinstabu f’ilma fond rari ssibhom f’xatt il-baħar. Dawn il-kampjuni sbieħ huma fost dawk li tawni xi sajjieda ħbieb tiegħi. Huma kienu qabduhom fix-xbieki jew fin-nases taʼ l-għaġuża tagħhom. Huma żammew il-laħam biex jikluh u b’qalb tajba qagħdu jerfgħuli l-qxur sbieħ.
Iżgħar imma Jolqtu l-Għajn
Fi ġranet meta l-marea tal-baħar tħalli warajha ringiela twila taʼ qxur fuq ir-ramel, tkun tistaʼ ssib ħafna qxur iżgħar u interessanti tal-gastropodi f’xatt il-baħar. Dawn jinkludu ħafna varjetajiet li jolqtu l-għajn—il-qxur tal-baħbuħa, l-iżgorra, l-olive, l-auger, is-sundial, il-moon, u t-turritella. Minħabba li madwar id-dinja nsibu ħafna speċi, xi wħud minn dawk li jġemmgħu dawn il-qxur iġemmgħu biss familja waħda minnhom. Per eżempju, hemm iktar minn 500 speċi tal-qxur taʼ l-iżgorra!
Waħda mill-iktar karatteristiċi attraenti tal-qxur tal-gastropodi hi d-disinn spirali tagħhom. Il-qxur tas-sundial u dawk taʼ l-auger huma partikolarment eżempji sbieħ taʼ dan id-disinn. Hekk kif jikbru, il-qxur tal-gastropodi jsegwu disinn regulari u preċiż. B’hekk, waqt li qed jikbru fid-daqs, iżommu l-istess forma li kellhom. Il-mollusk jipproduċi forma spirali billi kontinwament iżid il-qxur mat-tarf, billi jserrep madwar punt fiss immaġinarju tul il-qoxra kollha. Il-qoxra li tifforma ssir id-dar b’saħħitha u kompatta għall-mollusk taʼ ġo fiha—prattika u sabiħa!
Gandoffli, Arzell, u Bivalvi Oħra
Xi ngħidu dwar il-klassi l-oħra taʼ molluski li semmejna qabel, il-Bivalvia? Il-qxur tagħhom huma abbundanti fix-xtut tan-Nikaragwa. Il-qoxra tal-bivalvi tkun magħmula minn żewġ nofsijiet li jissejħu valvi. Dawn iżommu flimkien permezz taʼ ligament u huma preċiż daqs xulxin, biex hekk idawru u jipproteġu l-annimal li jkun fihom. Il-gandofflu huwa bivalv magħruf sew. Il-molluski bivalvi m’għandhomx ras, iżda għandhom organi sensorjali li jissejħu chemoreceptors li permezz tagħhom ikunu kapaċi jindunaw bit-togħma jew ir-riħa li jkun hemm fl-ilma. Ġeneralment, il-bivalvi jieklu billi jsaffu materjal organiku mill-ilma baħar. Xi wħud għandhom sieq dejqa u mlaħħma li permezz tagħha jkunu jistgħu jimxu. L-arzella, li hi wkoll bivalv, kapaċi tgħum billi tagħlaq il-valvi bis-saħħa, u dan jipproduċi pressa taʼ ilma li titfaʼ lill-arzella lura. Biex timxi ’l quddiem, titfaʼ l-ilma ’l barra warajha. Imma arzella kif tkun taf meta jkun riesaq il-periklu? Din għandha tużżani t’għajnejn blu u sensittivi li qegħdin f’żewġ fillieri madwar ġisimha kollu. Dawn jistgħu jindunaw bid-dell taʼ xi predatur.
Probabbilment, l-iktar prodott mill-bivalvi li jiswa l-flus hu n-nakkri, jew il-madriperla. Il-qxur jikkonsistu l-iktar minn karbonat tal-kalċju kristallizzat—komponent tal-melħ minerali fl-ilma baħar. Madankollu, is-sbuħija li tkanġi tan-nakkri tiġi minn tip partikulari taʼ karbonat tal-kalċju li jissejjaħ aragonit. Fuq ġewwa tal-qxur tagħhom, ċertu molluski jiddepożitaw kristalli taʼ l-aragonit, li tant ikunu rqaq li lanqas biss jidhru, u jagħmluhom f’disinn li jixbah lil dak taʼ xi saqaf bil-madum imrikkeb fuq xulxin. Hekk kif id-dawl jirrifletti u jgħaddi minn dawn il-kristalli, jipproduċi d-dehra li ssaħħrek taʼ qxur bi lwien ikanġu. Fil-fatt, xi speċi tal-bivalvi jużaw in-nakkri biex jiksu xi ħaġa li tkun qed tikkaġunalhom irritazzjoni, fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-qoxra, bħalma hi xi farka tar-ramel. Maż-żmien, saff wara saff taʼ nakkri jiġi applikat fuq farka ramel li tkun qed tirritahom, u din tiġi trasformata f’perla sabiħa u prezzjuża.
Karatteristika Unika tal-Mollusk
Ħallejt għall-aħħar dak li ħafna jikkunsidrawh bħala l-iktar karatteristika affaxxinanti tal-mollusk—il-mantell, organu li jkollhom il-molluski kollha. Hija din il-parti partikulari ħafna fuq in-naħa taʼ barra taʼ l-annimal li tipproduċi l-qoxra l-ġdida. “Il-mollusk iġorr il-[karbonat tal-kalċju] imdewweb fid-demm tiegħu u joħorġu mill-pori qishom trombi fil-mantell, . . . max-xifer tal-qoxra li jkun għadu qed jikber,” jgħid Shells—Treasures of the Sea. Mill-mollusk toħroġ ukoll proteina li ġġiegħel il-kalċju jifforma fi kristalli fl-ilma.
Fl-istess ħin, iċ-ċelluli tal-pigment fil-mantell idaħħlu varjetà kbira taʼ kuluri u disinji sbieħ hekk kif dawn il-ġojjelli jkunu qed jikbru. Il-malakoloġi—xjenzati li jistudjaw il-molluski—għadhom ma jistgħux jifhmu x’funzjoni għandhom dawn il-kuluri u d-disinji tal-qxur. Il-kulur u d-disinn jidhru li m’humiex daqshekk importanti biex il-molluski jagħrfu lil xulxin. U karatteristiċi bħal dawn mhux dejjem jgħinuh jinħeba qalb in-natura taʼ madwaru. Imma l-varjetà kbira taʼ kuluri, disinni, u forom fil-qxur tal-molluski tassew jaffaxxinawna!
Għalhekk, meta xi darba tkun miexi fuq ir-ramel f’xatt il-baħar u tiġbor xi qoxra tleqq, żomm dan f’moħħok: Sew jekk il-qoxra tkun taʼ bivalv komuni u sew jekk taʼ gastropodu b’forma spirali sabiħa, int f’idek ikollok ġojjell—id-dar li qabel kienet taʼ ħlejqa li għandha ġisimha artab magħrufa bħala mollusk.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji, ara l-Insight on the Scriptures, Volum 1, paġni 661-2, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kumment f’paġna 18]
Il-gastropodi magħmulin minn qoxra li tikkonsisti f’biċċa waħda, filwaqt li l-bivalvi jipproduċu qoxra f’żewġ partijiet miżmumin flimkien permezz taʼ ligament
[Stampa f’paġna 17]
BEKKUM (MURICANTHUS RADIX)
[Stampa f’paġna 17]
BEKKUM (HEXAPLEX REGIUS)
[Stampa f’paġna 17]
TUN LI JITBISSEM
[Stampa f’paġna 18]
BAĦBUĦA
[Stampa f’paġna 18]
ŻGORRA
[Stampa f’paġna 18]
OLIVE SHELL
[Stampa f’paġna 18]
AUGER SHELL
[Stampa f’paġna 18]
BRONJA TAL-KURUNA
[Stampa f’paġna 18]
BRONJA (CYMATIUM TIGRINUM)
[Stampa f’paġna 18]
MADRIPERLA
[Stampa f’paġna 18]
PLEUROPLOCA PRINCEPS
[Stampa f’paġna 18]
MOON SHELL
[Stampa f’paġna 18]
TURRITELLA
[Stampa f’paġna 18]
SUNDIAL SHELL
[Stampa f’paġna 19]
GANDOFFLU VENUS
[Stampa f’paġna 19]
ARZELLA