LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 2/8 pp. 13-22
  • Melħ mill-Baħar bl-Għajnuna tax-Xemx u r-Riħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Melħ mill-Baħar bl-Għajnuna tax-Xemx u r-Riħ
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Deheb Abjad”
  • Il-​Ġbir tal-​Melħ bl-​Għajnuna tax-​Xemx
  • Id-​Domanda għall-​Melħ mill-​Imraġ taʼ l-​Atlantiku
  • Il-Melħ Prodott Prezzjuż
    Stenbaħ!—2002
  • Ballun tal-Melħ
    Stenbaħ!—2005
  • Dawk tas-Saħara li Jfittxu l-Melħ
    Stenbaħ!—2009
Stenbaħ!—2003
g03 2/8 pp. 13-22

Melħ mill-​Baħar bl-​Għajnuna tax-​Xemx u r-​Riħ

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI FRANZA

FEJN l-​art u l-​baħar jiltaqgħu, għadajjar taʼ ilma donnhom mużajk taʼ lwien differenti jirriflettu l-​kuluri li dejjem jinbidlu tas-​sema. F’nofs din ix-​xena taʼ għadajjar kwadri hemm raġel li jsibuh bħala l-​mellieħ, u qed jiġbor ħsad abbundanti mill-​ilma fi gzuz bojod ilellxu fid-​dawl tax-​xemx. F’dawn l-​imraġ tal-​melħ, postijiet baxxi u mgħaddra, fil-​belt taʼ Guérande u fuq il-​gżejjer taʼ Noirmoutier u Ré, mal-​Kosta Atlantika, in-​nies Franċiżi li jaħdmu fil-​melħ għadhom jużaw il-​metodi tradizzjonali biex jiġbru l-​melħ.

“Deheb Abjad”

L-​użu tas-​salini mal-​Kosta Atlantika taʼ Franza jmur lura għal madwar it-​tielet seklu E.K. Imma kien propju lejn l-​aħħar tal-​Medju Evu li l-​produzzjoni tal-​melħ qabdet ritmu sew. Minħabba ż-​żjieda fil-​popolazzjoni fl-​Ewropa medjevali, żdiedet ħafna d-​domanda għall-​melħ għax bih setgħu jiġu preservati l-​laħam u l-​ħut. Per eżempju, biex jippreservaw erbaʼ tunnellati t’aringi, kien ikollhom jużaw tunnellata melħ. Peress li l-​laħam kien meqjus bħala lussu għan-​nies komuni, dawn kienu jieklu l-​ħut immellaħ bħala l-​ikel prinċipali tagħhom. Għalhekk, bastimenti min-​naħa taʼ fuq kollha taʼ l-​Ewropa kienu jbaħħru lejn Brittany biex jixtru l-​kwantitajiet kbar taʼ melħ li kellhom bżonn is-​sajjieda biex jippreservaw il-​ħut li jaqbdu.

Maż-żmien is-​slaten taʼ Franza bdew jindunaw kemm kien qiegħed irendi qligħ kbir dan id-​“deheb abjad.” Għalhekk fl-​1340 ħarġet taxxa fuq il-​melħ, li bdiet tissejjaħ qbiela, mill-​kelma qabālah, kelma Għarbija li kienet tfisser taxxa. Din it-​taxxa ma kienet intgħoġbot xejn, u qamu ħafna rewwixti li wasslu għal tixrid taʼ demm. L-​iktar ħaġa li kienet titqies bħala inġustizzja kienet li x-​xerrej kellu jħallas prezz għoli għall-​melħ u bilfors kellu jixtri minn taʼ l-​inqas l-​ammont minimu taʼ melħ stipulat, sew jekk għandu bżonnu kollu u sew jekk le. Biex tkompli tagħqad, ċerti individwi privileġġati, bħan-​nobbli u l-​kleru, kienu eżenti mit-​taxxa. Xi provinċji, inkluż Brittany, ukoll kienu eżenti, filwaqt li oħrajn kienu jħallsu biss kwart tal-​prezz. Dan wassal għal diskrepanzi kbar fil-​prezzijiet tal-​melħ, u xi drabi l-​melħ fi provinċja waħda kien jiġi jiswa 40 darba iktar minn provinċja oħra.

M’huwiex taʼ sorpriża li f’dawn iċ-​ċirkustanzi, il-​kuntrabandu sar industrija kbira. Madankollu, min kien jinqabad jagħmel il-​kuntrabandu kien jiġi kastigat bl-​aħrax. Dawn l-​uħud setgħet issirilhom marka fuq ġisimhom b’ħadida taħraq, jintbagħtu bħala lsiera jaqdfu fuq ix-​xwieni, jew saħansitra jingħataw il-​mewt. Fil-​bidu tas-​seklu 18, madwar 25 fil-​mija mill-​ilsiera fuq ix-​xwieni kienu wħud li nqabdu bil-​kuntrabandu tal-​melħ, u l-​bqija kienu kriminali komuni, nies li kienu ħallew l-​armata bla permess, jew Protestanti persegwitati wara li kien ġie revokat l-​Editt taʼ Nantes.a Meta fi Franza qamet ir-​Rivoluzzjoni taʼ l-​1789, waħda mill-​ewwel affarijiet li riedu r-​rivoluzzjonarji kienet li titneħħa din it-​taxxa li tant kienu jobogħdu.

