LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 7/8 pp. 5-10
  • Il-Protezzjoni tal-Pulizija—it-Tama u l-Biżaʼ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Protezzjoni tal-Pulizija—it-Tama u l-Biżaʼ
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Titwaqqaf il-​Pulizija Amerikana
  • Korpi tal-​Pulizija li Jqanqlu l-​Biżaʼ
  • Il-​Mira tax-​Xogħol tal-​Pulizija fil-​Komunità
  • In-​Neighborhood Watch
  • Il-​Biżaʼ tal-​Korruzzjoni fil-​Korp tal-​Pulizija
  • Il-Pulizija X’Inhu l-Futur Tagħhom?
    Stenbaħ!—2002
  • Il-Pulizija Għala Huma Bżonnjużi?
    Stenbaħ!—2002
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2002
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 7/8 pp. 5-10

Il-​Protezzjoni tal-​Pulizija​—it-​Tama u l-​Biżaʼ

KMIENI fis-​seklu 19, ħafna nies fl-​Ingilterra kienu kontra l-​idea taʼ li jkollhom korp tal-​pulizija professjonali liebes l-​uniformi. Huma kienu jibżgħu li qawwa armata f’idejn il-​gvern ċentrali setgħet thedded il-​libertà tagħhom. Xi wħud beżgħu li kienu se jispiċċaw b’sistema fejn l-​uffiċjali tal-​pulizija jaqdu bħala spiji, sistema simili għal dik Franċiża mmexxija minn Joseph Fouché. Minkejja dan, huma ġew imġagħlin jikkunsidraw il-​mistoqsija, ‘X’se nagħmlu mingħajr korp tal-​pulizija?’

Filwaqt li Londra kienet saret l-​akbar u l-​iktar belt sinjura fid-​dinja, il-​kriminalità baqgħet dejjem tiżdied u thedded in-​negozju. La l-​volontieri li kienu jagħmlu l-​għassa bil-​lejl u lanqas il-​membri taʼ l-​organizzazzjoni privata Bow Street Runners, li kienu jispeċjalizzaw fil-​qbid tal-​ħallelin, ma kienu kapaċi jipproteġu lin-​nies u l-​propjetà tagħhom. Fil-​ktieb tiegħu The English Police: A Political and Social History, Clive Emsley jgħid: “Il-​kriminalità u d-​diżordni bdew jitqiesu dejjem iżjed bħala affarijiet li m’għandhomx jeżistu f’soċjetà ċivilizzata.” Għalhekk, bit-​tama li kollox imur għall-​aħjar, l-​abitanti taʼ Londra ddeċidew li jkollhom korp tal-​pulizija professjonali taħt id-​direzzjoni taʼ Sir Robert Peel.a F’Settembru taʼ l-​1829, il-​pulizjotti bl-​uniformi tal-​Pulizija Metropolitana bdew jagħmlu r-​rondi tagħhom.

Mill-bidu taʼ l-​istorja moderna tagħhom, is-​suġġett tal-​pulizija nissel kemm tama kif ukoll biżaʼ—it-​tama li jipprovdu sigurtà, u l-​biżaʼ li jabbużaw mill-​poter tagħhom.

Titwaqqaf il-​Pulizija Amerikana

Fl-​Istati Uniti, il-​Belt taʼ New York kienet l-​ewwel waħda li kellha korp tal-​pulizija professjonali. Hekk kif il-​belt kompliet tistagħna, anki l-​kriminalità tagħha żdiedet. Sa madwar l-​1835, kull familja setgħet taqra dwar atti kriminali tal-​waħx fil-​gazzetti rħas—magħrufin bħala l-​ġurnali tas-​sold—li kienu għadhom kemm bdew jiġu pubblikati. Il-​protesti mill-​pubbliku żdiedu, u fl-​1845 twaqqaf il-​korp tal-​pulizija fi New York. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, l-​abitanti taʼ New York u taʼ Londra baqgħu msaħħrin bis-​sistemi polizjeski taʼ xulxin.

L-Amerikani kellhom l-​istess biżaʼ taʼ l-​Ingliżi dwar li jkun hemm qawwa armata f’idejn il-​gvern. Imma ż-​żewġ nazzjonijiet ħarġu b’żewġ soluzzjonijiet differenti. L-​Ingliżi għażlu korp tal-​pulizija magħmul minn irġiel ġentlomi lebsin it-​tomna (kappell tawwali) u uniformi blu skur. Huma kienu armati biss b’lembuba żgħira taʼ l-​injam li kienet tkun moħbija fuqhom. Il-​pulizjotti Ingliżi, jew bobbies bħalma huma msejħin, għadhom sa llum ma jġorrux armi tan-​nar fuqhom ħlief f’sitwazzjonijiet t’emerġenza. Madankollu, bħalma jistqarr ċertu rapport, qed jinħass li huwa inevitabbli li maż-​żmien il-​pulizija Ingliża ssir qawwa armata għalkollox.

Madankollu, fl-​Istati Uniti, il-​biżaʼ li l-​gvern jabbuża mill-​poter tiegħu wassal biex issir it-​Tieni Emenda fil-​Kostituzzjoni taʼ l-​Istati Uniti, li tiggarantixxi “d-​dritt li n-​nies ikollhom u jġorru l-​Armi.” Bħala riżultat, il-​pulizija riedet li jkollha l-​pistoli. Maż-​żmien, l-​użu taʼ l-​armi tan-​nar wassal biex ikun hemm sparar fit-​toroq u dan sar karatteristika tal-​pulizjotti Amerikani (magħrufin bħala cops) li jkunu qed jiġru wara l-​ħallelin—għallinqas dik hi l-​idea li għandhom ħafna nies. Raġuni oħra għala l-​Amerikani għandhom din l-​attitudni taʼ li jkollhom pistola hija li l-​ewwel korp tal-​pulizija fl-​Istati Uniti twieled f’dinja kompletament differenti minn dik taʼ Londra. Iktar ma l-​popolazzjoni tagħha kompliet tiżdied, New York kompliet timtela b’taħwid. L-​invażjoni t’eluf taʼ immigranti, partikolarment Ewropej u Amerikani b’dixxendenza Afrikana, wara l-​Gwerra Ċivili taʼ l-​1861-65 ġabet vjolenza razzjali. Il-​pulizija ħasset li kellha bżonn tadotta miżuri iktar ebsin.

Għaldaqstant, il-​pulizija taʼ spiss kienet meqjusa bħala xi ħaġa ħażina imma fl-​istess ħin neċessarja. In-​nies kienu lesti li jissaportu xi mġiba estrema taʼ darba kultant, bit-​tama li jiksbu daqsxejn taʼ ordni u sigurtà. Madankollu, f’xi partijiet tad-​dinja kien qed ifiġġ korp tal-​pulizija differenti.

Korpi tal-​Pulizija li Jqanqlu l-​Biżaʼ

Kmieni fis-​seklu 19, meta bdew jiżviluppaw il-​korpi tal-​pulizija taʼ llum, il-​maġġuranza taʼ l-​umanità kienet tgħix taħt il-​ħakma taʼ l-​imperi Ewropej. Fil-​biċċa l-​kbira, il-​pulizija Ewropea kienet organizzata biex tipproteġi lill-​ħakkiema iktar milli lin-​nies. Anki l-​Ingliżi, li tant kienu kontra l-​idea taʼ li jkollhom pulizija armata u bi stil militari f’pajjiżhom, ma tantx iddejqu jużaw pulizija militari biex iżommu l-​kolonji fil-​kontroll tagħhom. Rob Mawby, fil-​ktieb tiegħu Policing Across the World, jgħid: “Inċidenti taʼ kefrija, korruzzjoni, vjolenza, qtil u abbuż taʼ poter min-​naħa tal-​pulizija mmarkaw kważi [il-perijodi kollha] taʼ l-​istorja tal-​pulizija fil-​kolonji.” Wara li juri li s-​sistema tal-​pulizija taħt il-​ħakma imperjali kellha wkoll xi benefiċċji, l-​istess ktieb ikompli jgħid li din ġagħlet lill-​pajjiżi madwar id-​dinja jieħdu l-​impressjoni li l-​pulizija hija qawwa f’idejn il-​gvern u mhux servizz pubbliku.

Minħabba l-​biżaʼ taʼ xi rivoluzzjoni, il-​gvernijiet dittatorjali kważi dejjem użaw il-​pulizija sigrieta biex jispijaw fuq iċ-​ċittadini tagħhom. Din il-​pulizija sigrieta tuża t-​torturi biex tikseb l-​informazzjoni tagħha, u teħles minn dawk li jistgħu jirribellaw b’assassinar jew b’arrest mingħajr proċess. In-​Nazi kellhom il-​Gestapo, l-​Unjoni Sovjetika l-​KGB, u l-​Ġermanja tal-​Lvant l-​iStasi. Xi ħaġa taʼ l-​iskantament, l-​iStasi kienu jħaddmu xi 100,000 uffiċjal u x’aktarx xi nofs miljun informatur biex jikkontrollaw popolazzjoni taʼ xi 16-il miljun ruħ. L-​uffiċjali kienu jissemmgħu d-​diskursati fuq it-​telefon 24 siegħa kuljum u kellhom rapporti dettaljati fuq terz tal-​popolazzjoni. “L-​uffiċjali taʼ l-​iStasi la kellhom limiti u lanqas kienu jafu jistħu,” jgħid John Koehler fil-​ktieb tiegħu Stasi. “Il-​membri tal-​kleru, inkluż uffiċjali għoljin kemm mid-​denominazzjoni Protestanta u kemm minn dik Kattolika, kienu jiġu reklutati bil-​massa bħala informaturi sigrieti. L-​uffiċċji u l-​konfessjonarji tagħhom kienu jkunu invażati b’apparat biex joqogħdu jissemmgħu l-​konversazzjonijiet.”

Madankollu, ma niltaqgħux maʼ korpi tal-​pulizija li jqanqlu l-​biżaʼ fil-​pajjiżi taʼ gvernijiet dittatorjali biss. Il-​pulizija fi bliet kbar f’pajjiżi oħra ġiet akkużata li toħloq terrur meta tadotta stil aggressiv iżżejjed biex tinforza l-​liġi, speċjalment meta tattakka ’l-minoranzi. Waqt li kienet qed tikkummenta fuq skandlu magħruf li seħħ f’Los Angeles, ċertu gazzetta stqarret li dan wera li l-​imġiba ħażina tal-​pulizija kienet laħqet livell ġdid taʼ ksur tal-​liġi u nissel terminu ġdid: il-​pulizija kriminal.

Għalhekk, l-​awtoritajiet kienu qed jistaqsu din il-​mistoqsija, X’jistgħu jagħmlu d-​dipartimenti tal-​pulizija biex itejbu r-​reputazzjoni tagħhom? Bi sforz biex jenfasizzaw l-​irwol tagħhom fis-​servizz pubbliku, ħafna korpi pprovaw jiġbdu iktar l-​attenzjoni lejn l-​aspetti fix-​xogħol tal-​pulizija li huma taʼ ġid għall-​komunità.

Il-​Mira tax-​Xogħol tal-​Pulizija fil-​Komunità

L-​istil tradizzjonali Ġappuniż taʼ kif taħdem il-​pulizija f’distretti individwali qanqal l-​interess taʼ ħafna pajjiżi barranin. Ġeneralment, il-​pulizija Ġappuniża taħdem minn għases żgħar fid-​distrett. Fihom ikun hemm jaħdmu madwar tnax-il uffiċjal li jkunu organizzati b’xiftijiet. Frank Leishman, professur Ingliż tal-​kriminoloġija u li ilu żmien twil jgħix fil-​Ġappun, jgħid: “L-​attività taʼ servizz dħuli li jagħtu l-​uffiċjali tal-​koban [għassa tal-​pulizija żgħira] hi mifruxa u magħrufa tajjeb: jagħtu tagħrif dwar indirizzi taʼ toroq li fil-​Ġappun il-​maġġuranza tagħhom m’għandhomx isem; jisilfu l-​umbrelel li jkunu nstabu u ħadd ma mar għalihom lin-​nies li jinqabdu fix-​xita; jaċċertaw li s-​sararimen [ħaddiema taʼ l-​uffiċċji] fis-​sakra jaqbdu l-​aħħar ferrovija għad-​dar; u jagħtu pariri fuq il-​‘problemi taċ-​ċittadin.’” Il-​fatt li jintużaw pulizija mid-​distrett lokali kien fattur li għamel lill-​Ġappun famuż għas-​sigurtà fit-​toroq tiegħu, reputazzjoni li tqanqal l-​għira f’pajjiżi oħrajn.

Tistaʼ din is-​sistema tkun effettiva f’postijiet oħra? Xi wħud li jistudjaw il-​kriminoloġija qed jaraw li jistgħu jitgħallmu xi ħaġa minnha. L-​avvanzi moderni li saru fil-​komunikazzjoni għandhom it-​tendenza li jbiegħdu lill-​pulizija mill-​istess nies li jaqdu. Illum, f’ħafna bliet, donnu li kulma jagħmlu l-​pulizija hu li jwieġbu għas-​sejħiet t’emerġenza. Xi kultant jidher li l-​enfasi oriġinali fuq il-​prevenzjoni tal-​kriminalità spiċċat. B’reazzjoni għal din it-​tendenza, għal darb’oħra reġgħet saret popolari n-​neighborhood watch.

In-​Neighborhood Watch

“Din vera taħdem; tnaqqas il-​kriminalità,” jgħid Dewi, li huwa kuntistabbli, dwar ix-​xogħol tiegħu f’Wales. “In-​neighborhood watch tfisser li n-​nies tal-​lokal jieħdu ħsieb is-​sigurtà taʼ xulxin. Aħna norganizzaw laqgħat biex il-​ġirien isiru jafu lil xulxin, jagħtu l-​ismijiet u n-​numri tat-​telefon lil xulxin, u jisimgħu dwar kif jistgħu jevitaw il-​kriminalità. Jogħġobni l-​proġett għaliex inissel sens taʼ għaqda mill-​ġdid fil-​ġirien. Taʼ sikwit, in-​nies lanqas biss ikunu jafu min huma l-​ġirien tagħhom. L-​iskema taħdem għaliex tagħmel lin-​nies iżjed konxji.” Din ittejjeb ukoll ir-​relazzjonijiet bejn il-​pulizija u l-​pubbliku.

Inizjattiva oħra li ttieħdet kienet li jinkuraġġixxu l-​pulizija juru iżjed mogħdrija lejn il-​vittmi. Jan van Dijk, studjuż magħruf dwar il-​vittmi, kiteb: “L-​uffiċjali tal-​pulizija jridu jiġu mgħallmin li l-​imġiba tagħhom wara l-​iskrivanija hija importanti għall-​vittmi daqskemm hija importanti l-​imġiba taʼ tabib mal-​pazjenti tiegħu.” F’ħafna postijiet, il-​vjolenza domestika u l-​istupru għadhom m’humiex meqjusin bħala reati taʼ veru mill-​pulizija. Imma Rob Mawby jgħid: “Il-​mod kif il-​pulizija tittratta każijiet taʼ vjolenza domestika u stupru tjieb ferm f’dawn l-​aħħar snin. Minkejja dan, għad hemm lok għal titjib kbir.” L-​abbuż tal-​poter min-​naħa tal-​pulizija huwa qasam ieħor fejn kważi kull korp jistaʼ jagħmel titjib.

Il-​Biżaʼ tal-​Korruzzjoni fil-​Korp tal-​Pulizija

Kultant tidher xi ħaġa inġenwa li wieħed iħossu protett mill-​pulizija, speċjalment meta tismaʼ b’aħbarijiet dwar il-​korruzzjoni tal-​pulizija. Rapporti bħal dawn ilhom jeżistu sa minn mindu twaqqfet il-​pulizija. Filwaqt li jirreferi għas-​sena 1855, il-​ktieb NYPD​—A City and Its Police jiddeskrivi “l-​impressjoni li kellhom ħafna mill-​abitanti taʼ New York li l-​kriminali u l-​pulizija kienu qed isiru diffiċli li tagħrafhom minn xulxin.” Il-​ktieb Faces of Latin America, minn Duncan Green, jirrapporta li l-​maġġuranza tan-​nies jemmnu li l-​korpi tal-​pulizija f’dawn il-​pajjiżi “huma mimlijin korruzzjoni, inkompetenti, u jabbużaw mid-​drittijiet tal-​bniedem.” L-​uffiċjal ewlieni taʼ korp taʼ 14,000 pulizija f’pajjiż taʼ l-​Amerika Latina qal: “X’tistenna meta pulizija jaqlaʼ inqas minn [Lm38] fix-​xahar? X’se jagħmel dan jekk ixaħħmuh?”

Kemm hija problema serja l-​korruzzjoni? It-​tweġiba li tieħu tiddependi lil min tistaqsi. Pulizjott mill-​Amerika taʼ Fuq, li qattaʼ ħafna snin jagħmel ir-​ronda f’belt b’popolazzjoni taʼ 100,000 ruħ, iwieġeb: “Ċertament li ssib persentaġġ taʼ pulizija diżonesti, imma l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​uffiċjali huma sinċieri. Hekk nistaʼ ngħid minn dak li rajt.” Mill-​banda l-​oħra, investigatur kriminali b’26 sena esperjenza f’pajjiż ieħor iwieġeb: “Għalija l-​korruzzjoni ssibha kważi kullimkien. L-​onestà fost il-​pulizija hija rari ħafna. Jekk pulizjott imur ifittex f’dar misruqa u jsib il-​flus, x’aktarx li se jiħodhom hu. Jekk isib xi affarijiet taʼ valur li jkunu nsterqu, iżomm xi ħaġa minnhom għalih.” Għala jsiru korrotti xi wħud mill-​pulizija?

Xi wħud jibdew bi prinċipji għoljin imma mbagħad iċedu għall-​influwenza taʼ sħabhom li jkunu korrotti u għal-​livelli baxxi tad-​dinja kriminali li jkunu mċappsin magħha. Il-​ktieb What Cops Know jikkwota dak li qal ċertu pulizija li jieħu ħsieb ronda f’Chicago. Dan jgħid li fil-​każ taʼ l-​uffiċjali tal-​pulizija, il-​ħażen huwa xi ħaġa li jġarrbuh mill-​esperjenza persunali tagħhom. “Huma mdawrin bil-​ħażen. Huma jmissuh . . . iduquh . . . ixommuh . . . għandhom x’jaqsmu miegħu.” Kuntatt maʼ korruzzjoni bħal din faċli jħalli effett negattiv.

Għalkemm il-​pulizija tipprovdi servizz imprezzabbli, żgur li m’huwiex ideali. Nistgħu nittamaw għal xi ħaġa aħjar?

[Nota taʼ taħt]

a L-uffiċjali tal-​pulizija Ingliżi saru magħrufin bħala bobbies, terminu meħud mill-​isem tal-​fundatur tagħhom, Sir Robert (Bobby) Peel.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 8, 9]

“M’Humiex Meraviljużi l-​Bobbies Ingliżi?”

L-​Ingliżi kienu minn tal-​bidu li setgħu jaffordjaw il-​lussu taʼ korp tal-​pulizija professjonali. Huma riedu li s-​soċjetà tagħhom tkun organizzata tajjeb—bħas-​sistema li kellhom taʼ trasport bil-​kaless u ż-​żwiemel li tant kienet effiċjenti u puntwali. Fl-​1829, is-​Segretarju taʼ l-​Affarijiet Interni, Sir Robert (Bobby) Peel, ipperswada lill-​Parlament biex japprova l-​Pulizija Metropolitana taʼ Londra, bil-​kwartieri ġenerali tiegħu fi Scotland Yard. Għalkemm għall-​ewwel ittieħdu daqsxejn fuq demm id-​dars, minħabba l-​azzjonijiet ebsin li ħadu kontra s-​sokor u l-​logħob taʼ l-​ażżard fit-​toroq, maż-​żmien il-​bobbies kisbu l-​favur tan-​nies.

Fl-​1851, Londra, kellha l-​pjaċir li tistieden lid-​dinja biex tiġi tammira l-​kisbiet taʼ l-​industrija Britannika fil-​Great Exhibition (l-ewwel fiera kummerċjali u industrijali fid-​dinja). Il-​mistidnin baqgħu mgħaġġbin bl-​ordni fit-​toroq u bin-​nuqqas taʼ sakranazzi, prostituti, u vagabondi. Pulizija effiċjenti kienu qed jidderieġu lill-​folla, jgħinu l-​viżitaturi jġorru l-​bagalji tagħhom, jgħinu lin-​nies jaqsmu t-​triq, u saħansitra jġorru n-​nisa anzjani sa xi taxi. Mhux taʼ b’xejn li l-​Ingliżi kif ukoll il-​viżitaturi barranin instemgħu jgħidu, “M’humiex meraviljużi l-​bobbies Ingliżi?”

Tant dehru effettivi fit-​trażżin tal-​kriminalità, li fl-​1873, il-​kuntistabbli ewlieni taʼ Chester immaġina żmien meta l-​kriminalità professjonali tkun eliminata kważi għalkollox! Il-​pulizija bdew ukoll jorganizzaw servizz t’ambulanzi u tat-​tifi tan-​nar. Huma ħejjew ukoll attivitajiet karitatevoli biex jipprovdu żraben u ħwejjeġ għall-​fqar, u organizzaw klabbs għas-​subien, ħarġiet, u djar tal-​villeġġjatura.

M’għandniex xi ngħidu, il-​korp il-​ġdid kellu wkoll il-​problemi tiegħu fejn kien jidħol l-​iddixxiplinar taʼ pulizija mdaħħlin f’każi taʼ korruzzjoni u kefrija. Imma l-​biċċa l-​kbira tal-​pulizija kienu kburin li jżommu l-​ordni bl-​inqas użu taʼ forza. Fl-​1853, il-​pulizija f’Wigan, Lancashire, kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ rvell imqajjem mill-​ħaddiema taʼ minjiera li kienu fuq strajk. Is-​surġent qalbieni, li kellu biss għaxart irġiel miegħu, irrifjuta li juża l-​armi tan-​nar taʼ sid il-​minjiera. L-​attitudni li żviluppat tintwera ċar f’ittra li rċieva Hector Macleod fl-​1886, meta dan sar pulizija bħal missieru. Skond kif inhi kwotata f’The English Police, din kienet tgħid: “Jekk tkun aħrax titlef is-​simpatija tal-​pubbliku . . . Jien inpoġġi l-​pubbliku l-​ewwel għax int qaddej tan-​nies tal-​komunità, li fil-​preżent qed taqdi f’nofshom, u huwa d-​dmir tiegħek li togħġob lilhom kif ukoll lil dawk taʼ fuqek.”

Hayden, li qabel irtira kien spettur tal-​Pulizija Metropolitana, jgħid: “Konna mgħallmin biex naġixxu dejjem b’rażna għaliex ix-​xogħol tal-​pulizija jeħtieġ l-​appoġġ tal-​komunità biex ikollu suċċess. Il-​lembubi żgħar li kellna taʼ l-​injam kienu l-​aħħar ħaġa li konna nużaw. Fil-​fatt, il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​uffiċjali lanqas biss kienu jużawhom matul il-​karriera kollha tagħhom.” Xi ħaġa oħra li kompliet iżżid mar-​reputazzjoni pożittiva tal-​bobbies kienet serje televiżiva, Dixon of Dock Green, dwar kuntistabbli onest li kien jaf lil kull persuna fir-​ronda tiegħu. Din is-​serje damet sejra 21 sena u x’aktarx ħeġġet lill-​pulizija biex jgħixu fi qbil maʼ dik ir-​reputazzjoni. Li għamlet żgur din is-​serje kien li kompliet tkabbar l-​ammirazzjoni li l-​Ingliżi kellhom lejn il-​pulizija.

L-​attitudni fl-​Ingilterra nbidlet fis-​snin 60 tas-​seklu li għadda, u minflok it-​tradizzjoni taʼ kburija nazzjonali daħlet id-​drawwa li l-​awtorità tiġi dubitata. Fis-​snin 70, rapporti dwar il-​korruzzjoni u r-​razziżmu fil-​gradi tal-​pulizija tebbgħu r-​reputazzjoni tagħhom, minkejja l-​isforzi li saru biex jinkiseb l-​appoġġ tal-​pubbliku permezz taʼ l-​iskemi tan-​neighborhood watch. Iktar reċenti, wara diversi akkużi taʼ razziżmu u ffalsifikar taʼ evidenzi biex xi nies jeħlu l-​ħabs, il-​pulizija kompliet tagħmel sforz ġenwin biex titjieb.

[Sors]

Ritratt fuq: http://www.constabulary.com

[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]

Miraklu fi New York?

Meta l-​pulizija jagħmlu sforz speċjali, ir-​riżultat jistaʼ jkun rimarkevoli. New York ilha żmien twil meqjusa bħala waħda mill-​iktar bliet perikolużi fid-​dinja, u sa tmiem it-​tmeninijiet, kien donnu li l-​korp tal-​pulizija kien qataʼ qalbu u ma setax jikkontrolla l-​kriminalità. Il-​problemi ekonomiċi ġagħlu l-​gvern tal-​belt jiffriża l-​pagi u jnaqqas il-​membri fil-​korp. It-​traffikanti tad-​droga komplew jespandu l-​attività tagħhom u dan ġab miegħu mewġa enormi taʼ vjolenza. Ir-​residenti fiċ-​ċentru tal-​belt taʼ sikwit kienu jmorru jorqdu fost il-​ħsejjes taʼ l-​isparar. Fl-​1991 qamu ħafna rvellijiet razzjali kbar, u l-​pulizija nfushom organizzaw protesta storbjuża biex jesprimu l-​ilmenti tagħhom.

Madankollu, kap ġdid tal-​pulizija ħa interess f’li jqanqal lill-​uffiċjali tiegħu, billi jiltaqaʼ magħhom regolarment biex janalizza l-​istrateġija għal kull diviżjoni individwali. James Lardner u Thomas Reppetto fil-​ktieb tagħhom NYPD jispjegaw: “Il-​kap taʼ l-​investigaturi jew il-​kap tad-​Dipartiment tan-​Narkotiċi kienu nies li l-​kmandanti tad-​diviżjonijiet kienu jaqraw dwarhom fil-​gazzetta imma bilkemm ikunu ltaqgħu magħhom. Issa kienu qed jinġabru lkoll flimkien mal-​mejda u jdumu jitkellmu għal sigħat sħaħ.” L-​għadd taʼ atti kriminali beda jonqos. In-​numru taʼ każijiet taʼ qtil ġie rapportat li bil-​mod il-​mod beda nieżel, minn kważi 2,000 fl-​1993 għal 633 fl-​1998—l-​iżgħar figura f’35 sena. L-​abitanti taʼ New York bdew iqisu dan kważi miraklu. L-​għadd taʼ reati li ġew rapportati f’dawn it-​tmien snin li għaddew niżel b’64 fil-​mija.

Kif inkiseb dan it-​titjib? Il-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Jannar, 2002, taʼ The New York Times, issuġġeriet li fattur deċiżiv għal dan is-​suċċess kien il-​Compstat, sistema li titraċċa l-​kriminalità billi kull ġimgħa tifli l-​istatistiċi taʼ kull diviżjoni biex tara mill-​ewwel x’inhuma l-​problemi li jinqalgħu u taġixxi fil-​pront. Bernard Kerik, li qabel kien kummissarju tal-​pulizija, stqarr: “Konna ninnotaw fejn kienu qed iseħħu r-​reati, għala kienu qed isiru u mbagħad konna nqassmu t-​truppi [il-pulizija] u r-​riżorsi biex inkunu ċerti li dawk in-​naħat kienu qed jingħataw iktar attenzjoni. B’dan il-​mod tnaqqasha l-​kriminalità.”

[Stampa f’paġna 7]

Għassa tal-​pulizija tipika fil-​Ġappun

[Stampa f’paġna 7]

Pulizija tat-​traffiku f’Ħong Kong

[Stampa f’paġna 8, 9]

Jikkontrollaw il-​folla f’logħba futbol fl-​Ingilterra

[Stampa f’paġna 9]

Id-​dmirijiet tal-​pulizija jinkludu li jgħinu l-​vittmi f’xi inċident

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja