Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għandi Bżonnu t-Telefon Ċellulari?
“Inħossni irritata u qisni l-mitlufa jekk ma jkollix it-telefon ċellulari fuqi.”—Akiko.a
F’ĦAFNA pajjiżi, it-telefons ċellulari qed isiru dejjem iżjed popolari. Dawn huma konvenjenti. Kemm il-ħbieb kif ukoll il-ġenituri tiegħek jistgħu jikkuntattjawk kulfejn tkun, fi kwalunkwe ħin—u int lilhom. B’xi telefons tistaʼ tibgħat u tirċievi messaġġi qosra bil-kitba, u dan “huwa l-aħħar mod li bih iż-żgħażagħ jissodisfaw il-ħeġġa tagħhom biex jikkomunikaw,” tgħid The Times taʼ Londra. Jeżistu wkoll telefons ċellulari li bihom tistaʼ taqbad maʼ l-Internet, billi jagħtuk aċċess għall-Web sites u l-E-mail.
Forsi int diġà għandek telefon ċellulari, jew qed tippjana li tixtri wieħed. Hu x’inhu l-każ, ikun tajjeb li tismaʼ ż-żewġ qniepen. Veru, it-telefon ċellulari għandu ħafna benefiċċji. Madankollu, forsi trid tismaʼ l-qanpiena l-oħra, għax anki jekk tiddeċiedi li tixtri wieħed, il-fatt li tkun taf bis-sħiħ bl-iżvantaġġi tiegħu se jgħinek tużah b’mod għaqli.
‘Qis in-Nefqa’
Ġesù esprima l-prinċipju għaqli li wieħed għandu “jqis in-nefqa” qabel jidħol għal xi proġett importanti. (Luqa 14:28) Jistaʼ dan il-prinċipju jiġi applikat għat-telefons ċellulari? Dażgur. Forsi huwa minnu li t-telefon waħdu jistaʼ ma jkunx daqshekk għoli jew saħansitra tistaʼ tiksbu b’xejn. Madankollu, bħalma skopriet Henna li għandha 17-il sena, “f’daqqa waħda l-kont jistaʼ jitlaʼ m’ogħla s-sema.” Jistaʼ jkollok ukoll pressjoni kontinwa biex tlaħħaq mas-servizzi addizzjonali u tixtri mudelli ogħla. B’hekk, Hiroshi jgħid: “Jien għandi xogħol part-time u nġemmaʼ l-flus biex nixtri mudell ġdid kull sena.” Ħafna żgħażagħ jagħmlu l-istess bħalu.b
Anki jekk il-ġenituri tiegħek jaċċettaw li jħallsulek il-kont, xorta huwa importanti li tikkunsidra l-ispejjeż involuti. Fil-Ġappun, ministru Kristjan li jivvjaġġa jinnota: “Xi ommijiet qed jagħmlu xogħol part-time apposta biex iħallsu t-telefon ċellulari taʼ wliedhom, li wara kollox jistgħu lanqas biss ikollhom bżonnu.” Int żgur li ma tridx tpoġġi tagħbija bħal din fuq il-ġenituri tiegħek!
“Xi Ħaġa li Taħlilek il-Ħin”
Ħafna li jibdew jużaw it-telefon b’moderazzjoni jistgħu jindunaw li qed jiħdilhom ħafna iżjed ħin milli kienu jaħsbu—u qed inaqqrilhom il-ħin minn affarijiet ferm iżjed importanti. Wara l-ikel, Mika kienet tqattaʼ ħafna ħin mal-familja tagħha. “Issa,” tgħid hi, “wara li nieklu, kulħadd imur f’kamartu bit-[telefon ċellulari] tiegħu.”
“Terz mill-adulti żgħażagħ taʼ bejn is-16 u l-20 sena jippreferu jibagħtu messaġġi bil-kitba [bit-telefon] iżjed minn kwalunkwe komunikazzjoni oħra bil-kitba,” tgħid The Guardian taʼ Londra. Il-fatt li tibgħat messaġġ bil-kitba jistaʼ jiswa inqas flus minn konversazzjoni fuq it-telefon, imma se jiħodlok iżjed ħin biex tiktbu. Mieko tammetti: “Jekk xi ħadd jibgħatli ‘l-lejl it-tajjeb,’ jien inwieġbu ‘l-lejl it-tajjeb.’ Imbagħad inqattgħu xi siegħa nibagħtu messaġġ wara l-ieħor. Ġeneralment ikun biss paroli fil-vojt.”
Ħafna wħud li jużaw it-telefon ċellulari jistgħu jibqgħu sorpriżi jekk jieqfu ftit u jikkunsidraw l-ammont taʼ ħin li jqattgħu jużaw it-telefon ċellulari. Tfajla taʼ 19-il sena, Teija, tammetti: “Għal ħafna nies, it-telefon ċellulari hu xi ħaġa li taħlilek il-ħin flok li tiffrankahulek.” Anki jekk minħabba ċ-ċirkustanzi tiegħek huwa neċessarju li jkollok wieħed, huwa importanti li tkun konxju taʼ kemm tqattaʼ ħin fuq it-telefon.
Tfajla Kristjana jisimha Marja tosserva: “Fl-assembleat Kristjani ħafna żgħażagħ jibqgħu jibagħtu messaġġi banali lil xulxin. Hija ħaġa komuni ħafna!” Aġir simili ġie osservat fost ħafna żgħażagħ waqt li dawn ikunu qed jieħdu sehem fil-ministeru Kristjan. Il-Bibbja twissi lill-Kristjani biex jixtru l-ħin għall-attivitajiet spiritwali. (Efesin 5:16) X’ħasra li ħin daqshekk prezzjuż qed jinħela fuq it-telefon!
Komunikazzjoni bil-Moħbi
Marie tikkummenta dwar periklu ieħor: “Minħabba li t-telefonata tasal dirett għand l-individwu, mhux id-dar, hemm il-periklu li l-ġenituri ma jkunux jafu maʼ min ikunu qed jitkellmu wliedhom jew jekk dawn humiex qegħdin fuq it-telefon jew le.” B’hekk, xi żgħażagħ jużaw it-telefons ċellulari biex jikkomunikaw bil-moħbi m’oħrajn tas-sess oppost. Xi wħud ma baqgħux attenti, u injoraw prinċipji li normalment josservaw meta jikkomunikaw m’oħrajn. Dan kif?
‘L-effett taʼ li ż-żgħażagħ jibagħtu messaġġi bil-kitba huwa li ħadd ma jistaʼ jikkontrolla dak li qed jagħmlu,’ tgħid The Daily Telegraph taʼ Londra. Il-fatt li la tara u lanqas tismaʼ lill-persuna l-oħra jistaʼ jeffettwak. “Xi wħud iħossu li messaġġ bil-kitba huwa mod inqas persunali kif tikkomunika,” josserva Timo. “F’messaġġ, xi wħud jistgħu jiktbu affarijiet li kieku jaħsbuha darbtejn biex jgħiduhomlok f’wiċċek.”
Meta Keiko, tfajla Kristjana taʼ 17-il sena, bdiet tuża t-telefon ċellulari, tat in-numru tagħha lil ħafna minn ħbiebha. F’qasir żmien bdiet tikkomunika bil-messaġġi kuljum maʼ ġuvni fil-kongregazzjoni tagħha. Keiko tgħid: “Għall-ewwel konna nitkellmu dwar l-affarijiet taʼ kuljum, imma mbagħad bdejna niftħu qalbna dwar il-problemi. Ħloqna dinja għalina permezz tat-telefons ċellulari tagħna.”
B’ferħ nistgħu ngħidu li hi rċiviet għajnuna mingħand il-ġenituri tagħha u l-anzjani Kristjani qabel ma l-affarijiet daħlu ’l ġewwa. Hi issa tammetti: “Avolja qabel ma tawni t-telefon ċellulari l-ġenituri tiegħi kienu wissewni ħafna dwar li nikkomunika bil-messaġġi maʼ dawk tas-sess oppost, jien kont nibgħatlu kuljum. Ma kienx l-aħjar mod kif nuża t-telefon.”c
Il-Bibbja twissina biex ‘inżommu kuxjenza safja.’ (1 Pietru 3:16) Li tagħmel dan ifisser li meta tuża t-telefon ċellulari, trid tkun ċert, bħalma qal Koichi, li “ma jkollok xejn minn xiex tistħi,” anki jekk ħaddieħor jaqra l-messaġġi tiegħek jew jisimgħek titkellem. Għandek dejjem tiftakar li m’hemm xejn moħbi għal Missierna tas-sema. Il-Bibbja tispjega: “Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13) Mela, għala tipprova żżomm relazzjoni bil-moħbi?
Poġġi Limiti
Jekk qed tikkunsidra biex tixtri telefon ċellulari, għala qabel xejn ma tqisx is-sitwazzjoni birreqqa biex tara għandekx bżonnu tassew? Iddiskuti l-ħaġa mal-ġenituri tiegħek. Xi wħud iħossuhom bħaż-żagħżugħa Jenna, li qalet: “Għal ħafna żgħażagħ, it-telefon ċellulari huwa responsabbiltà kbira.”
Anki jekk tiddeċiedi li jkollok telefon, huwa importanti li tużah bil-moderazzjoni. Kif? Poġġi limiti raġunevoli. Per eżempju, illimita s-servizzi li tuża jew l-ammont taʼ ħin u flus li taħli fit-telefon. Peress li ħafna kumpaniji tat-telefon jagħtu rapport dettaljat tat-telefonati li tkun għamilt, forsi minn żmien għal żmien ikun tajjeb li tanalizza l-kont mal-ġenituri tiegħek. Xi wħud isibuh tajjeb li jkollhom telefon ċellulari li tistaʼ tħallas minn qabel biex jillimitaw l-użu.
Barra minn hekk, oqgħod attent meta u kif twieġeb it-telefonati jew il-messaġġi. Poġġi linji taʼ gwida raġunevoli għalik innifsek. Shinji jispjega: “Jien nara l-messaġġi li nirċievi darba fil-ġurnata, u ġeneralment inwieġeb biss il-messaġġi li jkunu importanti. Bħala riżultat, il-ħbieb m’għadhomx jibagħtuli messaġġi bla sens. Jekk ikun hemm xi problema urġenti, huma xorta waħda jċempluli.” Iżjed importanti, kun selettiv maʼ min tikkomunika. Oqgħod attent lil min tagħti n-numru tat-telefon tiegħek. Applika l-istess prinċipji li tuża rigward sħubija tajba.—1 Korintin 15:33.
Il-Bibbja tgħid: “Kollox għandu żmienu, . . . [hemm] żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” (Koħèlet 3:1, 7) Biċ-ċar, hemm ħin ukoll għat-telefons ċellulari ‘li jisktu.’ Il-laqgħat u l-ministeru Kristjan huma ż-“żmien” biex inqimu lil Alla, mhux biex nużaw it-telefon. Taʼ spiss, xi maniġers tar-restoranti u t-teatri jitolbu lill-klijenti tagħhom biex ma jużawx it-telefons ċellulari. Aħna nirrispettawha x-xewqa tagħhom. Żgur li l-Ħallieq taʼ l-univers ħaqqu ferm iżjed rispett minn hekk!
Meta jkunu qed jagħmlu attivitajiet essenzjali, ħafna jippreferu li jitfu t-telefon jew ineħħulu s-sawnd jekk ma jkunux qed jistennew xi telefonata importanti. Xi wħud ipoġġu t-telefon fejn ma jkunux jistgħu jilħquh. Fuq kollox, mhux kważi l-messaġġi kollha tistaʼ tieħu ħsiebhom wara?
Jekk tiddeċiedi li jkollok telefon ċellulari, kun determinat li tkun int li tikkontrollah u mhux tħalli lilu jikkontrollak. Biċ-ċar, għandek bżonn toqgħod attent u żżomm il-prijoritajiet f’posthom. Il-Bibbja tinkuraġġina: “[“Ir-raġunevolezza,” NW] tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha.” (Filippin 4:5) Jekk tiddeċiedi li jkollok telefon ċellulari, kun deċiż li tkun raġunevoli fil-mod kif tużah.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Għal diskussjoni dwar li jkollok xogħol wara l-iskola, jekk jogħġbok ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—X’Hemm Ħażin F’Li Taqlaʼ L-Flus?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-Settembru, 1997.
c Il-fatt li regolarment titkellem jew tikkomunika bil-messaġġi fuq it-telefon maʼ dawk tas-sess oppost jistaʼ jitqies bħala li qed toħroġ maʼ dak li jkun. Jekk jogħġbok ara l-artiklu “Young People Ask—What’s Wrong With Talking to Each Other?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—X’Hemm Ħażin f’li Nkellmu lil Xulxin?) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 t’Awissu, 1992.
[Stampi f’paġna 14]
Xi żgħażagħ jidħlu f’relazzjoni bil-moħbi permezz tat-telefon ċellulari