Jipproteġu Legalment l-Aħbar Tajba
DAQSKEMM ilu l-bniedem jibni bliet, daqshekk ieħor ilu jibni ħitan. Speċjalment fl-imgħoddi, dawn is-swar kienu taʼ protezzjoni. Minn fuqhom, id-difensuri setgħu jiġġieldu biex jipproteġu l-ħitan milli jiġu mfarrkin jew imħaffrin minn taħt mill-attakkanti. Mhux l-abitanti tal-belt biss kienu jsibu protezzjoni imma spiss anki dawk mill-ibliet taʼ madwar sabu refuġju ġewwa dawn il-ħitan.—2 Samwel 11:20-24; Isaija 25:12.
B’mod simili, ix-Xhieda taʼ Jehovah bnew ħajt—ħajt legali—taʼ protezzjoni. Dan il-ħajt ma ġiex imtellaʼ biex jiżola lix-Xhieda mill-kumplament tas-soċjetà, għax ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin bħala nies soċjevoli u dħulin. Pjuttost, dan isaħħaħ il-garanziji legali tal-libertajiet bażiċi għan-nies kollha. Fl-istess ħin, jipproteġi d-drittijiet legali tax-Xhieda sabiex b’hekk ikunu jistgħu jipprattikaw il-qima tagħhom bil-libertà. (Qabbel Mattew 5:14-16.) Dan il-ħajt jissalvagwardja l-mod tagħhom taʼ qima u d-dritt tagħhom li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. X’inhu dan il-ħajt, u kif inbena?
Jibnu Ħajt Legali taʼ Protezzjoni
Għalkemm ix-Xhieda taʼ Jehovah jgawdu l-libertà reliġjuża f’ħafna pajjiżi, f’xi postijiet kienu l-mira t’attakki mhux iġġustifikati. Meta ġiet sfidata l-libertà tal-qima tagħhom biex jiltaqgħu flimkien jew biex jippridkaw minn dar għal dar, huma ħadu l-passi legali meħtiġin. Każi legali li jinvolvu lix-Xhieda kien hemm bl-eluf madwar id-dinja kollha.a Mhux kollha ntrebħu. Imma meta l-qrati tal-maġistrati qatgħuha kontriehom, huma taʼ spiss appellaw lill-qrati superjuri. B’liema riżultat?
Matul l-għaxriet taʼ snin tas-seklu 20, rebħiet legali f’ħafna pajjiżi stabbilew preċedenti taʼ min joqgħod fuqhom u li x-Xhieda taʼ Jehovah rreferew għalihom f’każi iktar tard. Bħal briks jew ġebel li jintużaw biex jinbena ħajt, dawn id-deċiżjonijiet favorevoli jikkostitwixxu ħajt legali taʼ protezzjoni. Minn fuq dan il-ħajt taʼ preċedenti, ix-Xhieda komplew jiġġieldu għal-libertà reliġjuża biex jipprattikaw il-qima tagħhom.
Ikkunsidra, bħala eżempju, il-każ taʼ Murdock v. Commonwealth of Pennsylvania, li ġie deċiż mill-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti fit-3 taʼ Mejju, 1943. Il-mistoqsija li ġiet imqajma f’dan il-każ kienet: Għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah jiksbu liċenzja bħala bejjiegħa kummerċjali biex iqassmu l-letteratura reliġjuża tagħhom? Ix-Xhieda taʼ Jehovah sostnew li m’għandhomx jiġu mġagħlin jagħmlu hekk. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar tagħhom m’huwiex—u qatt ma kien—kummerċjali. L-objettiv tagħhom m’huwiex li jagħmlu l-flus, imma li jippridkaw l-aħbar tajba. (Mattew 10:8; 2 Korintin 2:17) Fid-deċiżjoni taʼ Murdock, il-Qorti qablet max-Xhieda, billi sostniet li kwalunkwe rikjesta taʼ ħlas taʼ taxxa taʼ liċenzja bħala kundizzjoni bil-quddiem għat-tqassim taʼ letteratura reliġjuża m’hijiex skond il-kostituzzjoni.b Din id-deċiżjoni stabbiliet preċedent importanti, u minn dakinhar ’l hawn ix-Xhieda rreferew b’suċċess għalih bħala awtorità f’diversi każi. Id-deċiżjoni taʼ Murdock tat prova li kienet briksa soda fil-ħajt legali taʼ protezzjoni.
