Konvenzjoni Distrettwali “Messaġġiera tal-Paċi Divina” Għall-1996
1 Il-programm tal-konvenzjoni distrettwali taʼ din is-sena żgur se jgħinna nżommu l-paċi divina tagħna, u se jispjega l-irwol tagħna f’li ngħinu lil oħrajn biex isibu paċi bħal din. It-tema hija “Messaġġiera Tal-Paċi Divina.” Għamilt int il-pjanijiet tiegħek biex ma titlef xejn mill-programm?
2 Programm Taʼ Tlett Ijiem: Aħna nafu li se tgawdu bis-sħiħ il-konvenzjoni taʼ din is-sena u se tmorru lura d-dar b’enerġija mġedda. (2 Kron. 7:10) Din is-sena se jerġaʼ jkollna programm taʼ tlett ijiem. Għamilt int diġà l-arranġamenti tiegħek biex tieħu l-vaganzi mix-xogħol sekulari sabiex tkun tistaʼ tattendi għall-perijodu kollu?
3 Il-konvenzjoni distrettwali għal Malta se terġaʼ ssir fiċ-Ċentru għall-Konferenzi tal-Lukanda New Dolmen mit-13 sal-15 taʼ Settembru.
4 Il-programm se jibda fit-tlett ijiem kollha fid-9:30 a.m. u se jispiċċa l-Ħadd għall-ħabta taʼ l-4:00 p.m. Il-bibien se jinfetħu fit-8:00 a.m. L-uniċi li għandhom permess li jidħlu qabel dak il-ħin huma dawk b’inkarigi taʼ xogħol, u dawn m’humiex se jitħallew jerfgħu postijiet sakemm il-bini jinfetaħ għal kulħadd. Se nuru qalb tajba lejn ħutna l-anzjani u l-morda billi nħallu l-postijiet vojta f’inħawi li huma iktar konvenjenti u komdi? Ftakar li “l-imħabba . . . ma tfittixx l-interessi tagħha stess.”—1 Kor. 13:4, 5; Fil. 2:4.
5 Int Se Tiġi Misnun? Wara li kkwotat Proverbji 27:17, “Bil-ħadid, il-ħadid innifsu jinsenn,” il-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 t’Awissu 1993, osservat: “Aħna qisna għodda li rridu niġu misnunin regolarment. Ladarba li nuru mħabba lejn Jehovah u li nagħmlu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fidi tagħna jfisser li nkunu differenti mid-dinja, aħna l-ħin kollu rridu nieħdu triq differenti, biex ngħidu hekk, mill-maġġoranza.” Kif nistgħu napplikawh dak il-parir?
6 Aħna ninsabu u rridu nibqgħu differenti mid-dinja. L-isforz kontinwu biex dan inwettquh irid jibqaʼ għaddej jekk irridu nkunu żelużi għal xogħlijiet mill-aħjar. (Titus 2:14) Huwa għalhekk li The Watchtower imsemmi hawn fuq kompla jgħid: “Meta nkunu m’oħrajn li jħobbu lil Jehovah, insinnu lil xulxin—inħeġġu lil xulxin għall-imħabba u għal xogħlijiet mill-aħjar.” Il-konvenzjoni distrettwali hija waħda mill-provisti mingħand Jehovah biex tgħinna nibqgħu mqajmin spiritwalment. Ma nistgħu naffordjaw li nitilfu ebda parti mill-programm.
7 Persuna Għaqlija Se Tagħti Widen: Li wieħed jagħti widen hija arti li trid tiġi żviluppata. Intqal li l-individwu medju jiftakar biss in-nofs taʼ dak li semaʼ—avolja jaħseb li jkun ta widen bir-reqqa. Peress li ngħixu fi żmien taʼ distrazzjonijiet, xi kultant nistgħu nesperjenzaw diffikultà biex nikkonċentraw għal perijodi twal. Nistgħu nipprovaw inżidu l-ammont li fih nagħtu attenzjoni, speċjalment meta nkunu qegħdin bil-qiegħda f’udjenza kbira, nisimgħu lil xi ħadd jitkellem? Li kieku kellek tiġi mistoqsi biex tgħid fil-qosor x’kien fih il-programm taʼ kull ġurnata wara li tkun mort id-dar mill-konvenzjoni, tkun tistaʼ tagħmel hekk? Kif nistgħu lkoll kemm aħna ntejbu l-abbiltà tagħna f’li nagħtu widen u f’li nagħtu attenzjoni mill-qrib għal kull parti ppreżentata fil-programm tal-konvenzjoni?
8 Interess ħerqan huwa essenzjali, għax ir-rigal divin tal-memorja ma jistax jaħdem b’effiċjenza mingħajru. Per eżempju, iktar ma individwu juri interess f’suġġett, iktar huwa faċli li jiftakar il-punti prinċipali taʼ taħdita jew taʼ parti fil-programm. Madankollu, jiddependi ħafna fuq li nagħtu attenzjoni iktar mis-soltu għall-affarijiet li għandna l-privileġġ li nisimgħu fil-konvenzjonijiet distrettwali. L-interess ħerqan tagħna u li noqogħdu attenti għal kull parti tal-programm tal-konvenzjoni se jeffettwa l-kundizzjoni spiritwali preżenti tagħna kif ukoll il-prospetti futuri tagħna. Fil-konvenzjonijiet niġu mgħallmin il-modi taʼ Jehovah u ningħataw istruzzjonijiet biex inwettqu xogħol li jsalva l-ħajjiet. (1 Tim. 4:16) Immaġina lilek innifsek bħala vapur f’baħar imqalleb bil-maltemp. Il-wegħdi taʼ Jehovah huma l-ankra soda tat-tama. Jekk individwu ma joqgħodx attent waqt programmi Kristjani u jħalli lil moħħu jiġri bih, jistaʼ jitlef punti vitali taʼ pariri u istruzzjonijiet li bihom ikun jistaʼ jevita li jsofri nawfraġju spiritwali.—Eb. 2:1; 6:19.
9 F’ħafna partijiet tad-dinja, ħutna jagħmlu sforz fiżiku qawwi biex jattendu l-laqgħat. Huwa meraviljuż li tarahom b’dik l-attenzjoni kollha fil-konvenzjonijiet. F’xi postijiet, iżda, individwi fixklu lil oħrajn billi qagħdu jduru ’l hemm u ’l hawn fil-bini tal-konvenzjoni matul is-sessjonijiet. Oħrajn jiġu tard. F’xi konvenzjonijiet li għaddew, kien diffiċli li wieħed jismaʼ l-ewwel ftit minuti tal-programm minħabba ħafna wħud iduru ’l hemm u ’l hawn fis-sala. Dawn taʼ spiss m’humiex aħwa rġiel fuq inkarigi taʼ xogħol jew ommijiet li qegħdin jieħdu ħsieb lit-tfal żgħar tagħhom. Din is-sena d-Dipartiment taʼ l-Attendants se jagħti iktar attenzjoni għall-problema, u nisperaw li kulħadd ikun bil-qiegħda meta ċ-chairman jistedinna biex nagħmlu hekk. Tkun apprezzata ħafna l-koperazzjoni tagħkom f’dan ir-rigward.
10 X’suġġerimenti prattiċi se jgħinuna biex noqogħdu iktar attenti għall-programm tal-konvenzjoni u biex niftakru iktar minn dak li jiġi ppreżentat? Taʼ min jerġaʼ jirrepeti dak li ntqal fis-snin li għaddew: (a) Iffoka fuq ir-raġuni prinċipali għala sejjer il-konvenzjoni. Sejjer, mhux biex tieħu sehem f’rikreazzjoni, imma biex tagħti widen u titgħallem. (Dewt. 31:12) Ipprova ħu mistrieħ biżżejjed kull lejl. Jekk tiġi għajjien ħafna għall-konvenzjoni, ikun diffiċli li żżomm moħħok hemm. (b) Ħalli ħin biżżejjed biex tipparkja l-karozza tiegħek u biex issib post bil-qiegħda qabel ma jibda l-programm. Taʼ spiss jirriżulta li, jekk tmur tiġri tfittex post fl-aħħar minuta, titlef ftit mill-parti tal-ftuħ. (ċ) Ħu noti qosra tal-punti prinċipali. Li tieħu ħafna noti żejda jistaʼ jfixklek milli tagħti widen sew. Meta tkun qiegħed tikteb, kun ċert li ma titlifx punti oħrajn għax tkun mitluf tieħu n-noti tiegħek. (d) Meta tiġi introdotta parti fil-konvenzjoni, ħares lejha bil-quddiem. Staqsi lilek innifsek: ‘X’nistaʼ nitgħallem minn din il-parti li se jżid l-apprezzament u l-imħabba tiegħi lejn Jehovah? Din l-informazzjoni kif tistaʼ tgħinni biex nuri l-personalità ġdida iktar bis-sħiħ? Din kif se tgħinni biex nitjieb fil-ministeru tiegħi?’
11 Kondotta Li Ssebbaħ Il-Ministeru Tagħna: Pawlu ħeġġeġ lil Titus biex juri lilu nnifsu bħala “eżempju taʼ xogħlijiet mill-aħjar.” Billi juri nuqqas taʼ korruzzjoni fit-tagħlim tiegħu, Titus kien b’hekk se jgħin lil oħrajn biex “iżejnu t-tagħlim tas-Salvatur tagħna, Alla, fl-affarijiet kollha.” (Titus 2:7, 10) Kull sena, nirċievu tfakkiriet b’imħabba rigward għala l-kondotta kif irid Alla hija daqshekk importanti meta nkunu qegħdin nivvjaġġaw għal jew lura mill-konvenzjoni, kif ukoll meta nkunu f’lukandi u f’restoranti u fil-konvenzjoni nfisha. Is-sena l-oħra erġajna smajna ftit kummenti li jqawwu l-qalb li nixtiequ naqsmu magħkom.
12 Fil-waqt li dawk li jmexxu l-Lukanda New Dolmen huma favorevoli ħafna lejn l-organizzazzjoni tagħna, madankollu, ma rridux li nieħdu vantaġġ minn dan. Irridu li l-ħaddiema jibqgħu jħarsu lejna bħala grupp li huwa paċenzjuż, li jikkopera, u li noqogħdu għassa taʼ wliedna.
13 Mill-banda l-oħra, hemm wisgħa għal titjib f’ċerti nħawi. Nixtiequ naqsmu magħkom xi ftit osservazzjonijiet li ntbagħtu lis-Soċjetà. Jidher li xi tfal għandhom bżonn iktar superviżjoni fil-lukanda. Xi wħud dehru jiġru fil-kurituri, u jagħmlu ħafna storbju li jtellef lill-mistednin l-oħra tal-lukanda. Il-kondotta tagħna fil-lukanda, fir-restoranti, u fit-toroq għandha tkun onorabbli daqs kemm meta nkunu bil-qiegħda maʼ ħutna matul is-sessjonijiet, waqt li niġu mgħallmin minn Jehovah.—Isa. 54:13; 1 Piet. 2:12.
14 Huma involuti spejjeż konsiderevoli biex tinkera l-faċilità, u biex isiru affarijiet oħrajn. Id-donazzjonijiet volontarji tagħna jkopru dawn l-ispejjeż. Waħda oħt bi tfal adolexxenti marret il-konvenzjoni bi ftit flus fuqha. Madankollu, hi u wliedha xorta għenu b’kontribuzzjoni żgħira. Dak li kull wieħed jiddeċiedi li jagħmel f’dan ir-rigward hija xi ħaġa persunali, imma nafu li tapprezzaw tfakkiriet bħal dawn.—Atti 20:35; 2 Kor. 9:7.
15 Nintgħarfu Mill-Mod Kif Nilbsu: Il-mod kif nilbsu juri ħafna dwarna u dwar is-sentimenti tagħna lejn oħrajn. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ u ħafna adulti fl-iskola jew fuq il-post tax-xogħol tagħhom huma mdawrin bi stili taʼ lbies żmattat u li jdumu fil-moda għal ftit żmien biss. Kull sena l-istili taʼ l-ilbies isiru iktar estremi, saħansitra xokkanti. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu faċilment niġu influwenzati minn sħabna tad-dinja biex nilbsu bħalhom. Ħafna stili m’humiex xierqa li wieħed jilbishom fil-laqgħat għall-qima. Nota li rċevejna wara waħda mill-konvenzjonijiet tas-sena l-oħra fl-Istati Uniti esprimiet l-apprezzament lejn il-programm imma kompliet tgħid: “Tħassibt għala kien hemm daqstant tfajliet lebsin ilbiesi qosra, flokkijiet skullati, u qsim twil tad-dbielet.” Żgur li lkoll kemm aħna nixtiequ nilbsu b’mod li jixraq lil ministri Kristjani kemm fil-konvenzjoni kif ukoll waqt li nagħmluha maʼ l-aħwa wara l-programm. Nagħmlu tajjeb li f’kull ħin nirriflettu fuq il-parir taʼ l-appostlu Pawlu għall-Kristjani biex ikunu mżejnin “b’ilbies irranġat sewwa, bil-modestja u moħħ f’loku.”—1 Tim. 2:9.
16 Min għandu jiddetermina x’inhu lbies modest, “irranġat sewwa”? Li l-ilbies ikun modest ifisser li jkun “la insolenti u lanqas li tagħmel l-arja bih.” Id-dizzjunarju jfisser ukoll il-kelma modest bħala “mingħajr pretensjoni.” La s-Soċjetà u lanqas l-anzjani m’għandhom jistabbilixxu regoli dwar l-ilbies u l-maxta. Minkejja dan, m’għandux ikun ċar għal wieħed Kristjan liema stili taʼ lbies huma sempliċement mhux modesti jew diċenti? (Qabbel Filippin 1:10.) Il-maxta u l-ilbies tagħna m’għandhomx jattiraw attenzjoni żejda. Irridu nidhru aċċettabbli fid-dehra, mhux bħal tad-dinja jew offensivi. Bħala ministri taʼ l-aħbar tajba, li nkunu lebsin ilbies u li jkollna maxta xierqa matul iż-żmien li nkunu fil-post fejn issir il-konvenzjoni distrettwali jġib unur lil Jehovah u jirrifletti sewwa fuq l-organizzazzjoni. Għalhekk, il-ġenituri se jagħtu l-eżempju u mbagħad ikunu ċerti li wliedhom jilbsu kif jixraq għall-okkażjoni. L-anzjani jridu jagħtu eżempju tajjeb u jkunu lesti li joffru pariri bl-imħabba jekk ikun hemm bżonn.
17 Cameras, Camcorders, u Audiocassette Recorders: Huwa permissibbli li jintużaw cameras jew tagħmir ieħor li jirrekordja, basta li nuru konsiderazzjoni lejn oħrajn li qegħdin jattendu. Jekk noqogħdu nduru nieħdu r-ritratti matul is-sessjonijiet, mhux biss se ntellfu lil oħrajn li qegħdin jipprovaw jagħtu widen imma se nitilfu ftit mill-programm aħna stess. Taʼ spiss nibbenefikaw iktar mill-konvenzjoni jekk nagħtu attenzjoni mill-qrib lejn il-kelliema u nieħdu noti moderati. Forsi aħna nkunu qegħdin nirrekordjaw għal xi ħu jew oħt li ma jistgħux joħorġu mid-dar; madankollu, għall-użu persunali tagħna, meta mmorru lura d-dar għandna mnejn insibu li wara li rrekordjajna ħafna sigħat mill-programm, ma nsibux ħin għalina biex nirrevedu kważi dak kollu li rrekordjajna. L-ebda tip taʼ tagħmir taʼ l-irrekordjar m’għandu jiġi mqabbad mas-sistemi tad-dawl u tas-smigħ, u lanqas m’għandu t-tagħmir jiżgombra kurituri, passaġġi, jew il-veduta t’oħrajn.
18 Siġġijiet: Qegħdin inkomplu naraw titjib fil-kwistjoni taʼ li nerfgħu siġġijiet. Is-sena l-oħra, il-biċċa l-kbira minnkom segwew id-direzzjonijiet: TISTAʼ ŻŻOMM SIĠĠIJIET BISS GĦAL MEMBRI IMMEDJATI TAL-FAMILJA TIEGĦEK U GĦAL MIN IKUN QIEGĦED JIVVJAĠĠA MIEGĦEK FIL-KAROZZA TIEGĦEK. X’aktarx li sibt li kien taʼ inqas uġigħ taʼ ras għaliex ħafna kienu qegħdin isegwu dawn id-direzzjonijiet ċari. Saħansitra iktar importanti, li għamiltu kif kien mitlub għoġob lil Jehovah u lill-“irsir leali,” li jagħti l-ikel spiritwali.—Matt. 24:45.
19 Hemm għadd li dejjem jikber t’aħwa li għandhom bżonnijiet speċjali taʼ saħħa. Xi wħud jiġu għall-konvenzjoni fis-siġġijiet tar-roti u jridu jieħdu ħsiebhom il-membri tal-familja. Oħrajn qegħdin jieħdu mediċini diversi għal mard kroniku bħal per eżempju problemi jew attakki tal-qalb. Verament iqawwilna qalbna li naraw lil dawn l-aħwa għeżież irġiel u nisa fil-konvenzjoni, determinati li ma jitilfu xejn mill-ikel spiritwali. Madankollu, xi drabi, kien hemm il-problema li xi persuni jħossuhom ma jifilħux matul il-konvenzjoni, mingħajr ma jkun hemm membri tal-familja jew tal-kongregazzjoni biex jagħtu l-għajnuna. F’ċerti każi l-amministrazzjoni tal-konvenzjoni kellha ċċempel għal servizz mediku urġenti biex jieħu lil xi ħu jew oħt l-isptar. Ir-responsabbiltà għall-kura taʼ dawk morda kronikament għandha primarjament taqaʼ fuq membri tal-familja u qraba. Id-Dipartiment taʼ l-Ewwel Għajnuna fil-konvenzjoni m’huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi kura għal dawk morda kronikament. Jekk xi membru tal-familja tiegħek għandu bżonn kura speċjali, jekk jogħġbok kun ċert li ma jitħalliex waħdu f’każ li tqum emerġenza. Flimkien maʼ dan, ma se jkun hemm l-ebda arranġament fil-konvenzjonijiet għal kmamar speċjali biex jakkomodaw lil dawk li għandhom allerġiji li jimpeduhom li jpoġġu bil-qiegħda mal-kumplament taʼ l-udjenza. L-anzjani jridu joqogħdu għassa għal xi wħud fil-kongregazzjoni tagħhom li għandhom bżonnijiet speċjali taʼ saħħa u jkunu ċerti li jsiru arranġamenti għall-kura tagħhom minn qabel.
20 Bżonnijiet Taʼ L-Ikel Fil-Konvenzjoni: L-ebda ikel ma se jiġi pprovdut mill-volontieri fil-konvenzjoni imma se jsiru arranġamenti, bħal fis-snin taʼ qabel, biex xi ikel jiġi pprovdut mill-ħaddiema tal-lukanda fil-qasam taʼ l-ikel. Iktar ma toqrob il-konvenzjoni, il-kumitat tal-konvenzjoni distrettwali se javżakom dwar x’ikel se jintgħamel disponibbli u l-prezz tiegħu. Tistgħu tieħdu ftit minuti biex tirrevedu paragrafu 26 taʼ l-insert taʼ l-Our Kingdom Ministry taʼ Mejju 1995, rigward suġġerimenti taʼ x’ikel prattiku u sustanzjuż nistgħu nieħdu magħna għall-konvenzjoni. Jekk jogħġobkom ftakru li m’għandhomx jiddaħħlu fil-faċilità tal-konvenzjoni xi reċipjenti tal-ħġieġ jew xorb alkoħoliku. Jekk hemm bżonn taʼ reċipjenti li jkessħu, dawn għandhom joqogħdu sew taħt is-siġġu tiegħek. Żommu f’moħħkom li hemm ħin biżżejjed matul il-waqfa taʼ nofs in-nhar biex tieklu u tixorbu dak li ġġibu. Bħalma nagħmlu matul il-laqgħat fis-Swali tas-Saltna, dejjem inżommu lura milli nieklu matul is-sessjonijiet tal-konvenzjoni. B’hekk nuru rispett lejn l-arranġament għall-qima u lejn l-ikel spiritwali li qiegħed jiġi pprovdut.
21 Dalwaqt se jibdew l-ewwel Konvenzjonijiet Distrettwali “Messaġġiera Tal-Paċi Divina.” Lestejt int il-preparazzjonijiet tiegħek biex tattendi, u lest issa biex tgawdi tlett ijiem taʼ sħubija hienja u affarijiet spiritwali tajbin? Hija t-talba sinċiera tagħna li Jehovah ibierek l-isforzi tiegħek biex tattendi l-konvenzjoni taʼ dan is-sajf.
Tfakkiriet Tal-Konvenzjoni Distrettwali
Magħmudija: Kandidati għall-magħmudija għandhom ikunu bil-qiegħda f’posthom fis-sessjoni magħżula qabel ma jibda l-programm is-Sibt fil-għodu. Ġie osservat li xi wħud jilbsu tipi taʼ ħwejjeġ li m’humiex dinjitużi u li jnaqqsu l-valur taʼ l-okkażjoni. Kull wieħed li bi ħsiebu jitgħammed irid iġib miegħu malja modesta u xugaman. Anzjani tal-kongregazzjoni li jirrevedu l-mistoqsijiet mal-kandidati għall-magħmudija minn fuq il-ktieb Our Ministry iridu jkunu ċerti li kull wieħed jifhem dawn il-punti. Wara li ssir it-taħdita tal-magħmudija u t-talba mill-kelliemi, iċ-chairman tas-sessjoni jagħti istruzzjonijiet qosra lill-kandidati u mbagħad iħabbar l-għanja. Wara l-aħħar strofa, l-attendants jidderieġu lill-kandidati lejn il-post fejn se ssir il-magħmudija. Peress li l-magħmudija f’simbolu tad-dedikazzjoni taʼ dak li jkun hija xi ħaġa intima u persunali bejnu u bejn Jehovah, m’hemmx lok għall-hekk imsejħin magħmudijiet bil-pari fejn żewġ kandidati tal-magħmudija jew iktar jitgħannqu jew iżommu id f’id waqt li jkunu qegħdin jiġu mgħammdin.
Badge Cards: Jekk jogħġobkom ilbsu l-badge card taʼ l-1996 għall-konvenzjoni u waqt li tkunu qegħdin tivvjaġġaw għal u lura mill-post tal-konvenzjoni. Dan taʼ spiss jagħmilha possibbli għalina li nagħtu xiehda mill-aħjar waqt li nivvjaġġaw. Għandkom tiksbu l-badge cards u l-holders mill-kongregazzjoni tagħkom, peress li m’humiex se jkunu disponibbli fil-konvenzjoni. Toqogħdux tistennew sa ftit jiem qabel il-konvenzjoni biex tistaqsu għal cards għalikom u għall-familja tagħkom. Ftakru biex iġġorru fuqkom il-biljett kurrenti tagħkom taʼ Direttiva Medika Bil-Quddiem/Li Teħles Lit-Tobba.
Pushchairs: Hemm verament ftit wisq spazju għal pushchairs fiċ-Ċentru għall-Konferenzi tan-New Dolmen. Fi kwalunkwe każ, regolamenti tan-nar jipprojbixxu li dawn jitpoġġew fil-kurituri jew fil-passaġġi jew bejn ringieli taʼ siġġijiet. Peress li folol kbar jistgħu joħolqu kundizzjonijiet taʼ imblokkar, il-pushchairs huma potenzjalment perikolużi mhux biss għat-tarbija imma wkoll għal xi ħadd li jistaʼ jitfixkel fihom. Mela jekk jogħġobkom idaħħluhomx fis-sala. Madankollu, wieħed jistaʼ juża siġġijiet tat-trabi jew tal-karozzi, peress li dawn jistgħu jintrabtu mas-siġġijiet taʼ maġenb il-ġenituri. Hija apprezzata l-koperazzjoni tagħkom f’dawn l-affarijiet.
Servizz Taʼ Volontieri: Tistaʼ int twarrab ftit ħin fil-konvenzjoni biex tgħin f’wieħed mid-dipartimenti? Li naqdu lil ħutna, saħansitra jekk għal ftit sigħat biss, jistaʼ jkun taʼ ħafna għajnuna u jġib ammont tajjeb taʼ sodisfazzjon. Jekk tistaʼ tgħin, jekk jogħġbok irrapporta lid-Dipartiment tas-Servizz tal-Volontieri fil-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena jistgħu wkoll jagħtu kontribut mill-aħjar billi jaħdmu taħt id-direzzjoni taʼ xi ġenitur jew taʼ xi adult responsabbli ieħor.
Kliem Taʼ Twissija: Oqogħdu għassa għal xi problemi potenzjali sabiex tevitaw diffikultajiet bla bżonn. Taʼ spiss il-ħallelin u individwi taʼ bla skruplu jduru għal nies li huma ’l bogħod mill-ambjent tad-dar tagħhom. Kunu ċerti li l-karozza tagħkom tkun imsakkra l-ħin kollu, u qatt tħallu xi ħaġa tidher li tħajjar lil xi ħadd biex ikisser u jisraq. Il-ħallelin u dawk li jisirqu l-affarijiet mill-bwiet jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq laqgħat kbar. Ma jkunx għaqli li tħallu oġġetti taʼ valur fuq is-siġġu tagħkom. Ma tistgħux tkunu ċerti li kulmin hemm madwarkom hu Kristjan. Għala toffru xi tentazzjoni? Irċevejna rapporti li f’xi pajjiżi saru attentati minn uħud barranin biex iħajru lit-tfal għal warajhom. ŻOMMU LIL ULIEDKOM FEJN TARAWHOM IL-ĦIN KOLLU.
Jekk jogħġobkom iċċemplux jew tiktbu lil min imexxi l-lukanda New Dolmen biex tiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe affarijiet fuq il-konvenzjoni. Tistgħu tiksbu bla dewmien kwalunkwe informazzjoni li forsi teħtieġu mingħand l-anzjani lokali tagħkom. Jekk l-anzjani ma jistgħux jagħtukom l-informazzjoni dak il-ħin, jistgħu jakkwistawhielkom mingħand il-kumitat tal-konvenzjoni distrettwali.