Il-​Ġbir tal-​Melħ bl-​Għajnuna tax-​Xemx

Il-​metodu kif jinġabar il-​melħ fil-​Kosta Atlantika taʼ Franza tistaʼ tgħid li għadu l-​istess bħalma kien sekli ilu. Mela kif jinġabar? Il-​mellieħ, jiġifieri dak li jiġbor il-​melħ, jgħaddi l-​ħarifa u r-​rebbiegħa jsewwi l-​gandotti tat-​tafal u l-​kanali fl-​imraġ u jħejji s-​salini fejn se jinġabarlu l-​melħ. Mal-​wasla tas-​sajf, l-​ilma f’dawn l-​imraġ jibda jevapora bl-​għajnuna tax-​xemx, ir-​riħ, u l-​marea tal-​baħar. Meta l-​baħar ikun mimli, l-​ilma baħar jimla l-​ewwel għadira jew salina li jsib, u hemmhekk l-​ilma joqgħod u jibda jevapora. Imbagħad l-​ilma jibda għaddej bil-​mod il-​mod mill-​kanali għal ġo serje taʼ salini oħra, fejn ikompli jevapora iktar. Hekk kif l-​ilma jsir iktar mielaħ, l-​alka mikroskopika titkattar, u b’hekk għal xi żmien l-​ilma baħar fis-​salini jkun jagħti fl-​aħmar. Malli jmutu, ifewħu l-​melħ b’riħa ħafifa taʼ fjuri tal-​vjoletti. Sakemm jasal sas-​salini fejn jinġabar il-​melħ, l-​ilma jkun sar kollu melħ, u minn 35 gramma melħ f’kull litru jiżdied għal madwar 260 gramma.

Minħabba li dawn l-​imraġ li jinħakmu mill-​marea tal-​baħar huma delikati ħafna, il-​produzzjoni tal-​melħ bl-​użu tal-​magni, bħalma jsir fl-​imraġ tal-​melħ Mediterranji taʼ Salin-de-Giraud u Aigues-Mortes, m’hijiex possibbli. Permezz taʼ biċċa għodda twila taʼ l-​injam, il-​mellieħ jiġbed il-​melħ lejn ix-​xifer tas-​salina, waqt li joqgħod attent li ma jaqlax xi tafal milli jkun hemm fil-​qiegħ baxx taʼ l-​għadira. Imbagħad, il-​melħ—li jkun jagħti ftit fil-​griż minħabba t-​tafal—jitħalla jinxef. Bħala medja, mellieħ jieħu ħsieb madwar 60 salina, u kull waħda minnhom tipproduċi madwar tunnellata u nofs melħ fis-​sena.

Xi drabi, fuq wiċċ l-​ilma jifforma saff irqiq taʼ kristalli tal-​melħ qishom borra. Dan jissejjaħ fleur de sel (fjura tal-​melħ), u jammonta biss għal persentaġġ żgħir mill-​melħ kollu li jinġabar fis-​sena. Madankollu, dan it-​tip taʼ melħ huwa mfittex ħafna mill-​koki Franċiżi.

M’għandniex xi ngħidu, dan kollu jiddependi minn xi jfettillu jagħmel it-​temp. Wieħed raġel li qabel kien negozjant tal-​melħ qal: “Ma tantx hemm wisq x’nagħmlu biex ma tiġiniex sena ħażina. Per eżempju, fl-​1950, għamlet xita s-​sajf kollu. Lanqas biss ġbarna biżżejjed melħ biex nimlew kappell tat-​tibna.” Pascal, mellieħ f’Guérande, ikkummenta: “Fl-​1997, ġbart 180 tunnellata taʼ melħ oħxon u 11-il tunnellata taʼ ‘fjura.’ Din is-​sena [1999], it-​temp ma kienx daqshekk galbu. Ġbart biss 82 tunnellata.” L-​ironija hi li t-​temp sħun ħafna wkoll jistaʼ jagħmel il-​ħsara, għax imbagħad l-​ilma mielaħ fis-​salini jisħon iżżejjed u ma jifformawx kristalli.

Id-​Domanda għall-​Melħ mill-​Imraġ taʼ l-​Atlantiku

Fis-​seklu 19, id-​domanda għall-​melħ mill-​imraġ taʼ l-​Atlantiku naqset minħabba l-​industrijalizzazzjoni. Il-​mezzi tat-​trasport tjiebu, u b’hekk il-​produtturi Mediterranji setgħu jġibu u jimlew is-​swieq b’melħ orħos. Iktar minn hekk, il-​klima Mediterranja tippermetti li l-​melħ jinġabar is-​sena kollha, u għalhekk il-​produzzjoni titlaʼ għal iktar minn 1.5 miljun tunnellata taʼ melħ fis-​sena. Iffaċċjati b’din il-​kompetizzjoni, sa l-​1970, il-​produzzjoni fl-​imraġ taʼ l-​Atlantiku niżlet fl-​iktar livell baxx li qatt kienet, u donnha kienet waslet biex tispiċċa għal dejjem.

Imma f’dawn l-​aħħar snin dan id-​“deheb abjad” reġaʼ kiseb xi ftit mill-​popolarità li kellu qabel. Is-​sitwazzjoni nbidlet hekk kif bdiet issir iktar enfasi fuq il-​valur ekoloġiku u ekonomiku taʼ dawn l-​imraġ. Is-​salini tal-​melħ huma parti minn ekosistema li hi menqa għal varjetà kbira taʼ pjanti u għasafar tal-​passa—post taʼ kenn li issa sar rikonoxxut u protett.

Iktar minn hekk, dawn ix-​xtut mhux mittiefsa fejn isir xogħol tradizzjonali li ma nbidilx minkejja l-​affarijiet moderni li nsibu llum, jiġbdu ħafna turisti li jixtiequ jsibu ftit mistrieħ mill-​ħajja kompetittiva u mgħaġġla tas-​soltu. Xi ħaġa oħra li ma rridux ninsew hi l-​fatt li ladarba ngħixu fi żmien fejn qed jiżdied it-​tħassib dwar it-​tniġġis u l-​kwalità taʼ l-​ikel li nieklu, dan il-​prodott taʼ l-​ikel li jinħadem b’mod naturali għalkollox, mingħajr ma jgħaddi mill-​ebda proċess jew trattament kimiku, għandu iktar ċans li jinbiegħ fis-​suq. Forsi, wara kollox, f’din id-​dinja taʼ globalizzazzjoni u kompetizzjoni ħarxa, għad baqaʼ post għall-​mellieħa taʼ Franza bil-​professjoni tagħhom li ilha sejra għal sekli sħaħ biex jipproduċu l-​melħ.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 t’Awissu, 1998, paġni 25-9, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 14]

IL-​MELĦ U SAĦĦTEK

L-​ikel b’ħafna melħ jintqal li jtellaʼ l-​pressjoni, fattur li jwassal għall-​attakki tal-​qalb. Għal din ir-​raġuni, l-​ispeċjalisti tas-​saħħa ġeneralment jirrikkmandaw li persuna ma tiħux iktar minn sitt grammi melħ kuljum.

Madankollu, studji reċenti donnhom jindikaw li nies bi pressjoni għolja ma tinżlilhomx il-​pressjoni b’mod sinifikanti jekk inaqqsu l-​melħ, u li dan jagħmel wisq inqas effett f’nies bi pressjoni normali. Studju pubblikat f’The Lancet taʼ l-​14 taʼ Marzu taʼ l-​1998 indika li nies li jieħdu inqas melħ tahom iktar attakki tal-​qalb minn dawk li jieħdu s-​sodju b’mod normali, u dan l-​istudju kkonkluda li “dieta b’inqas sodju tistaʼ tagħmel iktar ħsara milli ġid.” Artiklu fil-​Canadian Medical Association Journal (CMAJ) taʼ l-​4 taʼ Mejju taʼ l-​1999 iddikjara li “fil-​preżent m’huwiex rikkmandat li nies bi pressjoni normali jnaqqsu l-​konsum tal-​melħ, ladarba m’hemmx provi biżżejjed li juru li dan jistaʼ jnaqqas iċ-​ċans taʼ pressjoni għolja.”

Ifisser dan li m’hemmx għalfejn toqgħod attent kemm tieħu melħ? Bħal kull ħaġa oħra li għandha x’taqsam maʼ l-​ikel, il-​prinċipju huwa l-​bilanċ. L-​artiklu tas-​CMAJ li ssemma qabel, jagħti l-​parir li n-​nies għandhom jevitaw li jieħdu melħ żejjed, jillimitaw l-​ammont taʼ melħ fit-​tisjir, u jekk jistaʼ jkun ma jżidux melħ fil-​platt qabel ma jieklu. Madankollu, jekk tbati bil-​pressjoni għolja jew problemi tal-​qalb, imxi fuq il-​parir li jagħtik it-​tabib tiegħek.

[Mappa f’paġna 13]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Guérande

ÎLE DE NOIRMOUTIER

ÎLE DE RÉ

[Stampa f’paġna 14]

“Fleur de sel”

[Stampa f’paġna 15]

Il-​Belt taʼ Île de Ré

[Stampa f’paġna 15]

Il-​ġbir tal-​“fleur de sel”

[Stampa f’paġna 15]

L-​imraġ u s-​salini tal-​melħ

[Stampa f’paġna 15]

“Mellieħ” f’Noirmoutier

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 13]

© Cliché Bibliothèque nationale de France, Paris

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Fuq: Index Stock Photography Inc./Diaphor Agency; xellug: © V. Sarazin/CDT44; nofs u lemin: © Aquasel, Noirmoutier

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja