LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Lulju pp. 26-30
  • “Il-Battalja Hi taʼ Ġeħova”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Battalja Hi taʼ Ġeħova”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF IŻ-ŻELU TAL-ĠENITURI TIEGĦI ĦALLA EFFETT FUQI
  • BDEJT NAQDI FIL-KWARTIERI ĠENERALI
  • KIF GĦENT LILL-ORGANIZZAZZJONI TIĠĠIELED KAŻIJIET LEGALI
  • NIDDEFENDU U NAĦDMU IEBES BIEX INĠIBU D-DRITT LEGALI ĦALLI NIPPRITKAW
  • NIRRINGRAZZJA LIL ĠEĦOVA
  • Niġġieldu għal-libertà tal-qima
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Jipproteġu Legalment l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Nappoġġaw b’lealtà l-gvern t’Alla biss
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Predikaturi tas-Saltna jiftħu kawża l-qorti
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Lulju pp. 26-30
Philip Brumley.

BIJOGRAFIJA

“Il-Battalja Hi taʼ Ġeħova”

KIF RAKKONTATA MINN PHILIP BRUMLEY

FIT-28 taʼ Jannar 2010, kont qiegħed fil-belt sabiħa taʼ Strasbourg fi Franza. Imma jien ma kontx hemm bħala turist. Kont hemmhekk fuq inkarigu m’aħwa rġiel oħra biex niddefendu d-dritt tax-Xhieda taʼ Ġeħova quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-gvern taʼ Franza kien qal li x-Xhieda taʼ Ġeħova kellhom iħallsu 64 miljun ewro f’taxxi. Imma aħna konna hemm biex nagħtu prova li din kienet xi ħaġa illegali. Il-flus ma kinux l-iktar raġuni importanti għala ridna nirbħu dan il-każ. Minflok, ridna nirbħu biex nigglorifikaw isem Ġeħova, in-nies tiegħu jkollhom reputazzjoni tajba, u ħalli nkunu nistgħu nqimu lil Ġeħova bil-libertà fi Franza. Dak li ġara wera li “l-battalja hi taʼ Ġeħova.” (1 Sam. 17:47) Ħa nispjegalkom.

Fl-1999, il-gvern taʼ Franza qal li l-fergħa taʼ Franza kellha tħallas it-taxxa fuq id-donazzjonijiet li rċiviet bejn l-1993 u l-1996. Fil-qrati taʼ Franza ma kienx irnexxielna nirbħu l-każ. Appellajna d-deċiżjoni imma l-qorti ddeċidiet l-istess. U l-gvern ħa iktar minn erbaʼ miljuni u nofs ewro mill-kont tal-bank tal-fergħa. L-uniku ċans li kellna biex nerġgħu nieħdu lura l-flus kien li nieħdu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Imma qabel tismaʼ l-każ tagħna, din il-Qorti riditna niltaqgħu maʼ rappreżentanta tagħha u mal-avukati tal-gvern Franċiż biex jaraw jekk naslux għal qbil.

Aħna assumejna li r-rappreżentanta kienet se tgħidilna biex inħallsu xi ammont mill-flus lill-gvern Franċiż. Imma aħna konna determinati li mhu se nagħtuhom l-ebda flus għax dan kien imur kontra dak li qal Ġesù f’​Mattew 22:21. L-aħwa kienu taw id-donazzjonijiet biex jissapportjaw ix-xogħol tas-Saltna, allura l-flus ma kinux għall-gvern. Imma xorta morna biex nuru li nirrispettaw ir-regoli tal-Qorti Ewropea.

Fl-2010, it-tim legali tagħna quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Iltqajna f’waħda mill-kmamar sbieħ tal-Qorti fejn isiru l-laqgħat. Mill-ewwel, ir-rappreżentanta tal-Qorti Ewropea qalet li x-Xhieda taʼ Ġeħova kien se jkollhom iħallsu xi ammont mit-taxxi lill-gvern Franċiż. F’daqqa waħda ħassejna li għandna nsaqsuha, “Inti taf li l-gvern diġà ħadilna iktar minn erbaʼ miljuni u nofs ewro mill-kont tal-bank tagħna?”

Minn wiċċha stajna naraw li ma kinitx taf. Xħin l-avukati tal-gvern ikkonfermaw dan, l-attitudni tagħha lejn il-każ inbidlet kompletament. Hi rrabjat magħhom u waqqfet il-laqgħa dak il-ħin. Jien indunajt li Ġeħova kien biddel kollox b’mod li ma konniex qed nistennew biex inkunu nistgħu nirbħu l-każ. Aħna ma stajniex nemmnu x’kien ġara u tlaqna minn hemm veru ferħanin.