Każi bħal dawn swew ħafna biex jipproteġu l-libertà reliġjuża għan-nies kollha. Il-University of Cincinnati Law Review qalet dan rigward il-kontribut li taw ix-Xhieda għad-difiża tad-drittijiet ċivili fl-Istati Uniti: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah kellhom impatt qawwi fuq l-iżvilupp tal-liġi kostituzzjonali, partikolarment billi kabbru l-parametri tal-protezzjoni għad-diskors u r-reliġjon.”
Isaħħu l-Ħajt
Maʼ kull rebħa legali, dan il-ħajt kompla jissaħħaħ. Ikkunsidra ftit mid-deċiżjonijiet tas-snin 90 li bbenefikaw minnhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll dawk kollha li jħobbu l-libertà, mad-dinja kollha.
Il-Greċja. Fil-25 taʼ Mejju, 1993, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem appoġġat id-dritt taʼ ċittadin Grieg biex jgħallem it-twemmin reliġjuż tiegħu lil oħrajn. Il-każ involva lil Minos Kokkinakis, li dak iż-żmien kellu 84 sena. Bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, Kokkinakis kien ġie arrestat iktar minn 60 darba mill-1938, kien ittellaʼ 18-il darba quddiem il-qrati Griegi, u kien qattaʼ iktar minn sitt snin il-ħabs. Hu ġie kkundannat l-iktar minħabba liġi Griega tas-snin 30 li pprojbiet il-proselitiżmu—liġi li kienet responsabbli għall-arrest taʼ kważi 20,000 Xhud taʼ Jehovah mill-1938 sa l-1992. Il-Qorti Ewropea qatgħetha li l-gvern Grieg kien kiser il-libertà reliġjuża taʼ Kokkinakis u tagħtu kumpens li kien jammonta għal $14,400 [Lm5,760]. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti qatgħetha li x-Xhieda taʼ Jehovah huma tabilħaqq “reliġjon magħrufa.”—Ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru, 1993, paġni 27-31.
Il-Messiku. Fis-16 taʼ Lulju, 1992, sar pass taʼ ġgant fid-difiża tal-libertà reliġjuża fil-Messiku. F’din id-data ġiet stabbilita l-Liġi taʼ l-Assoċjazzjonijiet Reliġjużi u l-Qima Pubblika. Permezz taʼ din il-liġi, grupp reliġjuż jistaʼ jiġi rrikonoxxut legalment bħala istituzzjoni reliġjuża billi jikseb ir-reġistrazzjoni meħtieġa. Qabel, ix-Xhieda taʼ Jehovah, bħar-reliġjonijiet l-oħrajn fil-pajjiż, sempliċement eżistew imma ma kinux rikonoxxuti legalment. Fit-13 t’April, 1993, ix-Xhieda applikaw għar-reġistrazzjoni. B’ferħ, fis-7 taʼ Mejju, 1993, huma ġew irreġistrati legalment bħala La Torre del Vigía, A. R., u Los Testigos de Jehová en México, A. R., li t-tnejn huma assoċjazzjonijiet reliġjużi.—Ara l-Awake! tat-22 taʼ Lulju, 1994, paġni 12-14.
Il-Brażil. F’Novembru taʼ l-1990, in-National Institute of Social Security (INSS) tal-Brażil informa lill-uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society li l-ministri volontiera ġewwa Betel (l-isem tal-faċilitajiet tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah) ma kinux se jitqiesu iktar bħala ministri reliġjużi, u għalhekk kienu se jaqgħu taħt il-liġijiet tax-xogħol tal-Brażil. Ix-Xhieda appellaw din id-deċiżjoni. Fis-7 taʼ Ġunju, 1996, il-Konsulent Ġudizzjali taʼ l-Uffiċċju taʼ l-Avukat tal-Kuruna fil-Brasília ħareġ deċiżjoni li tappoġġa l-pożizzjoni tal-ministri ġewwa Betel bħala membri taʼ grupp reliġjuż leġittimu, mhux bħala ħaddiema sekulari.
Il-Ġappun. Fit-8 taʼ Marzu, 1996, il-Qorti Suprema tal-Ġappun għaddiet deċiżjoni fuq il-kwistjoni taʼ l-edukazzjoni u l-libertà tar-reliġjon—għall-benefiċċju taʼ kulħadd fil-Ġappun. Il-qorti unanimament qalet li l-Kobe Municipal Industrial Technical College kiser il-liġi meta keċċa lil Kunihito Kobayashi talli rrifjuta li jipparteċipa fit-taħriġ taʼ l-arti marzjali. Din id-deċiżjoni timmarka l-ewwel darba li l-Qorti Suprema għaddiet deċiżjoni bbażata fuq il-libertà reliġjuża ggarantita mill-Kostituzzjoni Ġappuniża. Peress li segwa l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja, dan ix-Xhud żagħżugħ ħass li dawn l-eżerċizzji ma kinux fi qbil maʼ ċerti prinċipji Bibliċi bħal dak misjub f’Isaija 2:4, li jgħid: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” Id-deċiżjoni tal-Qorti stabbiliet preċedent għal każi futuri.—Ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Novembru, 1996, paġni 19-21.
Fid-9 taʼ Frar, 1998, il-Qorti Superjuri taʼ Tokyo għaddiet deċiżjoni importanti oħra li appoġġat id-dritt taʼ waħda Xhud jisimha Misae Takeda li tirrifjuta l-kura medika li m’hijiex fi qbil mal-kmand tal-Bibbja biex wieħed ‘jitbiegħed mid-demm.’ (Atti 15:28, 29) Dan il-każ ġie appellat quddiem il-Qorti Suprema, u għad irridu naraw jekk hiex se tiġi appoġġata d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri.
Il-Filippini. F’deċiżjoni li għaddiet fl-1 taʼ Marzu, 1993, il-Qorti Suprema Filippina ddeċidiet unanimament favur ix-Xhieda taʼ Jehovah f’każ li kien jinvolvi Xhieda żgħażagħ li tkeċċew mill-iskola minħabba li rrifjutaw li jsellmu lill-bandiera għalkemm dan għamluh bir-rispett kollu.
Kull deċiżjoni favorevoli tal-qorti hija bħal ġebla jew briksa oħra li jsaħħu l-ħajt legali li jipproteġi d-drittijiet mhux biss tax-Xhieda taʼ Jehovah imma tan-nies kollha.
Jissalvagwardjaw il-Ħajt
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma rreġistrati legalment f’153 pajjiż, u kif jixraq qed igawdu ħafna libertajiet, bħalma qed jagħmlu r-reliġjonijiet rikonoxxuti l-oħrajn. Wara għaxriet taʼ snin taʼ persekuzzjoni u projbizzjoni fl-Ewropa tal-Lvant u f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jiġu rikonoxxuti legalment f’pajjiżi bħall-Albanija, il-Belarus, ir-Repubblika Ċeka, il-Georgia, l-Ungerija, il-Kazakstan, il-Kyrgyzstan, ir-Rumanija, u s-Slovakkja. Madankollu, f’ċerti pajjiżi llum, inkluż f’xi pajjiżi Ewropej tal-Punent li fihom ilhom stabbiliti s-sistemi ġudizzjali, id-drittijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah qed jiġu sfidati jew miċħudin serjament. Dawk li jopponu qed jagħmlu minn kollox biex “jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi” kontra x-Xhieda. (Salm 94:20) Dawn kif jirreaġixxu?c
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jixtiequ jikkooperaw mal-gvernijiet kollha, imma jixtiequ wkoll ikollhom il-libertà legali biex jipprattikaw il-qima tagħhom. Għandhom konvinzjoni soda li kwalunkwe liġijiet jew deċiżjonijiet tal-qorti li jistgħu jipprojbixxuhom milli jobdu l-kmandi t’Alla—inkluż il-kmand li jippridkaw l-aħbar tajba—huma invalidi. (Mark 13:10) Jekk ma jistaʼ jintlaħaq ebda qbil b’mod amikevoli, ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrikorru għall-passi legali, billi jsegwu kull mod t’appell meħtieġ sabiex jiksbu l-protezzjoni legali għad-dritt mogħti minn Alla biex jipprattikaw il-qima tagħhom. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom fiduċja sħiħa fil-wegħda t’Alla: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.”—Isaija 54:17.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni ddettaljata tar-rekord legali tax-Xhieda taʼ Jehovah, jekk jogħġbok ara kapitlu 30 tal-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Fid-deċiżjoni taʼ Murdock, il-Qorti Suprema biddlet il-pożizzjoni li kienet ħadet hi stess fil-każ taʼ Jones v. City of Opelika. Fil-każ taʼ Jones, fl-1942, il-Qorti Suprema kienet appoġġat id-deċiżjoni tal-qorti tal-maġistrati li kienet ikkundannat lil Rosco Jones, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, minħabba li kien iqassam il-letteratura fit-toroq taʼ Opelika, fl-Alabama, mingħajr il-ħlas taʼ taxxa taʼ liċenzja.
c Ara l-artikli “Mibgħudin Minħabba l-Fidi Tagħhom” u “Niddefendu l-Fidi Tagħna,” f’paġni 8-18.
[Kaxxa f’paġna 21]
Jiddefendu d-Drittijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah
Il-persekuzzjoni li nġabet fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah rriżultat f’li ġew imtellgħin quddiem imħallfin u uffiċjali governattivi mad-dinja kollha. (Luqa 21:12, 13) Ix-Xhieda taʼ Jehovah għamlu li setgħu biex jiddefendu legalment id-drittijiet tagħhom. Ir-rebħiet fil-qorti f’ħafna pajjiżi għenu biex jipproteġu l-libertà legali tax-Xhieda taʼ Jehovah, inkluż id-drittijiet tagħhom biex:
◻ jippridkaw minn dar għal dar meħlusin mill-kontroll impost fuq il-bejjiegħa kummerċjali—Murdock v. Commonwealth of Pennsylvania, il-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti (1943); Kokkinakis v. Greece, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) (1993).
◻ jiltaqgħu għal qima fil-libertà—Manoussakis and Others v. Greece, ECHR (1996).
◻ jiddeċiedu kif jistgħu juru b’mod kuxjenzjuż rispett lejn il-bandiera jew simbolu nazzjonali—West Virginia State Board of Education v. Barnette, il-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti (1943); Supreme Court of the Philippines (1993); Supreme Court of India (1986).
◻ jirrifjutaw is-servizz militari li jmur kontra l-kuxjenza Kristjana tagħhom—Georgiadis v. Greece, ECHR (1997).
◻ jagħżlu kura u mediċini li ma jmorrux kontra l-kuxjenza tagħhom—Malette v. Shulman, f’Ontario, il-Kanada, il-Qorti taʼ l-Appell (1990); Watch Tower v. E.L.A., il-Qorti Superjuri, f’San Juan, il-Puerto Rico (1995); Fosmire v. Nicoleau, New York, U.S.A., il-Qorti taʼ l-Appell (1990).
◻ irabbu lit-tfal tagħhom skond it-twemmin tagħhom ibbażat fuq il-Bibbja saħansitra meta dan it-twemmin jiġi sfidat fil-kontroversji dwar il-kustodja tat-tfal—St-Laurent v. Soucy, il-Qorti Suprema tal-Kanada (1997); Hoffmann v. Austria, ECHR (1993).
◻ ikollhom u jkunu jistgħu jmexxu aġenziji legali li jirċievu l-istess eżenzjonijiet mit-taxxa bħalma jirċievu l-aġenziji mmexxijin minn reliġjonijiet rikonoxxuti oħrajn—People v. Haring, fi New York, U.S.A., il-Qorti taʼ l-Appell (1960).
◻ jirċievu għal dawk maħturin f’xi forma taʼ servizz full-time speċjali l-istess trattament favorevoli dwar taxxa bħalma jirċievu l-ħaddiema reliġjużi full-time taʼ reliġjonijiet oħrajn—in-National Institute of Social Security tal-Brażil, fil-Brasília, (1996).
[Stampa f’paġna 20]
Minos Kokkinakis maʼ martu
[Stampa f’paġna 20]
Kunihito Kobayashi
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 19]
The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck