Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Il-Pressjoni minn taʼ Madwarek—Veru Hija Daqshekk Qawwija?
“Ma naħsibx li nħoss pressjoni minn taʼ madwari.” —Pamela, studenta taʼ l-iskola sekondarja.
“Ma naħsibx li l-pressjoni minn taʼ madwari għadha teffettwani daqshekk. Ħafna mill-pressjoni tiegħi ġejja minni stess.”—Robbie, adult żagħżugħ.
QATT ħassejtek hekk? Veru, għandek mnejn taf li l-Bibbja tgħid: “Il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) Xorta waħda, għandek mnejn taħseb, ‘Qed tiġi esaġerata l-qawwa tal-pressjoni minn taʼ madwari—forsi m’hijiex qawwija daqskemm jgħidu l-ġenituri u wħud oħra akbar minni?’
Jekk minn żmien għall-ieħor tissielet maʼ dubji bħal dawn, m’intix l-ewwel żagħżugħ li qed tagħmel hekk. Iżda nistidnuk tikkunsidra possibbiltà. Jistaʼ jkun li l-pressjoni minn taʼ madwarek teffettwak iktar milli taħseb int? Ħafna żgħażagħ baqgħu mistagħġba dwar kemm hu qawwi l-effett tal-pressjoni minn taʼ madwarhom. Per eżempju, Angie tirrikonoxxi l-fatt li forsi qed tagħmel iżjed biex tiġi aċċettata mis-soċjetà milli tixtieq tammetti. Hi tosserva: “Kultant il-pressjoni soċjali tant hi qawwija li lanqas biss tinduna li hija pressjoni minn taʼ madwarek. Tibda temmen li din il-pressjoni qed iġġibha fuqek inti stess.”
Bl-istess mod, Robbie, li ssemma qabel, jgħid li l-akbar pressjoni tiġi minn ġewwa. Madankollu, hu jammetti li l-ħajja viċin belt kbira hija diffiċli. Għala? Minħabba l-pressjoni li tiġi minn ambjent materjalistiku. Hu jgħid: “L-għana huwa importanti ħafna hawnhekk.” B’mod ċar, il-pressjoni minn taʼ madwarek hija xi ħaġa li trid tiġi kunsidrata. Għala, mela, ħafna żgħażagħ jaħsbu li l-pressjoni minn taʼ madwarhom ma teffettwahomx?
Qawwija Tant li Tqarraq Bik
Il-pressjoni minn taʼ madwarek tistaʼ tqarraq bik—fil-fatt, nistgħu lanqas biss nintebħu biha. Biex nagħtu eżempju: Jekk inkunu fil-livell tal-baħar, il-firxa enormi taʼ arja li jkun hemm fuqna titfaʼ pressjoni kontinwa fuqna taʼ xi kilogramm għal kull ċentimetru kwadru.a Għandek mnejn tgħix taħt dik il-pressjoni kuljum, iżda lanqas biss tinduna biha. Għala? Għaliex drajtha.
Huwa minnu li l-pressjoni taʼ l-atmosfera mhux bilfors tkun taʼ ħsara. Iżda meta n-nies jagħmlu pressjoni sottili fuqna, jistgħu jġagħluna ninbidlu ftit ftit. L-appostlu Pawlu kien jifhem kemm hi qawwija l-pressjoni minn taʼ madwarna. Hu wissa lill-Kristjani f’Ruma: “Tħallux lid-dinja taʼ madwarkom trosskom fil-forma tagħha.” (Rumani 12:2, The New Testament in Modern English) Madankollu, dan kif jistaʼ jiġri?
Kif Taħdem il-Pressjoni minn taʼ Madwarek
Tieħu gost meta l-oħrajn japprovawk u jaċċettawk? Ħafna minna jammettu li iva. Madankollu, ix-xewqa naturali tagħna għal din l-approvazzjoni tistaʼ teffettwana kemm għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin. Safejn aħna lesti li naslu sabiex niġu aċċettati kemm nixtiequ? Anki jekk aħna ċerti minna nfusna f’dan l-aspett, xi ngħidu għal dawk taʼ madwarna? Qegħdin huma jipprovaw jirreżistu l-pressjoni minn taʼ madwarhom, jew qed iħalluha tifformahom?
Per eżempju, ħafna wħud illum iħarsu lejn il-livelli tal-Bibbja dwar il-moralità bħala li huma antikwati jew li m’humiex realistiċi fid-dinja moderna tagħna. Ħafna jħossu li m’huwiex importanti li nqimu lil Alla kif jitlob minna fil-Kelma tiegħu. (Ġwann 4:24) Għala jħossuhom hekk? Parti mit-tweġiba tistaʼ tkun il-pressjoni minn taʼ madwarhom. F’Efesin 2:2, Pawlu jitkellem dwar is-sistema t’affarijiet tad-dinja bħala li għandha “spirtu,” jew attitudni li tispikka l-iktar. Dak l-ispirtu jagħmel pressjoni fuq in-nies biex jikkonformaw mal-mod taʼ ħsieb tad-dinja li ma tafx lil Jehovah. Aħna kif nistgħu niġu effettwati?
L-attivitajiet tagħna taʼ kuljum taʼ l-iskola, l-istudju, l-obbligi tal-familja, u x-xogħol ġeneralment jinvolvu l-bżonn li nitħalltu maʼ nies li m’għandhomx il-valuri Kristjani kollha li għandna aħna. Per eżempju, l-iskola għandu mnejn ikun hemm ħafna li jagħmlu minn kollox biex isiru popolari, jieħdu sehem f’relazzjonijiet sesswali immorali, jew saħansitra jabbużaw mid-drogi u l-alkoħol. X’se jiġri jekk nagħżlu ħbieb tal-qalb minn fost dawk li jieħdu sehem f’kondotta bħal din jew jaċċettawha bħala li hi normali, saħansitra taʼ min ifaħħarha? Hemm ċans kbir li nibdew—anki jekk għall-ewwel bil-mod il-mod—nadottaw attitudnijiet bħal tagħhom. L-“ispirtu,” jew l-“ajru” tad-dinja, se jagħmel pressjoni fuqna, waqt li jirnexxilu jrossna fil-forma tad-dinja.
Taʼ interess hu l-fatt li x-xjenzati soċjali moderni għamlu esperimenti li jappoġġaw dawn il-prinċipji Bibliċi. Ikkunsidra l-esperiment notevoli taʼ Asch. Individwu jiġi mistieden biex jissieħeb maʼ grupp taʼ nies li jinsabu bil-qiegħda flimkien. Dr. Asch juri kartonċina kbira b’linja vertikali fuqha, imbagħad kartonċina oħra li fiha tliet linji vertikali daqsxejn differenti minn xulxin. Imbagħad jistaqsi lill-individwi fil-grupp biex jgħidu l-opinjoni tagħhom dwar liema waħda mit-tliet linji tidher li taqbel maʼ l-ewwel waħda. It-tweġiba hija faċli. Għall-ewwel kollha jaqblu. Iżda mat-tielet prova, tinbidel xi ħaġa.
Bħal qabel, ikun faċli tagħraf liema linji huma taʼ l-istess daqs. Iżda l-individwu li fuqu jkun qed isir it-test ma jkunx jaf li t-tliet membri l-oħra tal-grupp ġew imħallsa biex ikunu parti mill-esperiment. Kollha jaqblu dwar l-istess tweġiba żbaljata. X’jiġri? Minn dawk kollha li ġew testjati 25 fil-mija biss iżommu maʼ dak li jafu li hu veru. L-oħrajn kollha jaqblu mal-grupp minn taʼ l-inqas darba—avolja dan ifisser li jiċħdu dak li jkunu qed jaraw b’għajnejhom stess.
B’mod ċar, in-nies iridu jikkonformaw maʼ dawk taʼ madwarhom—tant hu hekk li ħafna huma dawk li lesti jiċħdu saħansitra dak li jafu li hu veru. Ħafna huma dawk iż-żgħażagħ li għaddew minn dan it-tip taʼ pressjoni. Daniel, li għandu 16-il sena, jammetti: “Il-pressjoni minn taʼ madwarek tistaʼ tibdlek. U iktar ma jkun hemm nies madwarek, iktar tikber il-pressjoni. Tibda saħansitra taħseb li dak li qed jagħmlu huwa tajjeb.”
Angie, li ġiet kwotata qabel, titkellem dwar eżempju klassiku taʼ pressjoni bħal din fl-iskola: “Meta kont fl-iskola sekondarja, kien importanti ħafna x’tip taʼ lbies kont tilbes. Kellek bilfors tilbes ħwejjeġ tad-ditta. Mhux għax tkun trid verament tonfoq xi għoxrin lira għal naqra taʼ flokk—min ikun irid jagħmel hekk?” Bħalma tirraġuna Angie, jistaʼ jkun diffiċli tinduna li qed issirlek pressjoni waqt li tkun għaddej minnha. Iżda tistaʼ l-pressjoni minn taʼ madwarna teffettwana f’affarijiet li huma iktar serji?
Għala l-Pressjoni minn taʼ Madwarna Tistaʼ Tkun Perikoluża
Immaġina li qed tgħum fl-oċean. Waqt li tkun għaddej bl-għawm u togħla mal-mewġ, qawwiet b’saħħithom oħrajn jistgħu jkunu preżenti mingħajr ma tinduna. Il-mewġ jitfgħek lejn ix-xatt, iżda jistaʼ jkun hemm ukoll kurrent minn taħt. Bil-mod il-mod jitfgħek lejn il-ġenb. Meta fl-aħħar tħares lejn ix-xatt ma tibqax tara lill-familja jew lill-ħbieb. Ma tkunx irrealizzajt kemm tefgħek fil-ġenb il-kurrent! Bl-istess mod, hekk kif inkunu għaddejjin bl-attivitajiet tagħna taʼ kuljum, il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna jkunu qed jiġu effettwati l-ħin kollu. Qabel ma nirrealizzaw aħna stess, dawn l-influwenzi jistgħu jitfgħuna ’l bogħod mil-livelli li dejjem ħsibna li se nżommu magħhom.
Biex nagħtu eżempju, l-appostlu Pietru kien raġel kuraġġuż. Bla biżaʼ taʼ xejn uża sejf quddiem folla aggressiva fil-lejl li Ġesù ġie arrestat. (Mark 14:43-47; Ġwann 18:10) Madankollu, ħafna snin wara, il-pressjoni minn taʼ madwaru ġagħlitu juri l-parzjalità sfaċċata. Hu warrab lill-Kristjani Ġentili—avolja iktar kmieni kien għadu kif ra viżjoni minn Kristu li dderiġieh biex ma jqisx lill-Ġentili bħala mniġġsin. (Atti 10:10-15, 28, 29) Pietru setaʼ sabha iktar diffiċli li jiffaċċja l-istmerrija taʼ rġiel oħra milli jiffaċċja x-xafra tas-sejf! (Galatin 2:11, 12) Il-pressjoni minn taʼ madwarna tistaʼ tkun perikoluża tassew.
Huwa Vitali li Nirrikonoxxu l-Qawwa tal-Pressjoni minn taʼ Madwarna
L-eżempju taʼ Pietru jistaʼ jgħallimna lezzjoni vitali. Il-fatt li aħna b’saħħitna f’ċerti aspetti ma jfissirx li aħna b’saħħitna f’kollox. Pietru kellu d-dgħjufijiet, bħalma għandna aħna lkoll. Aħna min aħna, irridu nkunu konxji taʼ fejn aħna dgħajfin. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna bis-sinċerità kollha: ‘Fejn jien dgħajjef? Nixxennaq jien għal stil taʼ ħajja għani? Bdiet qalbi tiġi effettwata mill-kburija żejda bid-dehra u bl-abbiltajiet tiegħi? X’jien lest li nagħmel sabiex niġi mfaħħar, nikseb pożizzjoni, u nkun popolari?’
Forsi aħna qatt ma se nidħlu fil-ħażen deliberatament billi nagħżlu s-sħubija taʼ wħud immorali li jabbużaw mid-droga jew li huma mogħtijin għall-immoralità sesswali. Iżda, xi ngħidu għad-dgħjufijiet tagħna li huma iktar sottili? Jekk nagħżlu li nissieħbu mill-qrib maʼ dawk li se jeffettwawna fejn aħna dgħajfin, allura nkunu qed nesponu ruħna biex niġu manipulati mill-pressjoni li jagħmlulna taʼ madwarna—forsi bi ħsara dejjiema għalina.
Madankollu, l-aħbar tajba hi li mhux il-pressjoni kollha minn taʼ madwarna hija ħażina. Nistgħu nikkontrollawha l-pressjoni minn taʼ madwarna—saħansitra nieħdu vantaġġ minnha? U kif nistgħu niġġieldu kontra l-pressjoni minn taʼ madwarna li tkun ħażina? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu mwieġba f’artiklu taʼ “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” li se joħroġ iktar ’il quddiem.
[Nota taʼ taħt]
a Esperiment sempliċi juri kemm hi reali l-pressjoni taʼ l-arja. Jekk tieħu flixkun tal-plastik vojt miegħek fuq il-quċċata taʼ muntanja, tħallih jimtela bl-arja, u tissiġillah, x’se jiġrilu l-flixkun int u nieżel mill-muntanja? Se jitgħaffeġ ’il ġewwa. Il-pressjoni taʼ l-arja taʼ barra hija ħafna akbar minn dik taʼ l-arja iktar ħafifa li jkun hemm ġol-flixkun.
[Stampa f’paġna 26, 27]
Ambjent materjalistiku jistaʼ joħloq pressjoni qawwija minn taʼ madwarek