Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Nistaʼ Nagħmel biex Inkun Iktar Attraenti?
“Ma kontx inħossni kalm jew komdu biex inkompli konversazzjoni mat-tfajliet. Ma kelli l-ebda idea taʼ x’kienu qed jaħsbu, kif kienu jħossuhom, jew x’kienet il-ħarsa tagħhom lejn l-affarijiet.”—Tyler.
IT-TFAJLIET liema kwalitajiet jogħġbuhom l-iktar fil-ġuvintur? “Li jkunu kunfidenti,” tgħid waħda adolexxenti jisimha Emily. Għal adolexxenti oħra jisimha Robyn, l-iktar kwalità importanti hi li wieħed ikun ċajtier. U l-ġuvintur xi jfittxu l-iktar fit-tfajliet? Kif tistaʼ timmaġina, stħarriġ wieħed wera li d-dehra sabiħa kienet fil-quċċata tal-lista tagħhom. Il-fatt li jkollhom interessi u valuri simili għal tagħhom kien imniżżel fis-sitt post.
Artikli u studji li jitkellmu dwar ir-relazzjonijiet bejn ġuvni u tfajla taʼ spiss jistgħu jinstabu f’rivisti mfasslin għaż-żgħażagħ. B’mod ċar, ħafna żgħażagħ jaħsbu ħafna dwar—jew forsi jinkwetaw ukoll dwar—il-mod kif iħares lejhom is-sess oppost. Forsi xi drabi anki int stess tinkwieta dwar dan. Ma jfissirx li lest biex tiżżewweġ dalwaqt. Il-fatt hu li ħadd ma jrid ikun meqjus ikrah jew ma jintgħoġobx! Tyler josserva: “Meta tkun adolexxent, tkun tixtieq li kulħadd jarak attraenti. Tixtieq tkun aċċettat minn sħabek, subien u bniet.” Ukoll, forsi tħoss li għad jiġi ż-żmien meta tkun tixtieq issib lil xi ħadd xieraq lil min tiżżewweġ. Meta jasal dak iż-żmien, naturalment se tkun trid li dik il-persuna tarak attraenti.
Madankollu, bħala żagħżugħ Kristjan, forsi ma kellekx ħafna esperjenza kif tittratta mas-sess oppost. Flimkien maʼ dan, hemm il-pressjoni li għandek mnejn tħoss minn dawk taʼ mparek biex tkun attraenti fiżikament. B’dawk il-mudelli sbieħ u atturi muskolati kollha li jidhru fuq it-TV u r-rivisti, mhux taʼ b’xejn li tistaʼ tħossok li m’intix kunfidenti fik innifsek u li ma tistax tilħaq il-livell mistenni! Allura, x’hemm bżonn biex togħġob lil oħrajn—inkluż dawk tas-sess oppost—b’mod bilanċjat, f’loku, u pożittiv?
Il-Bluha li Tittama li Jkollok il-Ġisem “Perfett”
Il-psikologu kliniku William S. Pollack josserva li taħt l-influwenza taʼ l-industrija tad-divertiment, ħafna żgħażagħ “qed iqattgħu ħafna ħin jagħmlu d-dieta, jerfgħu l-piżijiet, u jagħmlu eżerċizzju erobiku, dan kollu bl-isforz biex jibdlu d-daqs u l-figura taʼ ġisimhom.” Xi wħud saħansitra qed imorru f’estremi perikolużi, bħal li kważi jħallu lilhom infushom imutu bil-ġuħ, sabiex ikollhom dak il-ġisem “perfett.” Madankollu, iċ-Ċentru tar-Riċerka dwar Kwistjonijiet Soċjali jgħid: “Il-livell taʼ sbuħija li l-mezzi tax-xandir bħalissa jqisuh bħala ideali għan-nisa, jistaʼ jintlaħaq biss minn inqas minn 5% tal-popolazzjoni tan-nisa—u dan biss fejn jidħlu l-piż u d-daqs. Jekk trid il-figura, il-wiċċ eċċ. ideali, huwa iktar probabbli li jintlaħaq minn 1%.”
B’hekk, il-parir tal-Bibbja f’Rumani 12:2 huwa prattiku: “Tħallux lid-dinja taʼ madwarkom trosskom fil-forma tagħha.” (Phillips) Iżda dan ma jfissirx li m’għandekx tagħti kas tad-dehra tiegħek. Bla dubju, jagħmel sens li tieħu ħsieb taʼ ġismek permezz taʼ eżerċizzju moderat u dieta bilanċjata. (Rumani 12:1; 1 Timotju 4:8) Mistrieħ u rqad biżżejjed ukoll jistgħu jgħinuk tidher u tħossok tajjeb ħafna. Fl-istess ħin, oqgħod attent għall-indafa u l-apparenza persunali tiegħek. Żagħżugħ mill-Britannja jismu David josserva: “Hemm tfajla li hi ħelwa, imma l-problema tagħha hi r-riħa tinten. In-nies jevitawha minħabba dan.” Għalhekk inħasel taʼ spiss. Idejn, xagħar, u dwiefer nodfa jistgħu jsebbħu d-dehra tiegħek.
Għalkemm il-Bibbja tiskuraġġixxi l-enfasi żejda fuq l-ilbies, din tagħti parir lill-Kristjani biex “jiżżejjnu bi lbies xieraq, bil-modestja u bl-għaqal.” (1 Timotju 2:9) Ilbes ħwejjeġ li jsebbħu d-dehra tiegħek iżda li m’humiex stravaganti jew immodesti.a Jekk toqgħod attent b’mod raġunevoli għad-dehra tiegħek tistaʼ żżid il-kunfidenza fik innifsek. Żagħżugħ jismu Paul jgħid hekk dwar dan: “Għandek mnejn m’intix wieħed mill-iktar persuni sbieħ, imma tistaʼ ssebbaħ dak li għandek.”
Kwalitajiet Ġewwinija
Filwaqt li wiċċ u ġisem sabiħ jistgħu jiġbdu l-attenzjoni, fl-aħħar mill-aħħar “is-sbuħija hi bħal bużżieqa.” (Proverbji 31:30, Byington) Dehra sabiħa ġeneralment tkun għomorha qasir, u żgur li ma tistax tieħu post kwalitajiet sbieħ fil-personalità. (Proverbji 11:22) Ftakar, ukoll, li ‘l-bniedem jara biss dak li jidher fl-għajn, imma l-Mulej jara l-qalb.’ (1 Samwel 16:7) Għalhekk, minflok ma tiffoka l-attenzjoni kollha tiegħek fuq qaddek jew il-muskoli, aħdem fuq is-sbuħija “moħbija f’[qalbek], mlibbsa b’tiżjin li ma jitħassarx; [li] hi l-qalb ħelwa u twajba [tiegħek]; dan hu li Alla jgħożż ħafna.” (1 Pietru 3:3, 4; Efesin 4:24) Veru, fid-dinja taʼ llum ħafna żgħażagħ għandhom mnejn ftit li xejn ikollhom rispett lejn karatteristiċi taʼ min jammirahom fil-personalità—bil-wisq inqas lejn kwalitajiet spiritwali.b Imma dawk li għandhom valuri li jogħġbu lil Alla tassew japprezzawhom u jarawhom sbieħ!
Mela, l-aħjar mod kif tidher attraenti għall-irġiel u n-nisa Kristjani spiritwali hu li tkun spiritwali int stess. Ikkultiva l-ispiritwalità tiegħek permezz tat-talb, l-istudju persunali tal-Bibbja, u l-attendenza għal-laqgħat Kristjani. (Salm 1:1-3) Minkejja dan, hemm iktar abbiltajiet u karatteristiċi utli li tistaʼ tiżviluppa. M’għandekx għalfejn toħroġ maʼ xi ħadd jew tkun f’relazzjoni romantika biex tikkultiva dawn il-karatteristiċi. Minflok, tistaʼ tipprattikahom bil-mod kif taġixxi m’oħrajn fil-ħajja taʼ kuljum.
Per eżempju, tħossok imferfex u mistħi meta tkun mas-sess oppost? Żagħżugħ jismu Paul jammetti: “Kultant inħossni skomdu—minħabba li huma bniet, u jien lill-bniet ma nifhimhomx daqskemm nifhem lis-subien. U ma rridx nimbarazza ruħi.” Kif tistaʼ tiżviluppa kunfidenza fik innifsek u żżomm ruħek kontrollat sabiex ħaddieħor iħossu komdu fil-kumpanija tiegħek? Mod wieħed hu li tieħu vantaġġ mill-assoċjazzjoni vasta ħafna li tistaʼ ssib fil-kongregazzjoni Kristjana. Fil-laqgħat ħu interess persunali f’oħrajn—mhux biss żgħażagħ tas-sess oppost taʼ l-età tiegħek imma wkoll tfal, adulti, u dawk imdaħħlin fiż-żmien. (Filippin 2:4) Jekk titgħallem taġixxi tajjeb maʼ din il-varjetà taʼ nies se tkun tistaʼ tiżviluppa l-kunfidenza fik innifsek.
Iżda, oqgħod attent. Tabilħaqq, Ġesù qal: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Mattew 19:19; korsiv tagħna.) Jekk tħossok pożittiv dwarek innifsek, x’aktarx li se tkun inqas goff u mferfex meta tkun m’oħrajn.c Madankollu, filwaqt li huwa neċessarju li jkollok ċertu ammont taʼ rispett lejk innifsek, tmurx fl-estrem. “Jiena ngħidilkom ilkoll,” qal l-appostlu Pawlu, “tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun!”—Rumani 12:3.
Barra minn hekk, eżamina b’sinċerità l-manjieri tiegħek u kemm taf tinġieb m’oħrajn. Tfajla mill-Britannja jisimha Lydia tosserva: “Hemm tifel fl-iskola tiegħi li huwa popolari maʼ ħafna mit-tfajliet. Imma wara li jsiru jafuh, ma jibqax jogħġobhom għax huwa maledukat u bla tattika.” In-nies jinġibdu lejn xi ħadd li jitkellem bil-ħlewwa u bit-tattika, u li juri konsiderazzjoni lejn oħrajn. (Efesin 4:29, 32; 5:3, 4) “Manjieri [tajbin] huma bħal passaport, billi jagħtu ħelsien u aċċess lin-nies,” josserva t-Tabib T. Berry Brazelton. Il-manjieri “huma essenzjali biex tiġi aċċettat minn oħrajn.”
Użanzi u regoli taʼ l-etikett ivarjaw madwar id-dinja. Għalhekk, forsi tkun trid tosserva kif irġiel u nisa Kristjani maturi jittrattaw lil xulxin. Per eżempju, f’pajjiżek hija d-drawwa li raġel iżomm il-bieb miftuħ għal mara? Allura, li titgħallem turi din il-korteżija se jtejjeb ir-reputazzjoni tiegħek bħala persuna li taf iżżomm ruħek kontrollat u li għandek manjieri tajbin.
Fl-aħħarnett, tistaʼ ssibha t’għajnuna li tikkultiva sens bilanċjat t’umoriżmu. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tidħak,” u bniedem b’sens t’umoriżmu taʼ spiss jagħmel ħbieb malajr.—Koħèlet 3:1, 4.
Id-Differenza bejn li Tkun Dħuli u li Titkessaħ
Ċertu rivista li sejħet lilha nfisha bħala “gwida għas-suċċess meta toħroġ maʼ xi ħadd” tat il-parir li s-sigriet biex tiġbed lis-sess oppost hu li titkessaħ miegħu. Lill-qarrejja qaltilhom biex joqogħdu jipprattikaw kif jitbissmu u jagħmlu kuntatt bl-għajnejn u kif jipperfezzjonaw ‘il-kummenti tal-ftuħ.’ Pariri bħal dawn imorru kontra l-ispirtu tal-parir li Pawlu ta lil Timotju biex jittratta lil membri tas-sess oppost “bis-safa kollu.”—1 Timotju 5:2.
Għalkemm wieħed jistaʼ jħossu importanti meta jitkessaħ maʼ xi ħadd tas-sess oppost, din ma tkunx imġiba sinċiera u onesta. M’għandekx għalfejn tagħti attenzjoni mhux f’lokha jew tilgħabha tal-mistħi biex tkompli konversazzjoni interessanti. Jew m’għandekx għalfejn tistaqsi mistoqsijiet imbarazzanti jew mhux xierqa biex issir taf kif iħossu u jaħseb is-sess oppost. Tkellem biss fuq affarijiet li huma ‘ġusti, safja, u jiġbdu l-imħabba,’ u b’hekk turi li tassew qed tiżviluppa f’raġel jew mara matura, u spiritwali. (Filippin 4:8) L-ubbidjenza tiegħek lejn il-prinċipji divini se tagħmlek attraenti mhux biss għas-sess oppost imma wkoll għal Alla nnifsu.d—Proverbji 1:7-9.
[Noti taʼ taħt]
a Ara “Young People Ask . . . What’s the Secret of Choosing the Right Clothes?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Inhu s-Sigriet taʼ li Tagħżel il-Ħwejjeġ Xierqa?) li deher fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 t’Ottubru, 1989; u kapitlu 11 fil-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
b Skond riċerkatriċi waħda, l-istudji jindikaw li żgħażagħ intelliġenti taʼ spiss jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt għall-abbiltajiet tagħhom. Ir-reazzjoni taʼ xi żgħażagħ tkun li jċekknu l-intelliġenza tagħhom.
c Kapitlu 12 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom fih għadd taʼ suġġerimenti prattiċi dwar kif tistaʼ tibni r-rispett lejk innifsek.
d Jekk għadek żgħir wisq biex tiżżewweġ, huwa għaqli li tgawdi l-kumpanija tas-sess oppost fi gruppi mħalltin. Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Xi Ngħidu Jekk il-Ġenituri Tiegħi Jaħsbu li M’Għandix l-Età biex Noħroġ mas-Sess Oppost?” li deher fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2001.
[Stampi f’paġna 15]
Minflok ma tiffoka fuq id-dehra tiegħek, aħdem fuq li tiżviluppa kwalitajiet spiritwali
[Stampi f’paġna 15]
Tgħallem kun komdu maʼ varjetà kbira taʼ nies