Konvenzjoni Distrettwali “Fidi Fil-Kelma T’Alla” Għall-1997
1 L-appostlu Pawlu fakkar lil Timotju li “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Tim. 3:16) Ladarba l-Kelma t’Alla hija mnebbħa, għandna kull raġuni għalxiex neżerċitaw fidi fiha. It-tema tal-konvenzjoni distrettwali għal din is-sena hija “Fidi Fil-Kelma T’Alla.” Il-programm se jsaħħaħ il-fidi tagħna fil-Bibbja, kemm jekk ilna nafu l-verità għal ħafna snin u kemm jekk m’ilniex wisq li għamilna kuntatt maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Ilkoll kemm aħna għandna nagħmlu arranġamenti sabiex nattendu l-programm kollu. Kemm tkun xi ħaġa li tibnina jekk xi wħud li għadhom kif bdew juru interess, partikolarment dawk li nistudjaw il-Bibbja magħhom, jattendu magħna!
2 Konvenzjoni Taʼ Tlett Ijiem: Din is-sena ġie mħejji għall-benefiċċju tagħna programm għal konvenzjoni distrettwali taʼ tlett ijiem. Il-konvenzjoni distrettwali għal Malta hija għal darb’oħra maħsuba li ssir fin-New Dolmen Hotel fi tmiem il-ġimgħa taʼ bejn it-12 u l-14 taʼ Settembru, 1997. Nafu li se tagħmlu pjanijiet definiti biex tattendu t-tlett ijiem kollha tal-programm. Avviċinajt int lill-imgħallem tiegħek biex tieħu l-leave meħtieġ? Jekk għandek tfal li għadhom l-iskola u l-konvenzjoni tinzerta fil-perijodu taʼ l-iskola, informajt kif jixraq lill-għalliema tagħhom li wliedek se jkunu assenti l-Ġimgħa minħabba din il-parti importanti mit-taħriġ reliġjuż tagħhom?—Dewt. 31:12.
3 Se jerġgħu jsiru arranġamenti biex il-programm ikun jistaʼ jinstemaʼ kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż.
4 Il-programm se jibda kuljum fid-9.30 taʼ fil-għodu. Il-bibien se jinfetħu fit-8.00 taʼ fil-għodu. L-uniċi wħud li se jitħallew jidħlu qabel dak il-ħin huma dawk b’inkarigi taʼ xogħol, imma m’humiex se jitħallew jerfgħu xi postijiet qabel ma l-bini jinfetaħ għal kulħadd.—Flp. 2:4.
5 Nagħmlu Tajjeb Jekk Noqogħdu Attenti: L-appostlu Pawlu fakkar lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li kienu jagħmlu tajjeb jekk joqogħdu attenti għall-kelma profetika bħal li kieku xi lampa tiddi f’post mudlam. (2 Piet. 1:19) Dan huwa minnu fil-każ tagħna wkoll. Li ngħixu f’din id-dinja qadima li qiegħda taħt il-kontroll taʼ Satana huwa bħal li kieku qegħdin f’post mudlam. Aħna grati li ġejna msejħin ’il barra mid-dlam spiritwali. (Kol. 1:13; 1 Piet. 2:9; 1 Ġwn. 5:19) Biex nibqgħu fid-dawl, jeħtieġ li nżommu l-fidi tagħna qawwija billi noqogħdu attenti għall-Kelma ispirata taʼ Jehovah. Il-konvenzjoni distrettwali tagħna taʼ dan is-sajf se tinkuraġġina biex nagħmlu eżatt hekk.
6 Forsi se jkun hemm bżonn taʼ sforz min-naħa tagħna biex nikkonċentraw fuq il-programm, imma żgur li se nitbierku talli nagħmlu hekk. Għandna nistinkaw biex naslu fuq il-post tal-konvenzjoni mistriħin sew sabiex inkunu moħħna hemm matul is-sessjonijiet. Kuljum, ara li tasal fuq il-post tal-konvenzjoni kmieni biżżejjed sabiex issib postok qabel ma jibda l-programm. Imbagħad ħu sehem fl-għanja tal-ftuħ u t-talba fil-bidu tal-programm taʼ kull ġurnata. L-adulti għandhom jagħtu eżempju, u l-ġenituri għandhom iħarrġu lil uliedhom.—Efe. 6:4.
7 Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn it-titli tal-partijiet qabel ma jibda l-programm tal-jum, nistgħu nipprovaw nantiċipaw x’punti jistgħu joħorġu matul dik is-sessjoni. Dan se jkattar l-interess tagħna fil-materjal meta jiġi ppreżentat. Nistgħu noqogħdu attenti għal xi punti li se jgħinuna nesprimu m’oħrajn għala nemmnu f’Alla u fil-wegħda ċerta tiegħu li se jippremja lil dawk li qegħdin ifittxuh bil-ħrara. (Ebr. 11:1, 6) Ġie rrikmandat li nieħdu xi noti qosra biex jgħinuna niftakru l-punti prinċipali tal-programm. Jekk nieħdu wisq noti, jistgħu jaqbżulna xi punti prinċipali għax inkunu wisq aljenati niktbu.
8 Is-sena li għaddiet reġgħu ġew osservati ħafna adulti u żgħażagħ igawdu l-faċilitajiet tal-lukanda u jduru u jagħqdu barra waqt li l-programm kien għaddej minflok ma qagħdu jagħtu widen għal dak li “l-irsir leali u diskret” kien ipprovda għall-benefiċċju tagħna. Ġesù wiegħed li jagħtina ikel spiritwali fiż-żmien xieraq. (Matt. 24:45-47, NW) Għalhekk, irridu nkunu preżenti biex nibbenefikaw minn dak l-ikel u mhux nuru nuqqas t’apprezzament. (2 Kor. 6:1) Jidher ukoll li meta xi tfal jibdew jiddejqu, taʼ spiss jitolbu biex imorru sat-toilet bħala skuża biex iqumu u jduru dawra. Taħriġ kif jixraq fid-dar taʼ spiss inaqqas il-bżonn li wieħed joqgħod ġej u sejjer it-toilet. Xi drabi, żgħażagħ ftit akbar joqogħdu bil-qiegħda ħdejn xulxin, ipaċpċu, ipespsu, u jgħaddu n-noti lil xulxin. Iż-żgħażagħ tagħna, li llum jiffaċċjaw ħafna pressjonijiet, għandhom bżonn jikkonċentraw fuq il-materjal li jkun qiegħed jiġi ppreżentat, u mhux jagħmlu affarijiet oħrajn matul il-programm. Xewqat taż-żgħożija li ma jaqblux mal-prinċipji tal-Bibbja għandhom jiġu evitati. (Qabbel 2 Timotju 2:22.) Li kulħadd joqgħod attent, kemm adulti u kemm żgħażagħ, se jonora lil Jehovah u jagħmlu ferħan.
9 Jekk isir neċessarju għal wieħed mill-attendants li jwissi lil xi ħadd dwar dawn l-affarijiet, dan għandu jiġi aċċettat bħala provvediment taʼ mħabba mingħand Jehovah. (Gal. 6:1) Ilkoll kemm aħna rridu niftakru li r-raġuni għala nagħmlu tant sforz biex nattendu l-konvenzjoni hija sabiex inkunu nistgħu ‘nisimgħu u nitgħallmu.’ (Dewt. 31:12) Ukoll, “jismaʼ wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu.” (Prov. 1:5) Fiż-żmien li fadal qabel ma tattendu l-konvenzjoni, iddiskutu bħala familja l-bżonn li tpoġġu bil-qiegħda flimkien fl-udjenza, tibqgħu bil-qiegħda matul il-programm, u toqogħdu ħafna attenti, sabiex tiksbu l-iktar benefiċċju sħiħ mill-programm.
10 Tiżjin Li Jogħġob Lil Jehovah: In-nies taʼ Jehovah qegħdin bħal wirja għad-dinja kollha biex tarahom. (1 Kor. 4:9) Aħna ġeneralment magħrufin għal-livell mill-aħjar taʼ l-ilbies u l-maxta. Billi applikaw il-prinċipji Skritturali misjubin fl-1 Timotju 2:9, 10 u fl-1 Pietru 3:3, 4 ħafna għamlu bidliet kbar fid-dehra tagħhom meta tqabbilhom maʼ kif kienu jidhru meta bdew jissieħbu mal-kongregazzjoni Kristjana. Dan huwa f’kuntrast qawwi mal-livelli li dejjem sejrin għall-agħar fl-ilbies u fil-maxta li naraw fid-dinja. Irridu noqogħdu għassa li ma nsirux bħal tad-dinja fid-dehra tagħna—billi nilbsu ħwejjeġ taʼ barra minn hawn, billi nippromwovu xi stil taʼ xagħar dinji u tal-mument, jew billi nilbsu b’mod immodest. L-ilbies u l-maxta eżemplari tagħna għandhom jgħinu lil uħud ġodda li jattendu l-konvenzjoni biex jaraw kif il-Kristjani għandhom iżejnu lilhom infushom.
11 Fil-waqt li l-impressjoni ġenerali li tħalliet bħala riżultat tal-konvenzjonijiet tas-sena l-oħra kienet favorevoli ħafna, ilbies u maxta dinjin għadhom ikunu taʼ problema għal xi aħwa rġiel u nisa, speċjalment matul il-ħin taʼ rilassar taʼ wara. Waqt li nkunu qegħdin nagħmlu l-pjanijiet tagħna biex nattendu l-konvenzjoni, għandna nanalizzaw lilna nfusna rigward l-ilbies u l-maxta tagħna. Ġenituri, iflu bil-għaqal x’se jilbsu t-tfal żgħar u ż-żgħażagħ tagħkom. Kunu ċerti li m’aħniex inħallu xi stili jew modi dinjin ikollhom effett ħażin fuq id-dehra Kristjana tagħna.
12 Inżommu Kondotta Mill-Aħjar: Kondotta mill-aħjar hija karatteristika tal-veri Kristjani. (1 Piet. 2:12) Il-mod kif inġibu ruħna kulfejn inkunu—fil-konvenzjoni, f’xi restoranti, u fil-lukanda, u kif ukoll meta nivvjaġġaw—jistaʼ jagħti xiehda mill-aħjar u jgħin lil oħrajn jaraw x’tistaʼ tagħmel għan-nies il-fidi f’Alla u fil-Kelma tiegħu. Dan jistaʼ jqanqal lil xi wħud biex isiru jafu lil Jehovah. (Qabbel 1 Pietru 3:1, 2.) Aħna għandna l-privileġġ li nigglorifikaw lil Alla bil-kondotta tagħna. Id-diriġenti taʼ lukanda fl-Istati Uniti qalu li d-delegati tagħna huma “l-iktar grupp mill-aħjar u li jġib ruħu sew li huma jospitaw.” Dawn żiedu: “Se jkun privileġġ li nerġgħu narawkom fil-futur.” Uffiċċju governattiv li jippromwovi t-turiżmu u l-konvenzjonijiet fil-Majjistral taʼ l-Istati Uniti kiteb: “Kull sena, il-konferenza tal-Watchtower Society tkun mistennija bil-ħerqa mill-komunità tagħna kollha. Il-membri tagħkom fihom verament għaxqa; iġibu ruħhom bil-korteżija u r-rispett kollu. In-negozjanti tagħna jagħrfuh dan u jħarsu ’l quddiem kull sena lejn ir-ritorn tal-‘familja’ tagħhom taʼ mistednin.” Rapporti bħal dawn jagħtuk pjaċir li taqrahom, hux hekk? Huwa dan il-mod kif dawk li jmexxu n-New Dolmen iħarsu lejna? Hemm il-bżonn li nibqgħu viġilanti sabiex nippreservaw ir-reputazzjoni tajba tal-poplu taʼ Jehovah.
13 Ġew mogħtijin ħafna tfakkiriet dwar li nikkontrollaw lil uliedna, u mhux inħalluhom jiġru waħedhom ’l hemm u ’l hawn fil-lukanda, u jdejqu lil mistednin oħrajn. Għalkemm il-konvenzjonijiet jipprovdulna l-opportunità li nżuru u nissieħbu mal-fratellanza tagħna, il-ġenituri xorta jridu jżommu f’moħħhom l-obbligu tagħhom li jipprovdu superviżjoni għal uliedhom il-ħin kollu. Din hija responsabbiltà li Jehovah jitfaʼ fuq kull ġenitur. (Prov. 1:8; Efe. 6:4) Dak li jagħmlu t-tfal meta ma jkunux taħt il-ħarsien taʼ xi ħadd jistaʼ jdgħajjef ir-reputazzjoni tajba li Xhieda taʼ Jehovah oħrajn ħadmu iebes biex jibnu.—Prov. 29:15.
14 Żommu f’moħħkom li t-tips huma xi ħaġa xierqa meta tirċievu servizz persunali, speċjalment meta tqis li ħafna minn dawk li jaqdu lill-pubbliku, bħalma huma waiters, waitresses, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, u li jwasslulek il-bagalji sal-kamra, jiddependu l-biċċa l-kbira fuq it-tips biex jaqilgħu l-għajxien. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, irridu nuru manjieri tajbin f’dan ir-rigward ukoll.—Ara l-Awake! tat-22 taʼ Ġunju, 1986, paġni 24-7.
15 Inkopru L-Ispejjeż Tal-Konvenzjoni: Ilkoll kemm aħna se jkollna xi spejjeż li għandhom x’jaqsmu maʼ li nattendu l-konvenzjonijiet. Hemm spiża oħra li nagħmlu tajjeb li nikkunsidrawha. Il-faċilitajiet li jintużaw għal konvenzjonijiet iqumu l-flus. Hemm ukoll spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu. Il-kontribuzzjonijiet ġenerużi u volontarji tagħna fil-konvenzjonijiet huma apprezzati bil-kbir.—Atti 20:35; 2 Kor. 9:7, 11, 13.
16 Siġġijiet: Id-direzzjonijiet li ġew mogħtijin għal għadd taʼ snin se jkomplu jgħoddu, jiġifieri, TISTAʼ ŻŻOMM SIĠĠIJIET BISS GĦAL MEMBRI IMMEDJATI TAL-FAMILJA TIEGĦEK U GĦAL MIN IKUN QIEGĦED JIVVJAĠĠA MIEGĦEK FIL-KAROZZA TIEGĦEK. Kienet xi ħaġa sabiħa li naraw li f’dawn l-aħħar snin ħafna iktar qegħdin jimxu maʼ dawn id-direzzjonijiet, u dan żied l-atmosfera taʼ mħabba murija fil-konvenzjonijiet. Jekk jogħġobkom uru l-mogħdrija, u ħallu s-siġġijiet l-iktar konvenjenti għal dawk li minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom ikollhom bżonnhom.
17 Cameras, Camcorders, u Audiocassette Recorders: Cameras u tagħmir ieħor li jirrekordja jistgħu jintużaw fil-konvenzjonijiet. Madankollu, l-użu tagħhom m’għandux ikun taʼ tfixkil għal oħrajn fl-udjenza. M’għandniex noqogħdu nduru nieħdu r-ritratti matul is-sessjonijiet, għax dan se jfixkel lil oħrajn li qegħdin jipprovaw jikkonċentraw fuq il-programm. L-ebda tip taʼ tagħmir taʼ l-irrekordjar m’għandu jiġi mqabbad mas-sistemi tad-dawl u tas-smigħ, u lanqas m’għandu dan it-tagħmir jiżgombra kurituri, passaġġi, jew jimblokka l-veduta t’oħrajn.
18 L-Ewwel Għajnuna: Id-Dipartiment taʼ L-Ewwel Għajnuna huwa biss għall-emerġenzi. Dan m’huwiex f’qagħda li jipprovdi kura għal mard kroniku. Dan hu għala għandek tqis minn qabel il-bżonnijiet taʼ saħħtek u taʼ saħħet il-familja tiegħek. Jekk jogħġbok aħseb int għal xi aspirina, xi għajnuniet għad-diġestjoni, faxex, labar tas-sarwâl, u oġġetti simili, peress li affarijiet bħal dawn m’humiex se jkunu disponibbli fil-konvenzjoni. Min ġieli jsofri minn xi attakki, xokkijiet minħabba l-insulina, problemi tal-qalb, u affarijiet bħal dawn, għandu jantiċipa l-bżonnijiet tiegħu sakemm hu possibbli. Uħud bħal dawn għandu jkollhom il-mediċina neċessarja, u xi membru tal-familja jew tal-kongregazzjoni li jifhem is-sitwazzjoni tagħhom għandu jkun preżenti magħhom il-ħin kollu biex jipprovdi kwalunkwe għajnuna li jkun hemm bżonn. Ġieli qamu xi problemi f’konvenzjonijiet meta individwi bi problemi kroniċi taʼ saħħa tħallew waħedhom u ħassewhom ma jifilħux. L-amministrazzjoni tal-konvenzjoni kellha ċċempel għal servizz mediku urġenti biex jiħduhom l-isptar. Jekk xi wħud bi bżonnijiet speċjali taʼ saħħa m’għandhomx membri tal-familja li jistgħu jgħinuhom, l-anzjani tal-kongregazzjoni tagħhom iridu jiġu informati bis-sitwazzjoni u jagħmlu arranġamenti neċessarji biex jgħinuhom. Ma se jkun hemm l-ebda provvediment fil-konvenzjonijiet għal kmamar speċjali biex jakkomodaw lil dawk li jbatu minn xi allerġiji.
19 Ikel Fil-Konvenzjoni: Li ma jkollniex servizz taʼ l-ikel fil-konvenzjonijiet irriżulta f’li ħafna iktar ikunu ħelsin matul is-sessjonijiet kollha biex jikkonċentraw fuq l-ikel spiritwali. Irċevejna għadd t’espressjonijiet t’apprezzament għal dan l-issimplifikar minn mindu ġie istitwit l-arranġament. Kulħadd għandu jippjana li jġib miegħu ikel prattiku u sustanzjuż għall-waqfa taʼ nofs in-nhar, bħalma huma dawk issuġġeriti fl-insert taʼ l-Our Kingdom Ministry taʼ Mejju 1995, paragrafu 26. L-ebda reċipjenti tal-ħġieġ u xorb alkoħoliku m’għandhom jiddaħħlu fil-faċilità tal-konvenzjoni. Reċipjenti li jżommu l-ikel frisk iridu jkunu żgħar biżżejjed li jidħlu eżatt taħt is-siġġu tiegħek. Xi wħud fl-udjenza ġew osservati jieklu u jixorbu matul il-programm. Li nagħmlu dan juri nuqqas taʼ rispett.
20 Aħna verament napprezzaw il-festa spiritwali tagħna u l-atmosfera rilassanti u paċifika taʼ sħubija matul il-waqfiet qosra tagħna taʼ nofs in-nhar. Biex nimxu fi qbil maʼ l-iskop taʼ dan l-arranġament, minflok ma nħallu l-faċilità fil-waqfa taʼ nofs in-nhar biex nixtru l-ikel, jekk jogħġobkom ġibu xi ħaġa magħkom. B’hekk, se jkollkom iktar ħin biex tgawdu s-sħubija taʼ ħutkom irġiel u nisa.
21 Kemm aħna ferħanin li l-Konvenzjonijiet Distrettwali “Fidi Fil-Kelma T’Alla” se jibdew dalwaqt! Ilkoll kemm aħna rridu nkunu ċerti li għamilna l-preparazzjonijiet tagħna biex nattendu l-programm kollu, sabiex inkunu nistgħu ngawdu bis-sħiħ il-pranzu spiritwali mill-aħjar li Jehovah ħejja għalina permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. B’dan il-mod se nsiru ‘mħejjijin għal kull ħidma tajba’ fiż-żmien li ġej.—2 Tim. 3:17.
[Kaxxa]
Tfakkiriet Tal-Konvenzjoni Distrettwali
Magħmudija: Il-kandidati għall-magħmudija għandhom ikunu bil-qiegħda f’posthom fuq quddiem f’nofs is-sala qabel ma jibda l-programm is-Sibt fil-għodu. Kulmin bi ħsiebu jitgħammed għandu jġib miegħu malja modesta u xugaman. Fil-passat xi wħud libsu tipi taʼ ħwejjeġ li ma kinux xierqa u li naqqsu l-valur taʼ l-okkażjoni. L-anzjani tal-kongregazzjoni li jirrevedu mal-kandidati għall-magħmudija l-mistoqsijiet minn fuq il-ktieb Our Ministry iridu jkunu ċerti li kull wieħed jifhem dawn il-punti. Wara li ssir it-taħdita tal-magħmudija u t-talba mill-kelliemi, iċ-chairman tas-sessjoni jħabbar l-għanja. Wara l-aħħar strofa, l-attendants jidderieġu lill-kandidati lejn il-post fejn se ssir il-magħmudija. Il-magħmudija b’simbolu tad-dedikazzjoni taʼ dak li jkun hija xi ħaġa intima u persunali bejnu u bejn Jehovah. B’hekk, m’huwiex xieraq li l-kandidati jgħannqu lil jew iżommu jdejn xulxin waqt li jkunu qegħdin jitgħammdu.
Badge Cards: Jekk jogħġobkom ilbsu l-badge card taʼ l-1997 il-ħin kollu waqt li tkunu fil-post tal-konvenzjoni u waqt li tkunu qegħdin tivvjaġġaw għal u lura minnu. Dan taʼ spiss joħloqilna opportunitajiet biex nagħtu xiehda mill-aħjar. Il-badge cards u l-holders għandhom jinkisbu mill-kongregazzjoni tagħkom, peress li dawn m’humiex se jkunu disponibbli fil-konvenzjoni. Toqogħdux tistennew sa ftit jiem qabel il-konvenzjoni biex tistaqsu għal cards għalikom u għall-familja tagħkom. Ftakru biex iġġorru fuqkom il-biljett kurrenti tagħkom taʼ Direttiva Medika Bil-Quddiem/Li Teħles Lit-Tobba.
Pushchairs: Il-pushchairs ma jistgħux jintużaw f’postijiet pubbliċi fejn jinġemgħu ħafna nies. Ir-regolamenti tan-nar jipprojbixxu li dawn jitpoġġew fil-kurituri u fil-passaġġi jew bejn ringieli taʼ siġġijiet. Peress li folol kbar jistgħu joħolqu kundizzjonijiet taʼ imblokkar, il-pushchairs huma potenzjalment perikolużi kemm għat-tarbija u kif ukoll għal xi ħadd li jistaʼ jitfixkel fihom. Mela jekk jogħġobkom iċċekkjaw maʼ l-amministrazzjoni tal-konvenzjoni rigward x’faċilitajiet jistaʼ jkun hemm disponibbli għalihom. Il-koperazzjoni tagħkom hija importanti u apprezzata.
Servizz Taʼ Volontieri: Tistaʼ int twarrab ftit ħin fil-konvenzjoni biex tgħin f’wieħed mid-dipartimenti? Li naqdu lil ħutna, saħansitra jekk għal ftit sigħat biss, se jkun taʼ ħafna għajnuna u jġiblek ħafna sodisfazzjon persunali. Jekk tistaʼ tgħin, jekk jogħġbok irrapporta fid-Dipartiment tas-Servizz tal-Volontieri fil-konvenzjoni. Tfal taħt is-16-il sena jistgħu wkoll jagħtu kontribut mill-aħjar billi jaħdmu taħt id-direzzjoni taʼ xi ġenitur jew taʼ xi adult responsabbli ieħor.
Kliem Taʼ Twissija: Oqogħdu għassa għal xi problemi li jistgħu jinqalgħu sabiex tevitaw diffikultajiet bla bżonn. Ħallelin u individwi taʼ bla skruplu taʼ spiss ifittxu nies li huma ’l bogħod mill-ambjent tad-dar tagħhom. Kunu ċerti li l-karozza tagħkom tkun imsakkra l-ħin kollu, u qatt tħallu xi ħaġa tidher li tħajjar lil xi ħadd biex ikisser u jisraq. Il-ħallelin u dawk li jisirqu l-affarijiet mill-bwiet jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq laqgħat kbar. Ma jkunx għaqli li tħallu oġġetti taʼ valur fuq is-siġġu tagħkom. Ma tistgħux tkunu ċerti li kulmin hemm madwarkom hu Kristjan. Għala toffru xi tentazzjoni? Irċevejna rapporti t’attentati minn uħud barranin biex iħajru lit-tfal għal warajhom. ŻOMMU LIL ULIEDKOM FEJN TARAWHOM IL-ĦIN KOLLU.
Jekk jogħġobkom iċċemplux jew tiktbu lil min imexxi s-sala tal-konvenzjoni, biex tiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe ħaġa dwar il-konvenzjoni. Jekk għandkom xi mistoqsijiet, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil wieħed mill-anzjani tal-kongregazzjoni.