Fit-30 taʼ Ġunju 2011, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qatgħet is-sentenza favurina. Hi ddikjarat li t-taxxa li l-gvern kien talab kienet illegali u li l-gvern kellu jagħti lura l-flus li kien ħa u jżid l-interessi! Din ir-rebħa legali għadha tgħinna nqimu lil Alla kif irid hu fi Franza. Dik il-mistoqsija li lanqas biss ħsibna li se nsaqsu kienet bħall-ġebla li qatlet lil Gulija. Din biddlet ir-riżultat tal-każ kollu. Imma aħna rbaħna għax bħalma qal David lil Gulija, “il-battalja hi taʼ Ġeħova.”—1 Sam. 17:​45-47.

Din ma kinitx l-unika darba li rbaħna każ. Sal-lum, minkejja li gvernijiet u reliġjonijiet b’saħħithom kienu kontrina, irbaħna 1,225 każ legali fl-ogħla qrati taʼ 70 pajjiż u fi qrati internazzjonali. Dawn ir-rebħiet legali pproteġew id-drittijiet bażiċi tagħna. Uħud minnhom huma d-drittijiet legali li għandna bħala reliġjon, li nkunu nistgħu nippritkaw, li ma niħdux sehem f’ċerimonji tal-pajjiż, u li ma niħdux demm.

Kif spiċċajt f’każ legali fl-Ewropa meta jien naqdi fil-Kwartieri Ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi New York, l-Istati Uniti?

KIF IŻ-ŻELU TAL-ĠENITURI TIEGĦI ĦALLA EFFETT FUQI

Il-ġenituri tiegħi, George u Lucille, iggradwaw mit-12-il klassi taʼ Gilegħad u meta twilidt jiena, fl-1956, kienu qed jaqdu fl-Etjopja. Semmewni Philip għall-Kristjan tal-bidu li kien jipprietka l-aħbar tajba. (Atti 21:8) Is-sena taʼ wara, il-gvern tal-Etjopja qal li x-xogħol tagħna ma jistax ikompli jsir. Għalkemm kont għadni tifel żgħir, niftakarna sew inqimu lil Ġeħova bil-moħbi. Taʼ tifel li kont kienet xi ħaġa eċitanti għalija! Imma mbagħad fl-1960, uffiċjali tal-gvern ġegħluna nitilqu mill-pajjiż.

Fl-1959, meta Nathan H. Knorr (xellug) żar il-familja tagħna f’Addis Ababa, l-Etjopja

Bħala familja morna noqogħdu Wichita, Kansas, l-Istati Uniti. Għalkemm din kienet bidla kbira, il-ġenituri tiegħi baqgħu jħobbu s-service bħal meta kienu missjunarji. Jien għandi żewġ ħuti li wkoll twieldu l-Etjopja, oħti l-kbira Judy u ħija ż-żgħir Leslie. Il-ġenituri tagħna għallmuna biex inħobbu lil Ġeħova u naqduh b’qalbna kollha. Jien tgħammidt meta kelli 13-il sena. Tliet snin wara, bħala familja morna naqdu fejn kien hemm iktar bżonn f’Arequipa, il-Perù.

Fl-1974, meta kelli 18-il sena, jien u erbaʼ aħwa rġiel oħra rċivejna inkarigu mill-fergħa tal-Perù biex naqdu bħala pijunieri speċjali. Aħna kellna nippritkaw fejn ħadd qatt ma pprietka qabel lejn in-nofs tal-Muntanji Andes. Konna nagħtu xhieda lil nies li jitkellmu bil-Quechua u Aymara. Konna ngħixu ġo karavan li kien qisu kaxxa, allura konna nsejħulu L-Arka. Nieħu pjaċir niftakar meta kont nitkellem man-nies u nurihom mill-Bibbja li Ġeħova dalwaqt se jneħħi l-faqar, il-mard, u l-mewt. (Riv. 21:​3, 4) Kien hemm ħafna li saru qaddejja taʼ Ġeħova.

Karavan għaddej minn ġol-ilma.

Fl-1974, il-karavan tagħna li konna nsejħulu “l-Arka”

BDEJT NAQDI FIL-KWARTIERI ĠENERALI

Waqt li kien qed iżur il-Perù fl-1977, Albert Schroeder, li kien membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, inkuraġġieni napplika għall-Betel taʼ Brooklyn, New York. U hekk għamilt. Ftit wara, fis-17 taʼ Ġunju 1977, bdejt naqdi fil-kwartieri ġenerali. Għall-ewwel erbaʼ snin, kont naħdem fid-dipartimenti tat-Tindif u l-Manutenzjoni.

Fl-1979, fil-ġurnata tat-tieġ

F’Ġunju tal-1978, meta kont f’konvenzjoni internazzjonali fi New Orleans, Louisiana, iltqajt maʼ Elizabeth Avallone. Hi kienet trabbiet minn ġenituri bħal tiegħi, li għexu l-verità. Meta ltqajt magħha, kienet diġà ilha erbaʼ snin pijuniera regolari u xtaqet li tibqaʼ taqdi lil Ġeħova fis-servizz full-time għal ħajjitha kollha. Iddeċidejna li nibqgħu nsiru nafu lil xulxin u malajr sirna nħobbu lil xulxin. Iżżewwiġna fl-20 t’Ottubru 1979 u bdejna naqdu fil-Betel flimkien.

L-aħwa fl-ewwel kongregazzjoni li konna, li kien jisimha Brooklyn Spanish, vera kienu jħobbuna. Matul is-snin, qdejna fi tliet kongregazzjonijiet oħra. Dawn dejjem laqgħuna u għenuna biex nibqgħu Betel. Aħna napprezzaw l-għajnuna li tawna u napprezzaw ukoll l-aħwa u tal-familja li għenuna biex nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna meta kibru.

Philip maʼ Beteliti oħra f’laqgħa tal-kongregazzjoni.

Fl-1986, jien u Beteliti oħra li konna naqdu fil-kongregazzjoni taʼ Brooklyn Spanish

KIF GĦENT LILL-ORGANIZZAZZJONI TIĠĠIELED KAŻIJIET LEGALI

Xi ħaġa li ma stennejtx kienet li f’Jannar tal-1982 bdejt naqdi fid-Dipartiment Legali fil-Betel. Tliet snin wara, staqsewni biex immur l-università ħalli nistudja biex insir avukat. Vera kont sorpriż meta tgħallimt li ħafna nies fl-Istati Uniti u pajjiżi oħra għandhom il-libertà jagħmlu ħafna affarijiet, minħabba rebħiet legali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Waqt il-lezzjonijiet konna niddiskutuhom ħafna dawn il-każijiet importanti.

Fl-1986, meta kelli 30 sena, ingħatajt l-inkarigu bħala l-overseer tad-Dipartiment Legali. Peress li kont għadni żgħir, ma fhimtx eżatt x’kien jinvolvi. Bejn kont ferħan li l-aħwa fdawni u bejn kont naf li se jkun diffiċli.

Fl-1988 sirt avukat imma kont għadni ma ndunajtx kemm l-iskola effettwat lili u l-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova. L-edukazzjoni għolja tistaʼ ġġiegħel persuna tkun trid iktar suċċess u tħossha li hi aħjar minn oħrajn li m’għandhomx l-istess edukazzjoni. Elizabeth ġabitni f’sensija. Hi għenitni biex nerġaʼ nibda nagħmel affarijiet li bihom insaħħaħ il-ħbiberija maʼ Ġeħova kif kont nagħmel qabel mort l-università. Ħa ż-żmien imma bil-mod il-mod saħħaħt l-ispiritwalità tiegħi. Mill-esperjenza nistaʼ ngħid li l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja mhix kemm taf, imma li jkollok ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova u tħobb ħafna lilu u lill-aħwa.

NIDDEFENDU U NAĦDMU IEBES BIEX INĠIBU D-DRITT LEGALI ĦALLI NIPPRITKAW

Wara li spiċċajt mill-università, bdejt niffoka fuq li ngħin lid-Dipartiment Legali jieħu ħsieb ċerti affarijiet legali fil-Betel u biex niddefendu l-interessi tas-Saltna fil-qrati. Kien xogħol sabiħ imma fl-istess ħin taʼ sfida, għax kien qed isir ħafna tibdil fl-organizzazzjoni. Pereżempju, qabel konna nistaqsu għal kontribuzzjoni meta noffru l-letteratura. Imma fl-1990, l-aħwa li kienu qed jieħdu t-tmexxija talbu lid-Dipartiment Legali biex jipprovdi informazzjoni u suġġerimenti dwar jekk dan għandux jibqaʼ jsir. Ftit wara, ix-Xhieda taʼ Ġeħova bdew joffru l-letteratura bla ħlas. Dan għamel ix-xogħol f’Betel u x-xogħol tal-ippritkar iktar faċli u għen biex nevitaw problemi taʼ taxxa. Xi wħud ħasbu li b’din il-bidla konna se nitilfu l-flus u ma kienx se jkollna biżżejjed letteratura għal uħud interessati, allura inqas nies kienu se jitgħallmu dwar Ġeħova. Imma mhux hekk ġara. Mill-1990 ’il hawn, in-numru t’aħwa żdied iktar mid-doppju, u kulħadd jistaʼ jitgħallem minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja b’xejn. Jien rajt li bidliet kbar fl-organizzazzjoni jistgħu jsiru biss bis-saħħa taʼ Ġeħova u bid-direzzjoni tal-ilsir leali u għaqli.—Eżo. 15:2; Mat. 24:45.

Aħna ma nirbħux kawżi fil-qorti għax għandna avukati tajbin biss. Spiss, dak li jgħinna nirbħu hu l-kondotta tajba tan-nies taʼ Ġeħova. Jien rajt dan jiġri fl-1998, meta tliet membri tal-Ġemgħa li Tiggverna u n-nisa tagħhom attendew tliet konvenzjonijiet storiċi f’Kuba. Il-qalb tajba u r-rispett li wrew taw prova lill-uffiċjali tal-gvern li aħna ma konniex involuti fil-politika. Dan kellu effett ħafna ikbar mil-laqgħat li kien ikollna magħhom.

Imma ġieli l-uniku mod kif insolvu inġustizzja jkun billi niddefendu u naħdmu iebes biex inġibu d-dritt legali fil-qrati. (Flp. 1:7) Pereżempju, għal ħafna snin, l-awtoritajiet fl-Ewropa u fil-Korea t’Isfel m’aċċettawx id-dritt li għandna biex nirrifjutaw li nidħlu fl-armata. Minħabba f’hekk, madwar 18,000 ħu fl-Ewropa u iktar minn 19,000 fil-Korea t’Isfel kellhom jidħlu l-ħabs minħabba li rrifjutaw li jaqdu fis-servizz militari minħabba t-twemmin reliġjuż.

Fl-aħħar, fis-7 taʼ Lulju 2011, fil-każ taʼ Ħuna Bayatyan, id-deċiżjoni li ħadet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet storika. Din id-deċiżjoni titlob li l-pajjiżi Ewropej kollha jħallu lil min jirrifjuta li jaqdi fis-servizz militari minħabba t-twemmin reliġjuż biex jagħmel servizz ieħor għall-gvern. Xi snin wara, fit-28 taʼ Ġunju 2018, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Korea t’Isfel ħadet deċiżjoni simili. Kieku mhux għax l-aħwa ġuvintur kollha baqgħu newtrali, dawn id-deċiżjonijiet ma kinux isiru.

Id-dipartimenti legali fil-kwartieri ġenerali u fil-fergħat kollha madwar id-dinja jaħdmu iebes biex jiddefendu d-dritt li għandna li nqimu lil Ġeħova u nippritkaw dwar is-Saltna. Għalina hu privileġġ li nirrappreżentaw lil aħwa meta jiffaċċjaw il-persekuzzjoni mill-uffiċjali tal-gvern. Anki meta ma nirbħux każ fil-qorti, xorta nkunu tajna xhieda quddiem rejiet, mexxejja, u nies oħrajn. (Mat. 10:18) Dan isir meta mħallfin, rappreżentanti tal-gvern, ġurnalisti, u nies inġenerali jaqraw l-iskritturi li aħna nikkwotaw fid-dokumenti u meta nitkellmu fil-qorti. Nies taʼ qalb onestà jitgħallmu min huma x-Xhieda taʼ Ġeħova u li dak li nemmnu ġej mill-Bibbja. Xi wħud minnhom saru Xhieda taʼ Ġeħova.

NIRRINGRAZZJA LIL ĠEĦOVA

Għal iktar minn 40 sena, kelli l-privileġġ naħdem fuq diversi affarijiet legali m’aħwa f’uffiċċji tal-fergħa madwar id-dinja u dhert quddiem qrati u nies f’awtorità għolja. Jien inħobb u nammira lill-aħwa li naħdem magħhom fid-Dipartiment Legali fil-kwartieri ġenerali u d-dipartimenti legali kollha madwar id-dinja. Inħoss li f’ħajti kelli ħafna barkiet sbieħ u nħossni sodisfatt.

Philip u Elizabeth Brumley.

Marti Elizabeth ilha 45 sena tissapportjani u bi mħabba tgħinni kemm fi żmien tajjeb u kemm fi żmien diffiċli. Nammiraha għax dan għamlitu minkejja li għandha marda li teffettwalha saħħitha.

Flimkien aħna rajna li bħalma qal David, “Ġeħova jsaħħaħ lill-poplu tiegħu” għax kull rebħa u kull ħaġa li għamilna ma kinitx bl-abbiltajiet tagħna. (Slm. 28:8) Għalhekk nistgħu ngħidu li “l-battalja hi taʼ Ġeħova.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja