Mingħand il-Qarrejja
Kuraġġ Waqt Diżastru Grazzi għas-serje t’artikli “Kuraġġ fi Żmien taʼ Diżastru—Dak in-Nhar li Ġġarrfu t-Twin Towers.” (8 taʼ Jannar, 2002) Dawn l-artikli qanqluni profondament, u ġagħluni nirrealizza kemm iż-żmien u ċ-ċirkustanzi mhux mistennijin jistgħu jeffettwaw lil kwalunkwe wieħed u waħda minna. Nitnikket meta naħseb dwar il-ħafna ħajjiet li ntilfu.
S.B.R., Danimarka
Grazzi talli ppubblikajtu “It-Talba taʼ Tatiana.” Kont diġà qed nibki meta bdejt naqra s-serje t’artikli, imma x’ħin qrajt din il-kaxxa, bdejt nolfoq. Irrid nitlob għat-tfal li tilfu xi ġenitur fl-attakki terroristiċi biex jikbru spiritwalment ħalli jerġgħu jiltaqgħu mal-ġenitur tagħhom fid-dinja l-ġdida. Ukoll, permezz taʼ dan l-artiklu, stajt inkabbar l-apprezzament tiegħi li, bħala Xhud taʼ Jehovah, għandi tama sabiħa għall-futur.
T. A., Ġappun
Għalkemm noqgħod il-Ġermanja, il-ġrajjiet tal-11 taʼ Settembru xxokkjaw lili u lill-familja tiegħi. Tliet xhur wara, it-tifla tiegħi, li għandha disaʼ snin, kienet għadha tpinġi stampi t’ajruplan dieħel ġo bini għoli ħafna. Aħna qed inħarsu ’l quddiem lejn il-ġurnata meta traġedji bħal dawn ikunu xi ħaġa tal-passat.
E. G., Ġermanja
Meta rajt dak li ġara fi New York, tlabt lil Jehovah biex jagħti s-saħħa lil dawk li salvaw u tama lill-familji tal-vittmi. X’ħin qrajt dawn l-artikli, rajt kif it-talb tiegħi u dak taʼ ħafna oħrajn ġie mismugħ. Il-fatt li naf li tistaʼ tolqotni xi traġedja fi kwalunkwe ħin ġagħalni neżamina ħajti mill-ġdid.
M. V., Italja
Ħadna verament pjaċir naqraw il-ħsibijiet taʼ dawk li personalment esperjenzaw dak li ġara. Il-kummenti taʼ dawk li salvaw qabbżulna d-dmugħ. Aħna nitolbu lil Jehovah biex jgħin lil dawk milquta u nitolbu li permezz taʼ Stenbaħ! isibu l-faraġ. Minħabba li għadna żgħar, aħna ġejna inkuraġġiti bil-mistoqsijiet li jġagħluna naħsbu fuq il-mod kif qed ngħixu ħajjitna u fuq il-prijoritajiet tagħna. Ix-xewqa tagħna hi li qatt ma tieqfu tippubblikaw din ir-rivista.
T. M. u A. P., Slovenja
Jien studenta t’14-il sena u qiegħda fit-tielet sena taʼ l-iskola sekondarja. Meta qrajt din is-serje, fhimt il-biżaʼ assoċjat maʼ l-inċident. Rajt kif uħud taw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor. Mill-aħbarijiet li smajt sirt naf li ħafna pompiera kienu tilfu ħajjithom, imma qatt ma ħassejtha daqshekk persunali qabel. Bkejt meta qrajt il-kaxxa “It-Talba taʼ Tatiana.” Fl-ewwel sena tiegħi fl-iskola sekondarja, jien ukoll tlift lil missieri, minħabba li kien marid. Din il-kaxxa ġagħlitni naħseb, ‘Hija d-dinja l-ġdida reali għalija bħalma hi għal Tatiana?’ Irrid nagħti din ir-rivista lill-għalliema taʼ l-iskola tiegħi u lil ħafna minn sħabi. Jekk jogħġobkom komplu stampaw dawn ir-rivisti taʼ l-għaġeb!
H. T., Ġappun
Dehra Ġdida Huwa taʼ pjaċir li nara kemm tjiebet l-apparenza taʼ Stenbaħ! minn mindu bdejt naqra din ir-rivista għall-ewwel darba fl-1978. Meta eżaminajt il-ħarġa tat-8 taʼ Jannar, 2002, il-paġni veru laqtuni. It-titli taʼ l-artikli jispikkaw, u t-tixbihat huma taʼ l-għaġeb. Il-mod kif inhu mqassam jagħmel il-qari saħansitra iktar pjaċevoli. Jien ċert li din id-dehra ġdida se tiġbed lil ħafna uħud sinċieri oħrajn lejn Jehovah.
V.P.L., Brażil