Il-Gamew taʼ l-Italja Kapulavur Ċkejken
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ITALJA
Wasalna Torre del Greco, fil-Bajja taʼ Napli, biex naraw kif jinħadem wieħed mix-xogħlijiet artistiċi magħmulin bl-idejn li huwa tipiku taʼ din il-parti taʼ l-Italja. Qed nitkellmu dwar il-gamew—tip taʼ ġojjellerija skolpita mill-arzell. Il-pjan tagħna huwa li nżuru wieħed mill-ħafna ħwienet fil-belt li jagħmlu l-gamew, imma qabel xejn, forsi tixtieq tkun taf daqsxejn dwar il-gamew u l-istorja twila tiegħu.
IL-GAMEW huwa ħaġar prezzjuż, ġebel iebes, jew qxur li jiġi skolpit f’xogħol taʼ riljev. L-agata, l-oniċi, is-sardoniċi, u ċertu arzell huma addattati b’mod speċjali għal dan it-tip taʼ xogħol, għax huma magħmulin minn saffi taʼ kuluri differenti li jistgħu joħolqu kuntrasti mill-isbaħ. Jingħad li t-teknika użata hija bħal dik taʼ l-iskultura tar-riljev imma fiċ-ċokon.
Fil-biċċa l-kbira, il-gamew magħmul minn ħaġar iebes jew prezzjuż ġej minn żmien il-Persjani u l-Griegi-Rumani. Minn dan jidher ċar kemm il-gamew kien popolari fl-antik. Il-gamew magħmul mill-qxur huwa iktar reċenti. Il-madriperla bdiet tinħadem fi Franza, fil-Ġermanja, u fin-naħa taʼ fuq tal-Belġju matul is-sekli 14 u 15. Xogħol artistiku taʼ l-idejn maħdum mill-qxur kellu valur kbir fil-qrati rjali għonja u sofistikati taʼ Franza. Il-vjaġġi għal skoperti ġodda li saru f’dak iż-żmien wasslu biex fl-Ewropa jidħlu materjali rari u eżotiċi, bħal qxur taʼ fkieren ġganteski, nejbiet tal-balieni, ġada, ambra, u arzell stramb. Dan qanqal interess kbir fl-istudju tan-natura u stimula l-immaġinazzjoni taʼ l-artiġjani, il-ġojjelliera, u l-inċiżuri. X’aktarx, matul is-seklu 16, instab li l-arzell mill-familji tal-Cassidae u ċ-Cypraeidae kien mill-iktar addattat biex jitnaqqax il-gamew.
Fl-hekk imsejjaħ perijodu neoklassiku reġaʼ qam interess f’dik li hi arti antika, u matul is-seklu 18, il-gamew maħdum mill-qxur mar tajjeb ħafna. Dan ġara minkejja l-fatt li xi wħud kienu qed jikklassifikaw il-gamew maħdum mill-qxur bħala sempliċi imitazzjoni, għax il-valur tal-qxur kien inferjuri għal dak tal-ħaġar prezzjuż. Minn dak iż-żmien ’l hawn, in-numru taʼ ċentri li jipproduċu l-gamew naqas. Din l-arti baqgħet biss f’żewġt ibliet—Idar-Oberstein, fil-Ġermanja, li tispeċjalizza f’agati maħdumin bil-magni, u Torre del Greco, fl-Italja, fejn il-gamew magħmul mill-qxur għadu jinħadem bl-idejn.
Issa li għandna daqsxejn taʼ informazzjoni, ejja mmorru naraw kif jinħadem illum il-gamew mill-qxur.
Fil-Ħanut Fejn Jinħadem il-Gamew
Il-ħanut li se nżuru jinsab fi triq dejqa fiċ-ċentru taʼ Torre del Greco. Il-bank fejn jaħdem l-artist hu mimli għodda u gamew fi stadji differenti. Nibqgħu mistagħġbin bis-sbuħija tal-biċċa gamew li qed ilesti—xena pastorali kumplessa b’ħafna figuri.
Il-qxur li minnu jinħadem il-gamew jiġi mill-Baħamas kif ukoll minn postijiet fil-Karibew u l-ibħra li jmissu maʼ l-Afrika tal-Lvant. Tipi differenti taʼ qxur jipproduċu gamew taʼ kuluri differenti. Per eżempju, dawk minquxin mill-Cassis madagascariensis l-iktar magħruf bħala qxur tas-sardoniċi) għandhom disinn bajdani fuq sfond kannella skur; dawk minquxin miċ-Cypraecassis rufa (qxur tal-kornalina) ivarjaw minn lewn aħmar fil-kannella ċar għal lewn aħmar fil-kannella skur. Dawk li joħolqu l-akbar kuntrast taʼ lwien huma l-iktar taʼ valur.
L-ewwel pass hu li taqtaʼ l-kikkra—il-parti li se tintuża mill-qoxra—b’xafra tonda taqtaʼ u li tiġi mkessħa bl-ilma. Il-forom tal-gamew li jridu joħorġu, ġeneralment tondi inkella ovali, jiġu mmarkati fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-kikkra. Din imbagħad tinqataʼ f’biċċiet iżgħar b’ħafna kantunieri. Normalment minn qoxra taʼ daqs medju joħorġu biss gamew kbir u tnejn oħra iżgħar. Trid tkun tas-sengħa biex b’daqqa t’għajn tagħraf il-potenzjal taʼ kull qoxra, jiġifieri, kif għandha tinqataʼ. Per eżempju, jekk is-saff taʼ barranett tal-qoxra jkollu tliet ħotbiet, mela x’aktarx jistgħu jiġu minquxin tliet figuri. Meta tinqataʼ, kull biċċa tingħata l-forma mixtieqa b’rota tat-tħin. Imbagħad titwaħħal fuq lasta qasira taʼ l-injam biex tkun tistaʼ tiġi kontrollata aħjar, u s-saff taʼ barranett jiġi mibrux għall-ħxuna li jkun hemm bżonn. F’dan l-istadju, l-artist iħalli l-forma tal-biċċa tispirah dwar liema suġġett se jagħżel biex jonqox. Malajr malajr iħożż bil-lapes l-istampa fuq il-wiċċ u jibda jiskolpixxi.
Permezz taʼ mitħna taʼ l-elettriku—biċċa apparat li jobrox u jillixxa—jitneħħa l-materjal żejjed. Meta l-forma bażika tkun ġiet imfassla, jibda t-tinqix bl-idejn b’għodod taʼ daqs differenti u li jaqtgħu ħafna msejħin burini. Id-disinn irid jinħoloq eżatt fil-fond tal-qoxra fejn il-kulur tagħha jinbidel minn ċar għal skur. Billi jaqtaʼ għal fondijiet differenti, l-artist tas-sengħa jistaʼ joħloq l-impressjoni li l-figuri huma mgħottijin b’velijiet trasparenti. Fl-aħħar, toħroġ figura dettaljata mill-isbaħ f’xogħol taʼ riljev fuq l-isfond skur tas-saff taʼ taħt!
Hemm għadd kbir taʼ suġġetti li jistgħu jiġu minquxin. Għandek mnejn rajtu l-profil taʼ mara grazzjuża—li huwa dejjem favorit. Profili jew fjuri ċkejknin jintużaw għal fuq iċ-ċrieket jew l-imsielet. Gamew iktar kbir, li jkun taʼ xi 75 millimetru fid-daqs, jintuża bħala labra jew pendent u jkollu xbihat iktar kumplessi, bħal pajsaġġi, xeni pastorali jew klassiċi. Il-kbarnett, li jaslu sa 200 millimetru, jistgħu jitpoġġew f’xi gwarniċ jew fuq xi kolonna. Il-valur tagħhom jiddependi mhux biss mid-daqs u l-materjal użat imma wkoll b’mod partikulari mis-sengħa u l-attenzjoni involuti biex isir il-prodott. Xi wħud minnhom huma xogħlijiet artistiċi awtentiċi.
Ladarba l-artist iħalli l-qoxra partikulari tiggwidah u jrid jieħu vantaġġ mill-irregolaritajiet tagħha biex jipproduċi l-prodott finali, ma jistaʼ jkun qatt li l-gamew li jinħadem mill-qxur isir bil-magni. Lanqas ma jistaʼ jkun hemm tnejn li jkunu eżatt bħal xulxin. Il-gamew huwa ornament mill-isbaħ u uniku tabilħaqq—kapulavur ċkejken tassew.
[Stampi f’paġna 16]
IL-PRODUZZJONI TAL-GAMEW
Il-qxur li minnhom jinħadem il-gamew
Tinqataʼ l-kikkra biex jinħadem il-gamew
Il-forma tal-gamew tiġi mmarkata fuq il-biċċa
Il-biċċa tinqataʼ bejn wieħed u ieħor għad-daqs li jkun hemm bżonn
Wara li jifforma l-biċċa, l-artist juża s-sengħa fuq xogħlu
[Stampa f’paġna 17]
Gemma Augustea, gamew li nħadem bejn is-snin 10 E.K. u 20 E.K. Id-daqs tiegħu huwa taʼ 19-il ċentimetru bi 23 ċentimetru
[Sors]
Erich Lessing/Art Resource, NY