Ħarsa Lejn id-Dinja
Manjieri li Qed Jispiċċaw fix-Xejn
“Il-manjieri u l-imġiba tan-nies Ġappuniżi marru għall-agħar.” Dan hu kif wieġbu madwar 90 fil-mija mill-2,000 ruħ li ħadu sehem fi stħarriġ reċenti li sar mill-gazzetta The Yomiuri Shimbun. X’kien li dejjaqhom l-iktar? Għal 68 fil-mija minnhom kien “il-mod kif in-nies jarmu kif ġie ġie s-sigaretti, iċ-chewing gum, u l-bottijiet tal-luminata.” Iktar minn 50 fil-mija semmew li l-ġenituri m’humiex qed jiddixxiplinaw lit-tfal storbjużi tagħhom. Xi lmenti oħra kienu jinkludu l-użu tat-telefons ċellulari fil-pubbliku, li n-nies ma jnaddfux il-ħmieġ taʼ l-annimali tagħhom, u l-ipparkjar ħażin tal-karozzi u r-roti. Iż-żgħażagħ huma dawk li ġew kritikati l-iktar. “Fost dawk li wieġbu li kellhom bejn l-20 u l-40 sena, 66 fil-mija esprimew tħassib dwar il-manjieri ħżiena taʼ l-istudenti li jattendu l-iskejjel sekondarji u terzjarji.”
Kukkudrilli Użati Bħala Lixka
Il-kormorani, għasafar li x’aktarx jieklu madwar kilo ħut kuljum, “milli jidher huma l-iktar ħaġa li ddejjaq lil dawk li għandhom id-delizzju tas-sajd,” tgħid il-Calgary Herald tal-Kanada. Din il-gazzetta tirrapporta li biex ikeċċu l-kormorani u għasafar oħra li jieklu l-ħut, il-bdiewa u l-maniġers tal-fish-farms fl-Amerika taʼ Fuq qed jużaw għodda ġdida—kukkudrilli tal-plastik. Dawn il-kukkudrilli huma twal 4 metri u “għandhom żewġ għajnejn kbar li jirriflettu d-dawl, u jidhru qishom kukkudrilli fl-abitat naturali tagħhom,” tispjega l-Herald. Ċertu bijologu skopra li kukkudrill tal-plastik jifflowtja f’wiċċ l-ilma kien effettiv għal madwar xahar. Wara dan, l-għasafar bdew jindunaw, u saħansitra russett blu deher fuq dahar wieħed minn dawn il-kukkudrilli li ntużaw bħala lixka. Imma meta l-kukkudrill ittieħed xi mkien ieħor, l-għasafar li jieklu l-ħut reġgħu beżgħu minnu u taru.
“Trattament Abbużiv” fuq ix-Xogħol
Ir-raġuni prinċipali għala n-nies ifallu mix-xogħol fi Spanja hi l“moħqrija psikoloġika,” tirrapporta r-rivista El País Semanal. Iktar minn żewġ miljun Spanjol ikollhom iħabbtu wiċċhom għal żmien twil maʼ bulijiet li jittrattawhom b’mod abbużiv fuq ix-xogħol. Skond il-psikologu Iñaki Piñuel, il-vittmi ġeneralment ikunu ħaddiema ħabrieka li minħabba fihom l-oħrajn jibdew jgħiru għax iħossuhom inqas kapaċi. Xi ħaddiema għandhom mnejn jumiljaw lil wieħed minn sħabhom billi jżommulu l-inkarigi tax-xogħol, ma jinkluduhx fil-konversazzjoni, jinjorawh, jikkritikawh kontinwament, jew jaqilgħu minn żniedhom fuqu biex idgħajfulu l-fiduċja fih innifsu. “Huwa kalkulat li 1 minn kull 5 suwiċidji fl-Ewropa hu konness maʼ dan il-fenomenu,” jistqarr ir-rapport. X’jistaʼ jsir? Din ir-rivista tissuġġerixxi: “Iżżommx kollox fik. Qis li jkollok ix-xhieda. Irrapporta s-sitwazzjoni lill-uffiċjali tal-kumpanija. Twaħħalx fik innifsek. F’każi estremi, mur aħdem f’dipartiment ieħor [jew] agħmel xi xogħol ieħor.”
Problemi Mentali fit-Tfal
“Wieħed minn kull ħamest itfal fid-dinja jbatu minn problemi mentali jew dawk konnessi maʼ l-imġiba u dawn jistgħu jikkaġunawlhom ħsara li jibqgħu jbatu biha għal għomorhom,” tistqarr The Independent taʼ Londra. Rapport li għamlet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) flimkien mal-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF) iwissi li r-rati tad-dipressjoni, is-suwiċidju, u l-manija li jagħmlu ħsara lilhom infushom żdiedu b’mod “allarmanti” fost iż-żgħażagħ. L-iktar li qed jiġu effettwati huma dawk li jgħixu f’żoni tal-gwerra u f’pajjiżi li qed iġarrbu bidliet soċjali u ekonomiċi kbar. Skond The Independent, ir-rapport qal li t-tfal dipressi “kienu suxxettibbli għal mard ieħor u drawwiet riskjużi li jistgħu jqassrulhom ħajjithom.” Din stqarret ukoll li “madwar 70 fil-mija taʼ l-imwiet prematuri fost l-adulti kienu assoċjati maʼ l-imġiba li żviluppat fl-adolexxenza, bħalma hu t-tipjip, ix-xorb, u l-abbuż tad-drogi.”
Toroq Prinċipali għall-Ħlejjaq tal-Baħar
“Hija l-aqwa vjal fl-oċean,” tirrapporta The Sunday Times taʼ Londra. “F’qiegħ l-ilmijiet tal-Paċifiku hemm triq prinċipali li tibda mill-bajjiet xemxin taʼ Kalifornja tgħaddi mill-Ħawajj u tasal sax-xtut kollha blat tal-Ġappun.” Jeff Polovina, bijologu li jispeċjalizza fil-ħajja tal-baħar fl-inħawi tal-Ħawajj, dan l-aħħar skopra u għamel mappa taʼ din ir-rotta billi waħħal tikketti mal-balieni, il-fkieren, it-tonn, id-dniefel, u l-klieb il-baħar. F’din it-triq prinċipali hemm ħafna plankton, li jservi bħala ikel għall-granċijiet, il-bram, u l-klamari. Dawn imbagħad jipprovdu ikel abbundanti għall-vjaġġaturi li jkunu ġejjin mill-bogħod. Il-fkieren (Caretta caretta), li l-gazzetta ddeskriviethom bħala vjaġġaturi rinomati fid-dinja tar-rettili, ibidu l-bajd fil-Ġappun, jiżviluppaw lil hinn mill-kosta taʼ Kalifornja, u jivvjaġġaw bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Fix-xitwa, ir-rotta tinbidel xi ftit għal madwar 1,000 kilometru lejn in-nofsinhar, billi tibda min-nofsinhar taʼ Kalifornja sal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar.
Ibqaʼ f’Saħħtek
“L-attività fiżika tgħin biex wieħed jikkontrolla l-piż, jipproteġi saħħtu kontra problemi taʼ saħħa bħalma huma d-dijabete u l-osteoporożi, itejjeb il-burdata, u jorqod aħjar bil-lejl,” tgħid it-Tufts University Health and Nutrition Letter. Imma fuq kollox, “il-livell tas-saħħa tiegħek huwa fattur qawwi li jiddetermina kemm se tgħix.” Fi studju li dam sejjer 13-il sena fuq iktar minn 6,000 raġel taʼ mezz’età, ir-riċerkaturi taʼ l-Università taʼ Stanford u dawk fid-dipartiment tas-Sistema għall-Kura tas-Saħħa Fejn Għandhom x’Jaqsmu l-Veterani Amerikani sabu li mill-ammont t’eżerċizzju li individwu jagħmel mingħajr ma jħossu eżawrit jistaʼ jiġi determinat kemm se jgħix fit-tul. Għalkemm xi riċerki oħra jindikaw li l-ġenetika teffettwa ħafna l-kapaċità għall-eżerċizzju, anki l-eżerċizzju taʼ kuljum li ma jkunx daqshekk intensiv—bħall-mixi b’pass mgħaġġel—jgħin ħafna biex dak li jkun jibqaʼ f’saħħtu.
Bejgħ t’Alkoħol liż-Żgħażagħ
“Kważi 1 minn kull 10 żgħażagħ Awstraljani ma jgħaddix mingħajr alkoħol,” tirrapporta s-Sunday Telegraph taʼ l-Awstralja. Il-professur Ian Webster, president tal-Kunsill taʼ l-Awstralja f’Konnessjoni maʼ l-Alkoħol u Drogi Oħra, jgħid li żviluppat kultura fost iż-żgħażagħ li jgħidu li tmiem il-ġimgħa ma jkunx sabiħ jekk ma jqattgħuhx “jixorbu sakemm ma jarawx art.” The Sydney Morning Herald tirrapporta li xi esperti jħossuhom inkwetati minħabba “l-industrija li dejjem qed tikber mad-dinja kollha” taʼ bejgħ t’alkoħol liż-żgħażagħ. Xi riċerkaturi sabu li l-biċċa l-kbira min-negozjanti li jbigħu x-xorb alkoħoliku kellhom Web sites immirati għaż-żgħażagħ. “Dawn offrew biljetti għal kunċerti mużikali, u taw kummenti dwar films u, m’għandniex xi ngħidu, taw informazzjoni dwar il-prodott li jbigħu huma.” Skond ir-rapport, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed turi tħassib dwar dan ir-reklamar kollu li “qed isir biex jassiguraw ruħhom li l-alkoħol isir parti integrali mill-ħajja taż-żgħażagħ.”
Jinqatgħu mis-Soċjetà
Fil-Ġappun deher fenomenu pjuttost ġdid li jeffettwa prinċipalment lill-adolexxenti u lill-adulti żgħażagħ. Dan ġie msejjaħ hikikomori (qtugħ komplet mis-soċjetà), u ġibed l-attenzjoni pubblika għax saru investigazzjonijiet dwar delitti brutali minn żgħażagħ li kienu jħobbu jinqatgħu għalihom. “Ir-riċerka dwar l-istil taʼ ħajja taʼ dawn il-kriminali wriet li l-mod kif kienu jgħixu iżolati—magħluqin għal xhur sħaħ waħedhom f’kamrithom jużaw jew jilagħbu bil-kompjuter—xejn ma kien eċċezzjonali,” jirrapporta l-ġurnal mediku, The Lancet. Evidenza oħra tindika li l-hikikomori spiss hija r-riżultat tan-nuqqas taʼ ħeġġa u mhux tal-vjolenza. Madankollu, “ħafna jaqblu li din il-kundizzjoni hija r-riżultat tal-ġid materjali, it-teknoloġija, u l-kumditajiet moderni li toffri l-ħajja fil-Ġappun,” tgħid The Lancet. “Ħafna minn dawk li jbatu mill-hikikomori jqattgħu l-biċċa l-kbira mis-sigħat li jkunu mqajmin ifittxu fuq l-Internet jew jilagħbu fuq il-kompjuter, waqt li jordnaw bit-telefon x’jieklu u x’jixorbu u jġibuhulhom wara l-bieb.” Xi kalkoli juru li fil-Ġappun hemm miljun minn dawn iż-żgħażagħ li jħobbu jinqatgħu għalihom.