LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 2/8 pp. 18-24
  • Il-Persekuzzjoni Reliġjuża fil-Ġeorġja—Kemm Se Ddum?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Persekuzzjoni Reliġjuża fil-Ġeorġja—Kemm Se Ddum?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minn Denunzji għal Attakki
  • L-​Attakk tal-​Marmalja Jitħalla Mingħajr Kastig
  • Inkuraġġiti biex Ikomplu
  • Deċiżjoni tal-​Qorti Suprema Toħloq Konfużjoni
  • Eluf taʼ Ġeorġjani Jiħduha Kontra l-​Persekuzzjoni
  • “Se Jittieħdu Passi . . . għal Kull Moħqrija li Ssir”
  • Żewġ “Mirakli” f’Konvenzjoni fil-Ġeorġja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2002
  • Rebħa fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Jipproteġu Legalment l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 2/8 pp. 18-24

Il-​Persekuzzjoni Reliġjuża fil-​Ġeorġja—Kemm Se Ddum?

MILL-​KOSTA KEMXEJN SĦUNA u bi klima tassew pjaċevoli tal-​Baħar l-​Iswed sal-​Muntanji Kawkasu miksijin silġ, il-​Ġeorġja hija art taʼ ġmiel naturali. Foresti mimlijin u ffollati bis-​siġar, ilmijiet tax-​xmajjar għaddejjin bil-​ħeffa u widien li jsaħħruk bi ġmielhom isebbħu dan il-​post muntanjuż li jmiss mat-​truf taʼ l-​Ewropa u l-​Asja. Tbilisi, il-​belt kapitali tal-​Ġeorġja, hija belt mimlija attività fejn bini modern jitħallat maʼ monumenti antiki taʼ l-​arkitettura. Imma l-​akbar vantaġġ li tippossiedi l-​Ġeorġja huwa n-​nies tagħha li huma magħrufin għar-​rabta qawwija fil-​familji u għall-​ospitalità kordjali tagħhom.

Matul iż-​żminijiet in-​nies tal-​Ġeorġja esperjenzaw il-​moħqrija. Pajjiżhom ġie invadut mir-​Rumani, il-​Persjani, il-​Biżantini, l-​Għarab, it-​Torok, il-​Mongoli, ir-​Russi, u minn oħrajn. Bejn wieħed u ieħor, Tbilisi ġiet meqruda 29 darba!a Minkejja dan kollu, il-​Ġeorġjani mhux biss żammew l-​imħabba tagħhom għall-​ħajja, l-​arti, l-​għana, u ż-​żfin imma wkoll ir-​reputazzjoni li għandhom bħala soċjetà tolleranti.

B’sogħba, però, ma nistgħux nibqgħu ngħidu dan fuq in-​nies kollha tal-​Ġeorġja. Matul dawn l-​aħħar sentejn, grupp żgħir taʼ Ġeorġjani tebbgħu r-​reputazzjoni taʼ pajjiżhom billi attakkaw lil mijiet taʼ ċittadini sħabhom. Marmalja taʼ nies irrabjati attakkaw u sawtu lil irġiel, nisa, u tfal innoċenti kif ukoll lil nies anzjani u nies b’diżabilità. Dawn l-​aggressuri, b’daqqiet taʼ bsaten mimlijin imsiemer u b’vireg tal-​ħadid, benġlu lill-​vittmi tagħhom, sfigurawlhom wiċċhom, u qasmulhom rashom. Għalfejn qed jiġu msawtin b’mod daqshekk brutali dawn iċ-​ċittadini paċifiċi tal-​Ġeorġja? Għaliex huma Xhieda taʼ Jehovah—komunità Kristjana li ilha fil-​Ġeorġja saħansitra qabel ma ħafna mill-​aggressuri kienu biss twieldu.

Minn Denunzji għal Attakki

Għalkemm il-​libertà reliġjuża hija garantita fil-​Ġeorġja, il-​letteratura tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġiet konfiskata kemm-il darba. F’April taʼ l-​1999, uffiċjali tad-​dwana stqarrew li l-​letteratura tistaʼ tinħareġ biss bil-​permess tal-​patrijarka, il-​kap tal-​Knisja Ortodossa Ġeorġjana. Ix-​xahar taʼ wara, il-​Knisja Ortodossa reġgħet issemmiet—din id-​darba fil-​Qorti tad-​Distrett taʼ Isani-Samgori fil-​Ġeorġja. Hemmhekk, Guram Sharadze, deputat parlamentari u mexxej tal-​partit politiku “Il-​Ġeorġja l-​Ewwel u Qabel Kollox!,” fetaħ żewġ kawżi biex jipprova jxolji l-​entitajiet legali użati mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu akkuża lix-​Xhieda li kienu kontra l-​pajjiż u perikolużi. Min kien qed jissapportja l-​akkuża taʼ Sharadze? Mehmuża mal-​kawża kien hemm ittra mis-​segretarju tal-​Primat Kattoliku tal-​Ġeorġja Kollha.

