Żewġ “Mirakli” f’Konvenzjoni fil-Ġeorġja
AVVENIMENT li ma jintesiex, u li fih seħħew żewġ “mirakli” sar fl-2006 fil-pajjiż tal-Ġeorġja. Għal tlett ijiem, mis-7 sad-9 taʼ Lulju, il-Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova “Il-Ħelsien fil-Qrib!” saret f’sitt postijiet madwar il-pajjiż. Kienet festa spiritwali li gawdew minnha iktar minn 17,000 ruħ.
F’Jannar taʼ l-2006, saru sforzi biex jinstab post xieraq sabiex jinġabru eluf taʼ Xhieda fil-belt fejn kienet se ssir il-konvenzjoni, fi Tbilisi, il-belt kapitali tal-Ġeorġja. Postijiet oħrajn tal-konvenzjoni kellhom ikunu magħqudin mal-programm permezz tat-telekomunikazzjoni.
Il-libertà tal-qima fil-Ġeorġja ġiet mogħtija progressivament f’dawn l-aħħar snin. Minkejja l-oppożizzjoni tant mifruxa fil-passat, ix-Xhieda komplew għaddejjin bit-tħejjijiet, fiduċjużi li kien se jinstab post għall-konvenzjoni fil-belt kapitali. In-nies fil-Ġeorġja huma dħulin u ospitabbli b’mod naturali. Madankollu, fost xi uffiċjali hemm preġudizzju reliġjuż qawwi ħafna. Kienu huma se jegħlbu s-sentiment tagħhom taʼ preġudizzju u jħallu lix-Xhieda jikru faċilità?
L-aħwa li jaqdu fil-Kumitat tal-Konvenzjoni żaru diversi stejdjums u swali taʼ l-isports kbar. Il-maniġers wegħduhom li setgħu jużaw il-faċilitajiet tagħhom imma ma ridux jaċċettaw data speċifika għall-kiri. Għalhekk, il-kumitat kien sorpriż, meta l-amministrazzjoni Filarmonika taʼ Tbilisi qablet li tikri l-faċilità lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Is-sala tal-kunċert tinsab fil-qalba tal-belt, fejn jinżammu ħafna mill-avvenimenti mill-iktar prestiġjużi.
Inkuraġġit mir-riżultati tajbin taʼ l-isforzi tiegħu, il-kumitat beda jorganizza l-konvenzjoni taʼ Tbilisi, kif ukoll konvenzjonijiet oħrajn fl-irħula u fil-bliet madwar il-pajjiż li jinkludu Tsnori, Kutaisi, Zugdidi, Kaspi, u Gori. Sar ħafna xogħol biex dawn il-postijiet taʼ konvenzjonijiet ikollhom konnessjoni mal-programm b’sistema telefonika sabiex il-programm isir simultanjament. Kollox kien jinsab lest. Imbagħad, f’daqqa waħda, ġimgħa biss qabel ma bdiet il-konvenzjoni, id-diretturi tas-sala tal-kunċert Filarmoniku fi Tbilisi, ħassru l-kuntratt. Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni.
L-Ewwel “Miraklu”
X’setgħu jagħmlu l-aħwa f’dan iż-żmien qasir li kien għad fadal? L-unika alternattiva kienet ir-raħal taʼ Marneuli, post tal-biedja li jinsab 40 kilometru ’l barra minn Tbilisi. Ħafna konvenzjonijiet inżammu f’dan il-post fil-proprjetà taʼ familja li huma Xhieda taʼ Ġeħova. Dan il-post qabel kien ġnien kbir. Għal dawn l-aħħar għaxar snin, kien l-unika post li l-kongregazzjonijiet taʼ Tbilisi setgħu jużaw għall-konvenzjonijiet. Madankollu, Marneuli huwa wkoll il-post fejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova esperjenzaw attakki minn marmalji feroċi.
Wieħed minn dawn l-aċċidenti seħħ fis-16 taʼ Settembru tas-sena 2000. Il-pulizija tal-belt taʼ Marneuli għamlet barrikati biex twaqqaf lix-Xhieda milli jaslu fuq il-post tal-konvenzjoni. Imbagħad ġew xarabanks mimlijin delinkwenti mmexxijin minn Vasili Mkalavishvili li kien ġie mneħħi mill-pożizzjoni tiegħu bħala qassis Ortodoss. Huma waqqfu xarabanks u karozzi li kienu sejrin għall-konvenzjoni f’Marneuli, kaxkru ’l barra bosta delegati mill-vetturi, u sawtuhom bla ħniena, waqt li lil passiġġieri oħrajn ħadulhom dak li kellhom, inkluż il-Bibbji u l-letteratura Biblika tagħhom.
Ukoll, il-post tal-konvenzjoni f’Marneuli ġie attakkat minn marmalja taʼ 60 persuna. Xi 40 Xhud ġew imweġġgħin. Wieħed ħu qalaʼ daqqa taʼ sikkina f’sidru. Xi wħud minn dawk li għamlu l-attakk kellhom snieter isserrati, li bdew jisparaw bihom bl-addoċċ fl-ajru. Wieħed minnhom ipponta senter lejn sidt il-post u ġagħalha tagħtih il-flus u l-ġojjellerija. Dawk tal-marmalja serqulha kulma kien hemm fid-dar, li kienet tinsab f’tarf wieħed tal-post tal-konvenzjoni, u serqulha kulma kellha taʼ valur. Wara li kissru t-twieqi kollha fid-dar, huma ħarqu l-letteratura Biblika u l-bankijiet li kienu saru apposta għall-konvenzjoni. Huma qerdu tunnellata u nofs letteratura. Minflok ma waqqfet dan l-att kriminali, il-pulizija li kienet fuq ix-xena ħadet sehem fil-vjolenza kontra x-Xhieda.a
Il-Kumitat tal-Konvenzjoni kellu jissielet mhux biss mat-theddid tal-vjolenza imma wkoll maʼ l-isfida taʼ li jqiegħed 5,000 persuna f’post li normalment jiflaħ madwar 2,500 ruħ. Kif setgħet din il-problema tiġi solvuta fi żmien daqshekk qasir? Kien jidher qisu miraklu meta s-sidien taʼ proprjetà maġenb il-post fejn kienet se ssir il-konvenzjoni avviċinaw lill-aħwa u offrew li jikrulhom l-art tal-ġonna tagħhom.
Ma kinitx biċċa xogħol żgħira biex din l-art tinbidel f’post għall-konvenzjoni. It-temp għamel is-sitwazzjoni diffiċli ħafna—ix-xita baqgħet nieżla l-ġimgħa kollha qabel il-konvenzjoni. Ir-rabaʼ tal-ġirien kien miżrugħ bil-patata, u kellhom bżonn jaħsduh. L-ewwel, il-volontieri nġabru fix-xita biex jaqilgħu l-patata. Imbagħad tneħħew il-ħitan u tpoġġa qafas sabiex jagħmlu tined li jipproteġu lill-udjenza mix-xemx u x-xita. Kellhom jinħadmu ħafna iktar bankijiet taʼ l-injam, u installaw iktar apparat mas-sistema tas-sawnd. Lejl u nhar il-volontieri għamlu x-xogħol taʼ l-injam li kien hemm bżonn, xi wħud saħansitra baqgħu għaddejjin mingħajr irqad.
Kulħadd beda jaħseb: “X’se jiġri jekk ix-xita tkompli nieżla matul il-konvenzjoni? Se jispiċċaw id-delegati mgħarrqin fit-tajn?” Sabiex titgħatta l-art imxarrba, inxtara t-tiben. Fl-aħħar, ħarġet ix-xemx! Matul it-tlett ijiem kollha tal-konvenzjoni, is-sħana sabiħa tax-xemx ksiet l-art.
Meta waslu d-delegati, huma ġew milqugħin minn xenarju mill-isbaħ. Is-serenità tal-kampanja kienet qisha dehra bil-quddiem tad-dinja l-ġdida. Komdi bil-qiegħda, id-delegati kienu mdawrin b’siġar tat-tin u b’siġar taʼ frott ieħor u b’għelieqi tal-qamħirrum u tad-tadam. In-naħa taʼ wara tal-palk kienet imżejna bid-dwieli taʼ l-għeneb. Kultant matul il-programm, l-udjenza setgħet tismaʼ xi sriedaq jiddnu u xi tiġieġ iqaqu hekk kif il-bajd tagħhom kien qed jinġabar. Kien hemm xi ħsejjes oħrajn li s-soltu tismaʼ fil-kampanja, imma għal dawk li kienu qed jattendu, dawn kienu biss bħal għanja pjaċevoli. Minflok ma ġew aljenati, dawk fl-udjenza bilkemm innotaw x’kien qed jiġri madwarhom, minħabba li kienu attenti jisimgħu l-programm eċċellenti bbażat fuq il-Bibbja. Madankollu, dawn ma kinux l-uniċi mumenti taʼ din il-konvenzjoni li ma kinux se jintesew.
It-Tieni “Miraklu”
Il-ġimgħa fil-għodu, fil-konklużjoni tas-sessjoni, id-delegati ngħataw sorpriża meta Geoffrey Jackson, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, ħabbar il-ħarġa tan-New World Translation of the Holy Scriptures kompluta bil-Ġeorġjan.b L-għajnejn taʼ ħafna wħud kienu mimlijin dmugħ, għaliex kienu sempliċement mgħaġġbin. Familja waħda b’eċċitament qalet: “Aħna ma nistgħux nieqfu nesprimu l-gratitudni tagħna għal dan il-miraklu—miraklu taʼ Ġeħova. Biċċa xogħol daqshekk kbira, fi żmien daqshekk qasir!”
Oħt mir-raħal taʼ Tsalendjikha li semgħet il-programm permezz tat-telefon wieġbet: “Ma nistax nesprimi l-ferħ li ħassejt meta ngħatajna l-Bibbja kompluta. Nixtieq nirringrazzjakom għal din il-konvenzjoni taʼ tlett ijiem li tispikka. Kienet tassew avveniment storiku.” Familja f’kongregazzjoni fil-Ġeorġja tal-punent, maġenb il-Baħar l-Iswed, qalet: “S’issa, aħna kellna Bibbja waħda biss għall-familja kollha, imma issa l-erbgħa li aħna għandna kopja persunali kull wieħed tan-New World Translation. Issa kull wieħed minna jistaʼ jistudja l-Bibbja personalment.”
Madankollu, wara l-kwinti, mhux kollox mar ward u żahar. Per eżempju, għalkemm In-New World Translation kompluta, kienet stampata u trasportata lejn il-Ġeorġja fil-ħin għall-konvenzjoni, l-uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana rrifjutaw li jħallu l-konsenja tidħol fil-Ġeorġja. L-aħwa appellaw lill-Uffiċċju taʼ l-Ombudsman. L-ombudsman irnexxielu jeħles il-konsenja tal-Bibbji eżatt fil-ħin għall-konvenzjoni distrettwali. Hu saħansitra bagħat l-assistent tiegħu fejn kienet qed issir il-konvenzjoni f’Marneuli biex jakkwista kopji tal-Bibbja l-ġdida għall-uffiċċju tagħhom.
Merħba mill-Qalb, bi Stil Ġeorġjan
Il-konvenzjoni distrettwali f’Marneuli kienet okkażjoni sinifikanti ferm għax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Ġeorġja għal raġuni oħra. Membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova kellu sehem fil-programm. Kulħadd fl-attendenza tant kien eċċitat li xtaq personalment jestendilu merħba tradizzjonali mill-qalb. Ħuna Jackson kellu joqgħod bil-wieqfa u jsellem lill-aħwa għal sigħat sħaħ qabel, matul, u wara l-konvenzjoni, imma kien ferħan jagħmel dan.
Lura fl-1903 fit-tmiem taʼ konvenzjoni oħra, wieħed ħu kien qal: “Ma kontx inbiddel il-benefiċċji kollha li rċivejt minn din il-konvenzjoni m’elf dollaru, u jien sempliċi raġel fqir.” Iktar minn seklu wara, dan kien eżatt kif ħassewhom ix-Xhieda li attendew il-konvenzjoni importanti li seħħet fis-sajf tas-sena 2006 fil-pajjiż tal-Ġeorġja.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji rigward il-persekuzzjoni kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Ġeorġja, ara Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2002, paġni 18-24.
b It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bil-Ġeorġjan ġiet maħruġa fl-2004.
[Kaxxa f’paġna 19]
“L-Iżgħar Fostkom” Kiber
Il-kliem taʼ Isaija 60:22 seħħ tabilħaqq fil-Ġeorġja: “L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi. Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” F’inqas minn 20 sena, in-numru taʼ pubblikaturi tas-Saltna fil-Ġeorġja kiber minn ftit inqas minn 100 ruħ għall-madwar 16,000 ruħ. Dawn il-ministri żelużi tal-Kelma t’Alla qed jikkonduċu madwar 8,000 studju tal-Bibbja kull ġimgħa—potenzjal meraviljuż għal iktar żjieda fil-Ġeorġja.
[Tabella/Mappep f’paġna 16]
(Għall formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
FEDERAZZJONI RUSSA
ĠEORĠJA
Zugdidi
Kutaisi
Marneuli Gori
Kaspi
Tsnori
TBILISI
TURKIJA
ARMENJA
AZERBAJĠAN
[Sors]
Globu: Based on NASA/Visible Earth imagery
[Stampa f’paġna 16]
Statwa fi Tbilisi
[Stampi f’paġna 17]
Il-programm tal-konvenzjoni f’Marneuli kien konness permezz tat-telekomunikazzjoni maʼ ħames postijiet oħrajn
[Stampi f’paġna 18]
Id-delegati kienu ferħanin ferm bis-sorpriża tal-ħarġa tan-“New World Translation” kompluta bil-Ġeorġjan