Konvenzjonijiet Distrettwali U Internazzjonali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” għall-1998
1 Proverbji 10:29 ifakkarna li “l-Mulej hu sur għal min jimxi sewwa.” X’tema addattata għandha l-konvenzjoni taʼ din is-sena—“Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla”! Din it-tema kif eżatt se tkun żviluppata matul il-programm taʼ tlett ijiem? Ilkoll kemm aħna nħarsu ’l quddiem b’antiċipazzjoni akkanita għal dak li hemm maħżun għalina. U punti sinjifikanti se jkunu ppreżentati.
2 Missjunarji, qaddejja internazzjonali, jew oħrajn li qegħdin jaqdu f’inkarigi barranin se jkunu qed jattendu għal xi konvenzjonijiet. Huwa mistenni li se jkun hemm eluf taʼ delegati minn pajjiżi oħrajn preżenti fil-bliet fejn se jinżammu l-konvenzjonijiet distrettwali. Xi wħud minnkom qed jippjanaw li jattendu għal waħda minn dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali, u għalhekk forsi se tiltaqgħu maʼ xi wħud minn dawn il-viżitaturi. Il-programm tal-konvenzjoni se jagħti attenzjoni speċjali lil rapporti dwar kif Jehovah qed ibierek ix-xogħol f’diversi territorji.
3 Jiswa li Tagħmel Sforz biex Tattendi: Ħafna minn ħutna fl-Afrika esperjenzaw tbatija minħabba gwerer u taqlib li seħħew f’xi partijiet taʼ dak il-kontinent. Huma jqisu l-konvenzjonijiet tan-nies taʼ Jehovah bħala indispensabbli għal ħajjithom. Xi wħud iridu jimxu distanzi twal biex jattendu għal konvenzjoni, iżda qatt ma jgħaddilhom minn moħħhom li jitilfu xi waħda. Ħu taʼ 73 sena fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (li qabel kien iz-Zaire) mexa madwar 450 kilometru biex jattendi għal konvenzjoni. Wasal 16-il ġurnata wara li beda l-vjaġġ, saqajh minfuħin, imma ferħan li kien qiegħed hemm. Wara l-konvenzjoni, ferħan se jtir u msaħħaħ spiritwalment, hu mar lura d-dar bil-mixi. Din kienet ir-rutina tiegħu għal snin sħaħ!
4 Fil-Możambik indokratur tad-distrett u martu telgħu muntanja għolja u qasmu żona kbira qisha deżert bil-mixi biex jattendu għal assemblea tas-circuit. Għamlu l-vjaġġ taʼ 90 kilometru f’45 siegħa. Dawk kollha fl-attendenza kienu inkuraġġiti bil-kbir bl-eżempju mill-aħjar taʼ din il-koppja. Ħafna familji preżenti kienu għamlu sforzi simili biex jattendu. L-indokratur tad-distrett irrapporta li xi aħwa, inkluż wieħed taʼ 60 sena, ivvjaġġaw 200 kilometru bil-mixi!
5 Għamilt int pjanijiet definiti biex tattendi għall-konvenzjoni taʼ din is-sena? Ħadd m’hu se jkollu ’l bogħod biex jivvjaġġa lejn in-New Dolmen Conference Centre, imma xi sforz u sagrifiċċju se jkunu meħtiġin sabiex int u l-familja tiegħek tkunu preżenti. Agħmel arranġamenti biex tattendi għall-programm kollu kemm hu mill-bidu sa l-aħħar. Ħafna studenti tal-Bibbja qed jipprogressaw lejn id-dedikazzjoni. L-attendenza tagħhom għall-konvenzjoni se tgħinhom jieħdu d-deċiżjoni t-tajba. Stedinthom int lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek u wħud interessati oħrajn biex jattendu miegħek?
6 Programm taʼ Tlett Ijiem: Il-Ġimgħa, is-Sibt, u l-Ħadd, il-programm se jibda fid–9:30 a.m. Il-Ġimgħa u s-Sibt il-programm se jispiċċa fil–5:00 p.m., u l-Ħadd fl–4:00 p.m. Il-bibien se jinfetħu fit–8:00 a.m. Dawk biss li għandhom xi inkarigi taʼ xogħol se jitħallew jidħlu iktar kmieni minn hekk. Madankollu, ħadd m’hu se jitħalla jerfaʼ postijiet qabel it-8:00 a.m.
7 Waqt li nivvjaġġaw lejn il-konvenzjoni u lura, għandna nfittxu opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali. Dawk li jieħdu ħsieb il-pompi tal-petrol, tal-ħwienet, dawk li jaħdmu fil-lukanda, u wejters jistgħu jkunu interessati fil-messaġġ tas-Saltna. Ipprepara għal dan billi ġġib miegħek fuljetti, rivisti kurrenti, browxers, jew letteratura oħra sabiex tkun tistaʼ tieħu vantaġġ minn opportunitajiet biex tagħti xiehda lil nies li ma jistgħux jintlaħqu bl-aħbar tajba b’xi mod ieħor.—2 Tim. 3:17.
8 “Oqogħdu Attenti kif Tisimgħu”: Delegati tal-konvenzjoni jkunu għaqlin li jisimgħu mill-parir misjub f’Luqa 8:18. Kulħadd hu inkuraġġit li jġib Bibbja kif ukoll ktieb taʼ l-għanjiet u xi ktieb għan-noti. Agħti widen bir-reqqa għal punti fundamentali f’kull taħdita ppreżentata, u agħmel noti qosra. Staqsi lilek innifsek kif tistaʼ tapplika personalment il-materjal. Fil-ġranet tal-konvenzjoni, kull fil-għaxija qabel ma tidħol fis-sodda, għala ma tirrevedix in-noti tiegħek u tanalizza kemm qed iżżomm mill-qrib mal-mod taʼ ħajja taʼ Jehovah.—Prov. 4:10-13.
9 Ġie nnotat li waqt is-sessjonijiet, xi wħud iħallu s-sala u joqogħdu jitlajjaw f’xatt il-baħar, u b’hekk jitilfu t-taħditiet ippreżentati fil-programm. Fl-imgħoddi, xi wħud mill-qaddejja taʼ Jehovah għamlu żbalji serji f’ħajjithom għaliex ma tawx widen bir-reqqa għat-tfakkiriet taʼ Jehovah. Żgur li aħna se nkunu rridu nevitaw li nagħmlu żball simili. (2 Slat. 17:13-15) “L-irsir leali u diskret” ipprepara istruzzjoni li lkoll kemm aħna għandna bżonn. Huwa importanti speċjalment li ‘nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li nisimgħu’ matul kull sessjoni tal-programm tal-konvenzjoni taʼ tlett ijiem. Xi ħaġa taʼ interess speċjali għalina se tkun ippreżentata kull jum, inkluża informazzjoni li żgur li se jkollha effett bnin fuq il-mod taʼ ħajja tagħna fil-futur. Billi noqogħdu attenti u nużaw bis-sħiħ dak li Jehovah jipprovdi spiritwalment fis-serje taʼ konvenzjonijiet li ġejja, it-tama tagħna se tkun ankrata fis-sod, sabiex aħna “ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-triq” u mill-mod taʼ ħajja t’Alla.—Mt. 24:45; Lhud 2:1.
10 Tip taʼ Lbies li Jonora lil Jehovah: F’dawn iż-żminijiet kritiċi, għandna bżonn nagħtu iktar attenzjoni mis-soltu sabiex ma nittieħdux mill-ispirtu taʼ din id-dinja. (1 Kor. 2:12) L-ilbies u d-dehra tagħna għandhom ikunu modesti u għandhom jirriflettu d-dinjità taʼ dak Alla li lilu nqimu. (1 Tim. 2:9, 10) Ilbies għali ferm m’huwiex meħtieġ sabiex tkun fost dawk li “jagħmlu ġieħ lit-tagħlim taʼ Alla, is-Salvatur tagħna.” (Titu 2:10) Innota l-parir eċċellenti, prattiku u Skritturali f’paġni 12 u 13 tal-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa, taʼ l-1 taʼ Lulju, 1997, paragrafi 14-18. Qatt tissottovaluta x-xiehda qawwija li nistgħu nagħtu billi nilbsu b’tali mod li jonora lil Jehovah.
11 Xhud taʼ 16-il sena rrakkontat li meta hi u ħuha marru f’restorant lejla waħda wara s-sessjonijiet, innotaw li xi wħud mill-aħwa rġiel u nisa li kienu hemm kienu biddlu f’ilbies mhux xieraq. Madankollu, ħafna klijenti tar-restorant irreaġixxew favorevolment meta raw Xhieda li kienu lebsin pulit u b’mod xieraq u lebsin il-beġġ kards tagħhom. Dan fetaħ it-triq biex tingħata xiehda lil xi klijenti.
12 Kondotta li Tfaħħar lil Jehovah: Nafu li l-kondotta Kristjana tagħna tistaʼ teffettwa l-mod kif oħrajn iqisu l-qima vera. Għalhekk, il-ħin kollu rridu nġibu ruħna b’tali mod li hu denju taʼ l-aħbar tajba u li jġib tifħir lil Jehovah.—Flp. 1:27.
13 Is-sena l-oħra, konvenzjoni distrettwali nżammet għall-ewwel darba fit-Tramuntana taʼ l-Angola. Fit-tieni jum tal-konvenzjoni, żewġ uffiċjali tal-pulizija lokali ntbagħtu fuq il-post biex jiżguraw li jinżamm ordni pubbliku. Huma baqgħu hemm il-ġurnata kollha. Fi tmiem il-ġurnata, esprimew l-ammirazzjoni tagħhom għal dak li kienu semgħu u għall-kondotta bl-ordni li kienu osservaw. Wieħed minnhom ikkummenta: “Għala ntbgħatna hawnhekk? Nafu li x-Xhieda taʼ Jehovah jżommu l-ordni meta jkunu miġburin flimkien.”
14 Membru taʼ partit politiku f’pajjiż Afrikan ħarab lejn l-Ewropa meta l-membri l-oħrajn kollha tal-partit tiegħu ġew maqtulin. Hu esperjenza ħafna problemi persunali u sar skuraġġit ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar aċċetta studju tal-Bibbja. Waqt li kien qed jattendi għall-ewwel konvenzjoni distrettwali tiegħu, hu kien impressjonat li nies minn sfondi differenti kienu qed jiltaqgħu flimkien fil-paċi u fl-armonija. Kien konvint li kien sab il-verità, u matul dik il-konvenzjoni hu ddeċieda li jaqtaʼ l-konnessjonijiet politiċi kollha tiegħu. Iktar tard tgħammed, u issa flimkien maʼ wliedu qed jaqdi lil Jehovah.
15 Il-kondotta tagħna fil-konvenzjoni din is-sena kif se teffettwa lil dawk li għandhom mnejn ikunu qed jattendu għall-ewwel darba? Se jinnotaw l-ispirtu taʼ kooperazzjoni li huwa evidenti meta naħdmu flimkien bħala volontieri? Se jkunu impressjonati bl-indafa taʼ madwarna u billi jaraw li qabel nitilqu mill-post, aħna u wliedna niġbru kwalunkwe ħmieġ li forsi nġabar ħdejn is-siġġijiet tagħna? Se josservaw huma l-kondotta mill-aħjar tagħna waqt li nivvjaġġaw mid-dar għall-post tal-konvenzjoni u lura? Se jinnotaw li bħala ġenituri, qed nieħdu ħsieb mill-qrib taʼ wliedna l-ħin kollu? Ejjew niżguraw li nagħtu l-aħjar impressjoni possibbli lil dawk li josservawna.
16 Inkopru l-Ispejjeż tal-Konvenzjoni: Biljett tad-dħul għal siġġu f’avveniment sportiv jew xi wirja oħra f’xi stejdjum jew sala taʼ konvenzjoni jistaʼ jkun għali fid-dinja sekulari tal-lum. Dan minn banda huwa minħabba l-ħlas għali tal-kera. Is-Soċjetà dejjem kellha l-politika taʼ “siġġijiet b’xejn, ebda ġbir” fil-konvenzjonijiet. Kif, allura, se jitħallsu l-ħlas tal-kera u spejjeż oħrajn tal-konvenzjoni? Bil-kontribuzzjonijiet ġenerużi taʼ dawk li jattendu. Aħna ċerti li se turu spirtu taʼ ġenerożità bħal dak muri mill-qaddejja t’Alla fil-passat b’imitazzjoni t’Alla Jehovah u Ġesù Kristu. (2 Kor. 8:7) Se tingħata attenzjoni kbira biex jintgħamel ċert li l-kontribuzzjonijiet kollha jkunu fis-sigur, jinżamm kont tagħhom, u jiġu wżati għall-iskop intenzjonat tagħhom. Kwalunkwe kontribuzzjonijiet li jsiru b’ċekk iridu jkunu pagabbli lil “Watch Tower.”
17 Siġġijiet: Id-direzzjonijiet li ngħataw għal għadd taʼ snin se jkomplu japplikaw, jiġifieri, TISTAʼ ŻŻOMM SIĠĠIJIET BISS GĦAL MEMBRI IMMEDJATI TAL-FAMILJA TIEGĦEK U GĦAL MIN IKUN QIEGĦED JIVVJAĠĠA MIEGĦEK FIL-KAROZZA TIEGĦEK. Kienet xi ħaġa sabiħa li naraw titjib mill-aħjar f’dan ir-rigward, u dan żied l-atmosfera taʼ mħabba murija fil-konvenzjonijiet. Xi siġġijiet jistgħu jinkisbu iktar faċilment minn oħrajn. Jekk jogħġbok uri konsiderazzjoni, u ħalli siġġijiet iktar konvenjenti għax-xjuħ u oħrajn li minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom jeħtiġuhom. Ftakar li ‘l-imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha.’—1 Kor. 13:4, 5; Flp. 2:4.
18 Kámeras, Camcorders, u Awdjokasett Rikorders: Kámeras u apparat tar-rikording jistgħu jintużaw fil-konvenzjonijiet. Madankollu, l-użu tagħhom minnek m’għandux ikun qed ifixkel lil oħrajn. Li toqgħod tippassiġġa biex tieħu r-ritratti waqt is-sessjonijiet se jfixkel lil oħrajn li jkunu qed jipprovaw jikkonċentraw fuq il-programm. L-ebda tip taʼ tagħmir tar-rikording m’għandu jiġi mqabbad mas-sistemi taʼ l-elettriku u tas-sawnd, u lanqas m’għandu dan l-apparat jiżgombra kurituri, passaġġi, jew il-veduta t’oħrajn.
19 L-Ewwel Għajnuna: Id-Dipartiment taʼ l-Ewwel Għajnuna qiegħed biss għall-emerġenzi. Jekk jogħġbok aħseb int għal xi aspirina, xi għajnuniet għad-diġestjoni, faxex, labar tas-sarwâl, u oġġetti simili, peress li affarijiet bħal dawn m’humiex se jkunu disponibbli fil-konvenzjoni. Min isofri minn xi attakki, xokkijiet minħabba l-insulina, problemi tal-qalb, u affarijiet bħal dawn, għandu jġib miegħu l-medikazzjoni neċessarja. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn membru tal-familja tagħhom jew tal-kongregazzjoni li jifhem is-sitwazzjoni tagħhom u li jistaʼ jwieġeb għal xi emerġenza, jekk tinqalaʼ waħda. F’xi konvenzjonijiet inqalgħu xi problemi meta individwi bi problemi kroniċi taʼ saħħa tħallew waħedhom u ħassewhom ma jifilħux. Jekk xi wħud bi bżonnijiet speċjali taʼ saħħa m’għandhomx membri tal-familja li jistgħu jgħinuhom, l-anzjani se jkollhom bżonn jiġu informati bis-sitwazzjoni u għandhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji għall-għajnuna. M’huwiex possibbli li fil-konvenzjonijiet jintgħamlu provvedimenti għal kmamar speċjali biex jakkomodaw lil dawk li għandhom xi mard minħabba l-ambjent jew xi allerġiji.
20 Ikel fil-Konvenzjoni: Kull persuna fl-attendenza għandha ġġib l-ikel tagħha stess minflok ma tħalli l-faċilità waqt il-waqfa taʼ nofsinhar biex tixtri xi ħaġa minn barra. Xi ħaġa ħafifa li hija sustanzjuża u faċli biex tinġarr x’aktarx li tkun biżżejjed. L-insert taʼ l-Our Kingdom Ministry taʼ Mejju 1995, paragrafu 26, jagħtina ftit ideat taʼ x’għandna nġibu. Reċipjenti tal-ħġieġ u xorb alkoħoliku m’humiex permessi fil-faċilitajiet tal-konvenzjoni. Reċipjenti li jżommu l-ikel frisk jew basktijiet iridu jkunu żgħar biżżejjed biex jesgħu taħt is-siġġu tiegħek. Xi wħud fl-udjenza ġew osservati jieklu u jixorbu waqt il-programm. Dan juri nuqqas taʼ rispett lejn l-okkażjoni. Il-Kumitat tal-Konvenzjoni se jinformawkom jekk affarijiet oħrajn taʼ l-ikel se jkunu pprovduti mill-istaff tan-New Dolmen.
21 Kemm aħna ferħanin li l-Konvenzjoni “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” għall-1998 se tibda dalwaqt! Lestejt int il-pjanijiet tiegħek biex tattendi? Jalla jkollok vjaġġ qawwi u sħiħ u tmur lura d-dar irrifreskat, iddeterminat li timxi ’l quddiem fis-servizz prezzjuż taʼ Jehovah u tibqaʼ ssus wara l-mod taʼ ħajja t’Alla għall-barka eterna tiegħek.
[Kaxxa f’paġna 6]
Tfakkiriet Tal-Konvenzjoni
▪Magħmudija: Il-kandidati għall-magħmudija għandhom ikunu bil-qiegħda fis-sezzjoni imħejjija apposta għalihom qabel ma jibda l-programm is-Sibt fil-għodu. Kulmin qed jippjana li jitgħammed għandu jġib malja modesta u xugaman. Fil-passat xi wħud libsu tip taʼ ħwejjeġ li ma kienx xieraq u li naqqas il-valur taʼ l-okkażjoni. L-anzjani li jirrevedu l-mistoqsijiet fil-ktieb Our Ministry mal-kandidati għall-magħmudija għandhom ikunu ċerti li kull wieħed jifhem dawn il-punti. Il-magħmudija b’simbolu tad-dedikazzjoni taʼ dak li jkun hija kwistjoni intima u persunali bejn l-individwu u Jehovah. B’hekk, m’huwiex xieraq li l-kandidati jgħannqu lil xulxin jew iżommu id f’id waqt li jkunu qegħdin jitgħammdu.
▪Beġġ Kards: Jekk jogħġbok ilbes il-beġġ kard għall-1998 il-ħin kollu waqt li tkun fil-post tal-konvenzjoni u meta tkun qiegħed tivvjaġġa ’l hemm u lura. Dan taʼ spiss joħloqilna opportunitajiet biex nagħtu xiehda mill-aħjar. Il-beġġ kards u l-ħowlders għandhom jinkisbu mill-kongregazzjoni tagħkom, peress li dawn m’humiex se jkunu disponibbli fil-konvenzjoni. Toqgħodx tistenna sa ftit jiem qabel il-konvenzjoni biex issaqsi għal kards għalik u għall-familja tiegħek. Ftakar biex iġġorr fuqek l-Advance Medical Directive/Release kard kurrenti tiegħek.
▪Puxċers: Fil-biċċa l-kbira tal-lokalitajiet, il-puxċers ma jistgħux jintużaw f’postijiet fejn jinġemaʼ l-pubbliku. Ir-regolamenti tan-nar jipprojbixxu li dawn jitpoġġew fil-kurituri u fil-passaġġi jew bejn ringieli taʼ siġġijiet. Peress li folol kbar jistgħu joħolqu kundizzjonijiet taʼ imblokkar, il-puxċers huma potenzjalment perikolużi, kemm għat-tarbija u kemm għal xi ħadd li jistaʼ jitfixkel fihom. Mela jekk jogħġbok iġġibx puxċers ġewwa s-sala. Sîts tas-sigurtà għal trabi jew tfal marbutin mas-siġġijiet maġenb il-ġenituri huma permessi. Il-kooperazzjoni tiegħek hija importanti u apprezzata.
▪Servizz taʼ Volontieri: Tistaʼ twarrab ftit ħin fil-konvenzjoni biex tgħin f’wieħed mid-dipartimenti? Li taqdi lil ħutek, jekk biss għal ftit sigħat, se jkun taʼ għajnuna kbira u jġiblek ħafna sodisfazzjon persunali. Jekk tistaʼ tgħin, jekk jogħġbok irrapporta fid-Dipartiment tas-Servizz tal-Volontieri fil-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena jistgħu wkoll jagħtu kontribut mill-aħjar billi jaħdmu maʼ xi ġenitur jew xi adult responsabbli ieħor.
▪Kliem taʼ Twissija: Kun żgur li l-karozza tiegħek tkun imsakkra l-ħin kollu, u qatt tħalli xejn jidher biex tħajjar lil xi ħadd ikisser u jisraq. Il-ħallelin u dawk li jisirqu l-affarijiet mill-bwiet jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq laqgħat kbar. M’huwiex għaqli li tħalli oġġetti taʼ valur fuq is-siġġu tiegħek. Ma tistax tkun ċert li kulmin hemm madwarek huwa Kristjan. Għala toffri kwalunkwe tentazzjoni? Irċevejna rapporti t’attentati li saru minn uħud barranin biex iħajru lit-tfal għal warajhom. ŻOMMU LIL ULIEDKOM FEJN TARAWHOM IL-ĦIN KOLLU.
Jekk jogħġbok iċċempilx jew tikteb lil min imexxi s-sala tal-konvenzjoni, biex tikseb informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-konvenzjoni. Jekk għandek bżonn kwalunkwe informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lill-anzjani lokali tiegħek jew lill-Kumitat tal-Konvenzjoni.