Fl-20 taʼ Mejju, 1999, il-​Ġeorġja adottat il-​Konvenzjoni Ewropea għall-​Protezzjoni tad-​Drittijiet tal-​Bniedem u l-​Libertajiet Fundamentali, u b’hekk intrabtet biex iżżomm maʼ l-​artikli tal-​konvenzjoni. Artiklu 10 jgħid: “Kulħadd għandu d-​dritt għal-​libertà taʼ l-​espressjoni. Dan id-​dritt jinkludi l-​libertà li jkollok opinjoni u li tirċievi u tagħti informazzjoni u ideat mingħajr ebda ndħil mill-​awtorità pubblika, minkejja l-​fruntieri bejn il-​pajjiżi.” Irnexxielu dan id-​dritt iwaqqaf lil dawn l-​opponenti tax-​Xhieda milli jibqgħu għaddejjin bl-​isforzi tagħhom biex jipprojbixxu l-​letteratura reliġjuża? Żgur li le!

Fil-21 taʼ Ġunju, 1999, l-​Uffiċċju tal-​Patrijarka tal-​Ġeorġja Kollha, f’ittra li bagħat lill-​kap taʼ l-​ispezzjoni tad-​dwana, saħaq li “t-​tqassim taʼ letteratura taʼ reliġjonijiet barranin għandu jiġi projbit.” Barra minn hekk, Giorgi Andriadze, kelliemi uffiċjali tal-​Knisja Ortodossa Ġeorġjana, iddikjara li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma perikolużi u jridu jitwaqqfu. Dawn id-​denunzji ma waqgħux fuq widnejn torox. Fanatiċi reliġjużi, li fil-​passat kienu ħarqu l-​letteratura tax-​Xhieda taʼ Jehovah, issa bdew jaħsbu li jistgħu jaħbtu għax-​Xhieda u jeħilsuha ħafif ħafif. Il-​Ħadd, 17 t’Ottubru, 1999, reġgħu attakkaw.

L-​Attakk tal-​Marmalja Jitħalla Mingħajr Kastig

Dak il-​Ħadd, xi 120 Xhud taʼ Jehovah ġo Tbilisi—rġiel, nisa, u tfal—attendew għal laqgħa reliġjuża. F’daqqa waħda, Vasili Mkalavishvili, li qabel ma ġie mneħħi mill-​kariga tiegħu kien qassis Ortodoss, flimkien maʼ 200 mis-​segwaċi tiegħu, qabdu u daħlu fil-​post fejn kienet qed issir il-​laqgħa.b Huma dawru lix-​Xhieda u bdew isawtuhom darba wara l-​oħra bil-​bsaten taʼ l-​injam u slaleb tal-​ħadid li kellhom f’idejhom. Erbgħa minn dawn l-​aggressuri qabdu lil wieħed mix-​Xhieda minn dirgħajh u minn għonqu. Bil-​guffaġni kollha żammewlu rasu ’l isfel u bdew iqaxxrulu xagħru waqt li l-​marmalja qagħdet titgħaxxaq bl-​umiljazzjoni tiegħu. Meta l-​marmalja inkorlata ħalliet il-​post, 16-il Xhud kellhom bżonn kura medika l-​isptar. Wieħed raġel kellu tliet kustilji miksurin. Xhud oħra, oħt taʼ 40 sena li jisimha Phati, iktar tard qalet: “Bdew jgħajtu miegħi, u wieħed minnhom fajjarli daqqa b’saħħtu kollha. Beda jagħtini ġo wiċċi u fuq għajnejja. Jien ipprovajt ngħatti wiċċi b’idejja u d-​demm beda nieżel maʼ subgħajja.” Meta dan ir-​raġel kiefer spiċċa minn maʼ Phati, hi ma setgħetx tara b’għajnha x-​xellugija. Illum, għajn Phati baqgħet difettuża b’riżultat taʼ dan.

Dan l-​attakk sfrenat, muri fuq it-​televixin, qanqal lill-​President Eduard Shevardnadze biex jitkellem. L-​għada qal: “Nikkundanna dan l-​avveniment u nemmen li dawk li huma inkarigati biex iżommu l-​ordni jridu jiftħu każ kriminali kontra l-​aggressuri.” Peress li l-​kap tal-​marmalja u l-​kumplament ġew identifikati permezz taʼ vidjo, kellu jkun faċli ħafna biex dawn jiġu mixlijin. Madankollu, diġà għaddew sentejn, u ħadd minn dawn l-​aggressuri ma ġie arrestat.

Inkuraġġiti biex Ikomplu

Ladarba ma ttieħdet l-​ebda azzjoni mill-​awtoritajiet—kemm sekulari u kemm mill-​kleru—m’hijiex ħaġa taʼ l-​iskantament li dawn l-​aggressuri bdew jaħsbu li l-​vjolenza tistaʼ titħalla għaddejja. La bdew jinħelsu mill-​kastig li kien jistħoqqilhom, dawn ġew inkuraġġiti biex iżidu fil-​furja li kell-hom biex jisirqu, isawtu u jagħtu bis-​sieq lix-​Xhieda taʼ Jehovah—fid-​djar privati, fit-​toroq, u f’postijiet għall-​qima. Bejn Ottubru taʼ l-​1999 u Awissu taʼ l-​2001, ġew dokumentati iktar minn 80 attakk fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah li effettwaw lil iktar minn 1,000 vittma. Minkejja dan, fid-​9 taʼ Frar, 2001, prosekutur fil-​belt taʼ Tbilisi qal lir-​riporters li l-​investigazzjoni fuq Vasili Mkalavishvili “għadha ma spiċċatx.” B’sogħba, sakemm qed jinkiteb dan kollu, l-​awtoritajiet tal-​Ġeorġja xorta għadhom qed iħallu lil dawn l-​opponenti tax-​Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu għaddejjin b’dawn l-​attakki kriminali mimlijin mibegħda.—Ara l-​kaxxa “L-​Attakki tal-​Marmalja Jibqgħu Sejrin.”

X’qegħdin jagħmlu l-​pulizija? Rapporti mill-​aħbarijiet flimkien maʼ filmati fuq vidjos juru li l-​pulizija mhux biss ippermettew dawn l-​attakki kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah imma saħansitra ħadu sehem fihom huma stess! Per eżempju darba minnhom, fit-​8 taʼ Settembru, 2000, ġol-​belt taʼ Zugdidi, grupp taʼ uffiċjali tal-​pulizija armati bil-​lembubi waqqfu konvenzjoni paċifika tax-​Xhieda taʼ Jehovah fejn kien hemm 700 ruħ miġbura flimkien. Nies li raw dan kollu b’għajnejhom stess irrapportaw li uffiċjali tal-​pulizija mgħammdin b’maskri ‘għamlu ħerba sħiħa’ billi sawtu lil iktar minn 50 Xhud. “Kien taʼ qsim il-​qalb,” qal il-​propjetarju taʼ fejn kienet qed tinżamm il-​konvenzjoni, waqt li beda jġib quddiem għajnejh il-​ħarsa taʼ twerwir fuq wiċċ it-​tfal għall-​ħoss tal-​balal sparati fil-​vojt. Il-​pulizija qabdu u daħlu fil-​post u ħarquh. Madankollu, sa llum stess, dawn baqgħu ma ħadux dak li ħaqqhom.

Peress li dan l-​att vili m’huwiex xi eċċezzjoni (ara l-​kaxxa “Is-​Sehem tal-​Pulizija”), fis-​7 taʼ Mejju, 2001, il-​Kumitat tal-​Ġnus Magħquda Kontra t-​Tortura għamel sewwa li wera t-​tħassib tiegħu dwar “l-​atti taʼ tortura u kull trattament jew kastig krudil, inuman jew degradanti li għadhom sejrin fil-​Ġeorġja u li qegħdin isiru minn dawk li suppost qed iżommu l-​ordni; in-​nuqqas kontinwu li f’kull każ jiġu provduti investigazzjonijiet kompluti, imparzjali u fil-​pront għall-​allegazzjonijiet kollha li jsiru dwar it-​tortura.”c Fil-​fatt lanqas wieħed mill-​iktar minn 400 ilment li għamlu x-​Xhieda taʼ Jehovah lill-​pulizija ma wasslu biex in-​nies responsabbli għal dawn l-​atti jiġu mixlijin! Minħabba f’hekk, l-​Avukatessa Pubblika, jew l-​Ombudsman, tal-​Ġeorġja, li tiġi eletta mill-​parlament, ikkummentat: “Id-​drittijiet tal-​bniedem qed jinkisru sewwasew minn dawk in-​nies li, bl-​awtorità li għandhom, suppost qegħdin jipproteġu dawn id-​drittijiet. Għalihom, id-​drittijiet tal-​bniedem m’huma xejn ħlief biċċa karta.”

Deċiżjoni tal-​Qorti Suprema Toħloq Konfużjoni

Bħallikieku l-​attakki illegali mill-​marmalji u l-​pulizija ma kinux biżżejjed, il-​Qorti Suprema tal-​Ġeorġja dan l-​aħħar ħarġet deċiżjoni uffiċjali li ħolqot konfużjoni dwar id-​drittijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Ejja nikkunsidraw ftit informazzjoni dwar x’ġara fil-​passat. Il-​politikant Guram Sharadze fetaħ kawża biex jipprova jxolji l-​entitajiet legali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​kawża tiegħu waqgħet fid-​29 taʼ Frar, 2000. Madankollu, Sharadze appella u rebaħ. Għal dan, ix-​Xhieda taʼ Jehovah appellaw il-​każ tagħhom lill-​Qorti Suprema. Fit-​22 taʼ Frar, 2001, il-​Qorti Suprema qatgħetha kontra x-​Xhieda, bażikament fuq teknikalitajiet legali. Il-​Qorti Suprema rraġunat li l-​Kostituzzjoni, skond liġi li ma teżistix u li titlob ir-​reġistrazzjoni t’għaqdiet reliġjużi, titlob li r-​reliġjonijiet iridu jiġu reġistrati taħt il-​liġi pubblika. Il-​qorti kkonkludiet illi la ma kienx hemm din il-​liġi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma setgħux jiġu reġistrati b’ebda mod ieħor. Madankollu, xi 15-il assoċjazzjoni oħra li jappoġġaw attività reliġjuża huma reġistrati legalment fil-​Ġeorġja.

B’reazzjoni għad-​deċiżjoni tal-​Qorti Suprema, il-​Ministru tal-​Ġustizzja tal-​Ġeorġja, Mikheil Saakashvili, f’intervista fuq it-​televixin qal: “Minn ħarsa legali, id-​deċiżjoni hija dubjuża ħafna. Ma naħsibx li din hi l-​iktar paġna li kellha suċċess fl-​istorja tal-​Qorti Suprema.” Zurab Adeishvili, li kien qed jagħmilha taʼ chairman fil-​kumitat legali tal-​parlament tal-​Ġeorġja, qal lis-​Servizz taʼ l-​Aħbarijiet taʼ Keston li hu kien “konċernat ħafna” dwar din id-​deċiżjoni uffiċjali għaliex “tinkuraġġixxi lil forzi estremisti fil-​Knisja [Ortodossa Ġeorġjana] tagħna biex irażżnu lil gruppi reliġjużi minuri.” B’dispjaċir, it-​tħassib t’Adeishvili ta prova li kien minnu. Ftit wara li ttieħdet din id-​deċiżjoni, il-​vjolenza fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah reġgħet bdiet. Fis-​sena 2001, ix-​Xhieda ġew attakkati minn marmalji, pulizija, u qassisin Ortodossi fis-​27 taʼ Frar, fil-​5 taʼ Marzu, fis-​6 taʼ Marzu, fis-​27 taʼ Marzu, fl-​1 t’April, fis-​7 t’April, fid-​29 t’April, fit-​30 t’April, fis-​7 taʼ Mejju, fl-​20 taʼ Mejju, fit-​8 taʼ Ġunju, fis-​17 taʼ Ġunju, fil-​11 taʼ Lulju, fit-​12 t’Awissu, fit-​28 taʼ Settembru, u fit-​30 taʼ Settembru. U l-​lista tibqaʼ sejra.

F’nofs din il-​mewġa ġdida taʼ persekuzzjoni, il-​Qorti Suprema ħadet pass mhux tas-​soltu billi ċċarat id-​deċiżjoni tagħha pubblikament, meta qalet: “Sfortunatament, il-​pubbliku interpreta ħażin l-​annullament tal-​Qorti Suprema għar-​reġistrazzjoni taʼ l-​Unjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah . . . Meta r-​reġistrazzjoni tad-​difensuri mill-​qorti, bħala entità legali tal-​liġi privata, ġiet annullata, id-​dritt għal-​libertà tal-​ħsieb, tal-​kuxjenza u tar-​reliġjon ma ġiex miksur jew ristrett, la direttament u lanqas indirettament. Il-​libertà tagħhom li jibdlu t-​twemmin tagħhom, kemm waħedhom jew flimkien m’oħrajn, kemm fil-​pubbliku kif ukoll fil-​privat, ma ġiex ristrett. . . . Id-​deċiżjoni tal-​Qorti lanqas ma llimitat id-​dritt tad-​difensuri biex jirċievu jew ixerrdu l-​ideat u l-​informazzjoni tagħhom. Ma pprojbixxietx id-​dritt tagħhom li jkollhom laqgħat fil-​paċi.”

Eluf taʼ Ġeorġjani Jiħduha Kontra l-​Persekuzzjoni

Waqt li jidher li din l-​istqarrija mill-​Qorti Suprema ma tantx kellha effett fuq dawk tal-​marmalja, huwa vera inkuraġġanti meta naraw li eluf taʼ ċittadini Ġeorġjani diġà kkundannaw il-​persekuzzjoni li għaddejja. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah, mit-​8 taʼ Jannar, 2001, bdew jiċċirkolaw petizzjoni li kienet titlob protezzjoni mill-​attakki tal-​marmalji u l-​prosekuzzjoni taʼ dawk li ħadu sehem fl-​attakki vjolenti fuq ċittadini Ġeorġjani. F’temp taʼ ġimagħtejn, 133,375 ċittadin adult minn kull reġjun tal-​Ġeorġja ffirmaw il-​petizzjoni. Meta tikkunsidra li hemm biss 15,000 Xhud taʼ Jehovah fil-​Ġeorġja, il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li ffirmaw x’aktarx li kienu membri tal-​Knisja Ortodossa Ġeorġjana. Imma fit-​22 taʼ Jannar, 2001, il-​petizzjoni sparixxiet. X’kien ġara?

Dik il-​ġurnata, fl-​uffiċċju taʼ l-​Avukatessa Pubblika tal-​Ġeorġja, Nana Devdariani, inżammet konferenza stampa biex il-​petizzjoni tiġi maħruġa formalment. F’daqqa waħda, waqt il-​konferenza, Vasili Mkalavishvili u għaxra oħra miegħu daħlu ġo l-​uffiċċju biex jaħtfu l-​14-il volum tal-​petizzjoni. Rappreżentanta taʼ l-​Istitut Kawkasiku għall-​Paċi u d-​Demokrazija pprovat tipproteġi d-​dokumenti tal-​petizzjoni, imma l-​invażuri ħabtu għaliha. Waqt li Mkalavishvili beda jaqlaʼ kemm jiflaħ fuq ix-​Xhieda u jgħajjarhom, is-​segwaċi tiegħu rnexxielhom jaħtfu 12 mill-​14-il volum tal-​petizzjoni mingħand l-​organizzaturi u ħarbu bihom. Diplomatiku barrani li kien qed isegwi kollox esklama: “Ma rridx nemmen dak li qed nara b’għajnejja!” B’ferħ, fis-​6 taʼ Frar, il-​petizzjoni reġgħet ġiet f’idejn ix-​Xhieda, u fit-​13 taʼ Frar, 2001, ġiet preżentata lill-​president tal-​Ġeorġja.

“Se Jittieħdu Passi . . . għal Kull Moħqrija li Ssir”

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġeorġja u madwar id-​dinja jserrħu fuq il-​president tal-​Ġeorġja biex jieħu passi fuq din il-​petizzjoni. Wara kollox, fil-​passat, il-​President Shevardnadze kemm-il darba kkundanna l-​persekuzzjoni fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Per eżempju, fit-​18 t’Ottubru, 1999, il-​president iddeskriva l-​attakki fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala “massakri organizzati” li kienu “intollerabbli.” Fl-​20 t’Ottubru, 2000, il-​President Shevardnadze kiteb lil membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah: “Ħa nagħmlu mill-​aħjar li nistgħu biex il-​vjolenza naqilgħuha mill-​għeruq.” Hu kompla: “Ħallini nassigurak li l-​awtoritajiet Ġeorġjani se jżommu kelmithom u jibqgħu marbutin li jipproteġu d-​drittijiet tal-​bniedem u l-​libertà tal-​kuxjenza.” Għal darb’oħra, fit-​2 taʼ Novembru, 2000, f’ittra lill-​Kummissjoni dwar is-​Sigurtà u l-​Kooperazzjoni fl-​Ewropa, il-​President Shevardnadze qal: “Din il-​kwistjoni [taʼ l-​istatus tar-​reliġjonijiet minuri fil-​Ġeorġja] kienet ukoll iċ-​ċentru taʼ tħassib serju fost il-​poplu tagħna u l-​gvern.” Hu żgura lill-​kummissjoni: “Se jittieħdu passi għal kull moħqrija u vjolenza fiżika li ssir u dawk li huma responsabbli jridu jagħtu kont quddiem il-​liġi.”

Osservaturi mħassbin fl-​Ewropa u f’partijiet oħrajn tad-​dinja jisperaw li l-​kliem sod tal-​President Shevardnadze dalwaqt iseħħ fir-​realtà. Sadanittant, ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja jibqgħu jitolbu għal sħabhom fit-​twemmin fil-​Ġeorġja waqt li dawn ix-​Xhieda kuraġġużi jibqgħu jaqdu lil Jehovah minkejja l-​persekuzzjoni ħarxa.—Salm 109:3, 4; Proverbji 15:29.

[Noti taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar il-​Ġeorġja, ara l-​artiklu “Georgia​—An Ancient Heritage Preserved,” (Il-Ġeorġja—Wirt Antik Preservat) fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 taʼ Jannar, 1998.

b Vasili Mkalavishvili safa mkeċċi mill-​Knisja Ortodossa Ġeorġjana fis-​snin 90 tas-​seklu l-​ieħor wara li kkritika kemm felaħ lil din il-​Knisja talli ngħaqdet mal-​Kunsill Dinji tal-​Knejjes. (Minn dak iż-​żmien, il-​Knisja Ortodossa Ġeorġjana ma baqgħetx membru tal-​Kunsill Dinji tal-​Knejjes.) Sadanittant, Mkalavishvili ngħaqad mal-​Greek Old Calendarists immexxija minn Cyprian, il-​Metropolitan tagħhom.

c Il-Ġeorġja hija waħda mill-​123 stat li huma membri tal-​Konvenzjoni tal-​Ġnus Magħquda Kontra t-​Tortura u Kull Trattament jew Kastig Krudil, Inuman u Degradanti. Bħala talija, il-​Ġeorġja issa hija responsabbli għal “tortura illegali.”

[Kumment f’paġna 24]

“Se jittieħdu passi kontra kull moħqrija u vjolenza fiżika li ssir u dawk li huma responsabbli jridu jagħtu kont tagħha quddiem il-​liġi.”—Il-​President tal-​Ġeorġja, Eduard Shevardnadze, 2 taʼ Novembru, 2000

[Kumment f’paġna 24]

“Aħna nittamaw li din il-​kwistjoni [taʼ vjolenza fuq reliġjonijiet minuri] tiġi solvuta u li l-​gruppi reliġjużi kollha fil-​Ġeorġja jgawdu libertà sħiħa f’li jesprimu t-​twemmin reliġjuż tagħhom.”—David Soumbadze, kunsillier maġġuri taʼ l-​Ambaxxata tal-​Ġeorġja f’Washington, D.C., l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, 3 taʼ Lulju, 2001

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

L-​ATTAKKI TAL-​MARMALJA JIBQGĦU SEJRIN

Peress li n-​nies li wettqu dawn l-​attakki ma ġewx mixlijin mill-​awtoritajiet tal-​Ġeorġja, ix-​Xhieda taʼ Jehovah saru vulnerabbli għal iktar atti taʼ persekuzzjoni.

Per eżempju, fit-​22 taʼ Jannar, 2001, fir-​reġjun taʼ Svanetis Ubani ġo Tbilisi, Valisi Mkalavishvili, li qabel kien qassis Ortodoss, flimkien mal-​marmalja tiegħu invadew laqgħa reliġjuża taʼ 70 Xhud. L-​aggressuri bdew jagħtu bil-​ponn u bis-​sieq, u sawtu lix-​Xhieda bi slaleb tal-​ħadid u taʼ l-​injam. Wieħed mill-​aggressuri sabbat salib kbir taʼ l-​injam fuq ras wieħed Xhud b’tant saħħa li s-​salib inkiser. Xi ftit Xhieda ġew imkaxkrin ġo kamra mudlama, fejn ġew imsawtin minn diversi aggressuri. Xhieda anzjani ġew imġagħlin jgħaddu minn bejn dawn in-​nies vjolenti, u huma u għaddejjin ġew imsawtin bil-​ponn u bis-​slaleb. Żewġt irġiel ġrew wara tifel taʼ 14-il sena, u mbagħad, lil dan il-​povru bdew isawtuh u jagħtuh bis-​sieq. Raġel taʼ 30 sena telaq għal wara tifel taʼ 12-il sena u sabbatlu Bibbja Ġeorġjana daqsiex fuq rasu. Sadanittant, wieħed Xhud ħareġ jiġri ’l barra mid-​dar biex isejjaħ lill-​pulizija, imma nqabad. Il-​marmalja bdiet tagħtih kemm tiflaħ fuq wiċċu sakemm ħalqu mtela bid-​demm u beda jirremetti. Fl-​aħħar, il-​marmalja bla qalb tferrxet. L-​aggressuri għadhom ma ġewx kastigati.

Għal darb’ oħra, fit-​30 t’April, 2001, is-​segwaċi taʼ Mkalavishvili reġgħu fixklu laqgħa reliġjuża oħra taʼ l-​istess kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. L-​aggressuri ħarġu lix-​Xhieda barra u sawtuhom b’lasti mimlijin imsiemer. Lil wieħed Xhud jismu Tamaz, il-​ponot irqaq taʼ l-​imsiemer ċarrtulu driegħu tal-​lemin, idu tax-​xellug, siequ tax-​xellug, u anki ħaddejh tax-​xellug. Barra minn hekk, Tamaz kellu bżonn ħames punti għal farrett fond ġo rasu. Il-​marmalja serqet kulma kien hemm fid-​dar fejn kienet qed issir il-​laqgħa, kissret l-​għamara, apparat li jaħdem bl-​elettriku, u t-​twieqi kollha. Imbagħad qabbdu ħuġġieġa kbira u fiha ħarqu l-​letteratura tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Fis-​7 taʼ Ġunju, 2001, L-​Għassa għad-​Drittijiet tal-​Bniedem talbet uffiċjalment informazzjoni mingħand il-​Ministru taʼ l-​Affarijiet Interni tal-​Ġeorġja, Kakha Targamadze, u mingħand il-​Prosekutur Ġenerali tal-​Ġeorġja, Gia Mepharishvili, dwar il-​passi li ttieħdu biex jiġu mħarrkin l-​aggressuri involuti f’dan l-​attakk u f’oħrajn reċenti. S’issa, l-​ebda wieħed minn dawn l-​aggressuri ma ġie mħarrek.

[Kaxxa f’paġna 21]

IS-​SEHEM TAL-​PULIZIJA

Fis-​16 taʼ Settembru, 2000, pulizija mill-​belt taʼ Marneuli għamlu barrikati sabiex ma jħallux 19-il xarabank mgħobbijin bix-​Xhieda taʼ Jehovah milli jaslu sal-​post tal-​konvenzjoni. F’barrikata minnhom, l-​aggressuri waddbu ġebel kbir għax-​xarabanks mgħobbijin bix-​Xhieda u laqtu passiġġiera f’rasha. Xi ftit mix-​Xhieda ġew imkaxkrin ’il barra mix-​xarabanks u msawtin, filwaqt li lil passiġġieri oħrajn serquhom. Fl-​istess ħin, il-​pulizija ħallew jgħaddu lil xarabanks mgħobbijin bis-​segwaċi taʼ Mkalavishvili, li kienu determinati li jħarbtu l-​post fejn kienet se ssir il-​konvenzjoni. Il-​marmalja ħarqet xi 1,500 kilogramm taʼ letteratura reliġjuża. Fuq il-​post, il-​pulizija ħadu sehem fis-​swat tax-​Xhieda.

Servizz taʼ l-​aħbarijiet f’Kawkasu rrapporta li l-​Ministeru għal Affarijiet Interni kien se jinvestiga dan l-​assalt u se jieħu “l-​passi meħtieġa.” L-​investigaturi għandhom raġunijiet konkreti fuqiex jixlu lil dawn l-​aggressuri. L-​Artiklu 25 fil-​Kostituzzjoni tal-​Ġeorġja jiggarantixxi d-​dritt tan-​nies kollha li jorganizzaw assemblea fil-​pubbliku. Minkejja dan, ħadd minn dawn l-​aggressuri ma ġie mixli. Ħames xhur wara dan l-​attakk, is-​Servizz taʼ l-​Aħbarijiet taʼ Keston irrapporta li avukat għal Guram Sharadze, il-​mexxej tal-​moviment politiku “Il-​Ġeorġja l-​Ewwel u Qabel Kollox!,” ammetta li Sharadze kien influwenza lill-​awtoritajiet f’Marneuli u Zugdidi biex ma jitħallewx isiru żewġ konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 21]

IL-​KOSTITUZZJONI TAL-​ĠEORĠJA TIGGARANTIXXI PROTEZZJONI

Il-​Kostituzzjoni tal-​Ġeorġja taʼ l-​24 t’Awissu, 1995, tiggarantixxi libertà tar-​reliġjon u protezzjoni kontra attakki brutali, bħalma juru dawn is-​siltiet:

Artiklu 17—(1) Il-​ġieħ u d-​dinjità taʼ persuna ma jistgħux ma jiġux rispettati. (2) Tortura u trattament jew kastig inuman, brutali, jew degradanti m’humiex permissibbli.

Artiklu 19—(1) Kull individwu għandu d-​dritt għal-​libertà tal-​kelma, ħsieb, kuxjenza, reliġjon u twemmin. (2) Il-​persekuzzjoni taʼ individwu minħabba l-​ħsibijiet, it-​twemmin jew ir-​reliġjon tiegħu hija projbita.

Artiklu 24—(1) Kull individwu għandu d-​dritt li bil-​libertà jirċievi jew ixerred informazzjoni, biex jesprimi u jxerred l-​opinjoni tiegħu bil-​kliem, bil-​kitba jew bi kwalunkwe forma oħra.

Artiklu 25—(1) Kull individwu minbarra membri tal-​forzi armati, pulizija, u servizzi tas-​sigurtà għandu d-​dritt li jorganizza assemblea pubblika bla armi kemm ġewwa kif ukoll barra mingħajr ma jingħata permess minn qabel.

[Kaxxa f’paġna 22]

ID-​DINJA QED TOSSERVA

Il-​komunità internazzjonali kif tħares lejn il-​fatt li l-​Ġeorġja ma twaqqafx il-​persekuzzjoni fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

Il-​gvernijiet taʼ l-​Istati Uniti u l-​Gran Britannja flimkien stqarrew: “Laqgħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġiet sfrattata, numru kbir taʼ nies sfaw vittma taʼ trattament vjolenti u oħrajn ma tħallewx imorru għal-​laqgħa. L-​Ambaxxati taʼ l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika u tal-​Gran Britannja huma inkwetati ħafna b’dan kollu u bi ksur ieħor taʼ liġijiet li sar dan l-​aħħar fuq dawk li qegħdin jagħmlu użu mid-​dritt tagħhom tal-​libertà reliġjuża fil-​Ġeorġja . . . Aħna nesiġu li l-​Gvern tal-​Ġeorġja jinvestiga dawn l-​inċidenti u li joqgħod attent li jiżgura r-​rispett lejn id-​drittijiet reliġjużi taʼ kulħadd.”

Iċ-​chairperson tad-​Delegazzjoni għall-​Unjoni Ewropea-Kumitat għall-​Kooperazzjoni Parlamentari tal-​Ġeorġja, Ursula Schleicher, qalet: “Għan-​nom tad-​delegazzjoni tal-​Parlament Ewropew nixtieq nesprimi l-​biżaʼ kbir tiegħi għall-​aħħar inċident li sar fis-​serje t’attakki vjolenti fuq ġurnalisti, attivisti tad-​drittijiet tal-​bniedem u Xhieda taʼ Jehovah . . . Jien inħares lejn att bħal dan bħala attakk krudil kontra d-​drittijiet fundamentali tal-​bniedem li l-​Ġeorġja kkommettiet ruħha għalihom bħala firmatarja tal-​Konvenzjoni Ewropea għall-​Protezzjoni tad-​Drittijiet tal-​Bniedem u l-​Libertajiet Fundamentali.”

Il-​Kummissjoni Amerikana dwar is-​Sigurtà u l-​Kooperazzjoni fl-​Ewropa kitbet lill-​President Shevardnadze rigward l-​attakki fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah: “L-​aħħar ġrajjiet huma ġenwinament allarmanti u jqajmu biżaʼ li s-​sitwazzjoni fil-​Ġeorġja qed issir inkontrollabbli. Jekk ma jsir xejn, dawk li qegħdin jużaw il-​vjolenza fuq minoranzi reliġjużi se jiġu inkuraġġiti jkomplu bil-​ħruxijiet tagħhom. Nittamaw li int, bħala kap taʼ l-​istat, tkun t’eżempju għall-​pubbliku u għall-​uffiċjali tal-​Ġeorġja u tibgħat żewġ messaġġi ċari u qawwijin: ikunu xi jkunu l-​opinjonijiet taʼ persuna dwar reliġjonijiet oħra, m’huwiex permess li jintuża kwalunkwe tip taʼ vjolenza kontra dawk li jipprattikawhom; u individwi li jieħdu sehem fi vjolenza bħal din—speċjalment pulizija li jew jiffaċilitaw jew saħansitra jipparteċipaw f’azzjonijiet t’għajb bħal dawn—se jiġu mixlijin skond dak kollu li tgħid il-​liġi.” Din l-​ittra ġiet iffirmata minn sebaʼ membri tal-​Kungress taʼ l-​Istati Uniti.

Il-​cochairman tal-​Kummissjoni dwar is-​Sigurtà u l-​Kooperazzjoni fl-​Ewropa, Christopher H. Smith, membru tal-​Kungress taʼ l-​Istati Uniti, qal: “Għalfejn fil-​Ġeorġja m’humiex qegħdin jinżammu l-​libertà reliġjuża u d-​drittijiet tal-​bniedem bħalma qalu li ħa jagħmlu? . . . Il-​ħruq tal-​letteratura huwa kompletament kontra l-​Ftehim taʼ Ħelsinki u jfakkar lil xi wħud minna fil-​Kummissjoni dwar il-​ħruq tal-​kotba li ġara fi żmien in-​Nazi.”

Dik li kienet qed tagħmilha taʼ Direttur Eżekuttiv tad-​Diviżjoni taʼ l-​Għassa għad-​Drittijiet tal-​Bniedem fl-​Ewropa u l-​Asja Ċentrali kitbet: “L-​Għassa għad-​Drittijiet tal-​Bniedem hija konċernata serjament dwar il-​possibbiltà għal iktar vjolenza, meta tqis kemm il-​gvern Ġeorġjan ilu jonqos li jixli lill-​aggressuri għall-​attakki vjolenti li saru qabel kontra reliġjonijiet minuri. Aħna nħeġġukom biex immedjatament taraw li jieqfu l-​attakki u li jiġu arrestati u mtellgħin il-​qorti dawk li huma responsabbli għalihom.”

Id-​dinja qed tosserva. Se żżomm il-​Ġeorġja maʼ l-​irbit internazzjonali li kkommettiet ruħha għalih? Ir-​reputazzjoni tal-​Ġeorġja qiegħda fix-​xifer.

[Kaxxa f’paġna 23]

APPELL LILL-​QORTI EWROPEA

Fid-​29 taʼ Ġunju, 2001, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ippreżentaw rikjesta formali lill-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem li toġġezzjona għan-​nuqqas kontinwu f’li jieħdu azzjoni dawk li huma inkarigati mill-​ħarsien tal-​liġijiet fil-​Ġeorġja. Xi ftit ġranet wara, fit-​2 taʼ Lulju, 2001, il-​Qorti Ewropea weġbithom. Ir-​reġistratur tal-​Qorti kiteb li l-​President tal-​Kamra Ġudizzjarja kien taʼ l-​opinjoni li dan il-​każ “jingħata prijorità.”

[Mappa f’paġna 18]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

RUSSJA

ĠEORĠJA

IL-​BAĦAR L-​ISWED

TURKIJA

[Stampa f’paġna 18]

13 TAʼ MEJJU, 2001 - Il-​Familja Shamoyan tilfet id-​dar tagħha meta inċendjarju taha n-​nar

[Stampa f’paġna 18]

17 TAʼ ĠUNJU, 2001 - Giorgi Baghishvili ġie attakkat b’mod vjolenti waqt li kien qed jattendi laqgħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 19]

11 TAʼ LULJU, 2001 - David Salaridze ntlaqat f’rasu b’bastun u ġie msawwat fuq dahru u fuq il-​kustilji meta ġie attakkat waqt li kien qed jattendi laqgħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 23]

28 TAʼ ĠUNJU, 2000 - Inċendjarji qerdu maħżen tal-​letteratura tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġo Tbilisi

[Stampa f’paġna 23]

16 T’AWISSU, 2000 - Fl-​awla tal-​qorti Gldani-Nadzaladevi, Warren Shewfelt, Xhud Kanadiż, safa attakkat minn wieħed mis-​segwaċi taʼ Vasili Mkalavishvili

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 24]

AP Photo/Shakh Aivazov

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja