LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 8/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iktar Għaxar Qattiela Infettivi
  • Il-​Katekiżmu​—Diżastru
  • Jilbsu Lbies Każwali għall-​Knisja
  • Lura għall-​Morali?
  • It-​Tqala fost l-​Adolexxenti Hi Aċċettata
  • Tabella għal Atti taʼ Qalb Tajba
  • Problemi f’li Jżommu l-​Paċi
  • Problemi tas-​Saħħa Konnessi maż-​Żraben
  • Għala ma Tistax Tgħarrax Lilek Innifsek
  • Hemm Xi Riskji għal Dawk li Qed Jilagħbu?
    Stenbaħ!—2003
  • Għandi Nilgħab Logħob Elettroniku?
    Stenbaħ!—2008
  • X’għandi nkun naf dwar il-logħob elettroniku?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Stenbaħ!—1999
g99 8/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​Dinja

L-​Iktar Għaxar Qattiela Infettivi

Mad-​dinja kollha, miljuni taʼ nies imutu kull sena minn mard infettiv. Skond ir-​rivista Natural History, il-​mard infettiv li se nsemmu kien qatel l-​iktar nies fl-​1997. Infezzjonijiet respiratorji qawwijin, bħall-​pulmunite, kienu fl-​ewwel post billi qatlu 3.7 miljun ruħ. It-​tieni kien hemm it-​tuberkulosi, li qatlet 2.9 miljun ruħ. Il-​kolera u mard ieħor tad-​dijarea kienu t-​tielet, bi 2.5 miljun mewta. L-​AIDS qatlet 2.3 miljun ruħ. Bejn 1.5 miljun u 2.7 miljun ruħ mietu bil-​malarja. Il-​ħosba qatlet 960,000 ruħ. L-​epatite B qatlet 605,000 ruħ. Is-​sogħla konvulsiva swiet il-​ħajja taʼ 410,000. Bit-​tetnu mietu 275,000 ruħ. U 140,000 ruħ mietu bid-​dengue/dengue hemorrhagic fever. Minkejja l-​aqwa sforzi tal-​bniedem, mard infettiv tal-​passat għadu qed jhedded is-​saħħa tal-​bniedem fil-​biċċa l-​kbira tad-​dinja llum.

Il-​Katekiżmu​—Diżastru

F’ittra pastorali reċenti, l-​arċisqof taʼ Siena, Gaetano Bonicelli, innota li saħansitra wara li attendew għall-​korsijiet tal-​katekiżmu, dawk li għandhom 20 sena “lanqas jafu x’inhi d-​differenza bejn it-​Trinità u l-​Madonna.” Injoranza bħal din tad-​duttrini Kattoliċi hija riflessjoni taʼ dak li prelat ieħor taʼ grad għoli, il-​Kardinal Ratzinger, sejjaħ “id-​diżastru tal-​katekiżmu tal-​preżent,” tirrapporta l-​Corriere della Sera, taʼ Milan, fl-​Italja. L-​arċisqof Bonicelli jirrikkmanda r-​ritorn għall-​evanġelizzazzjoni. “Il-​missjoni, jiġifieri l-​evanġelizzazzjoni, issir l-​unika risposta possibbli għall-​knisja tat-​tielet millennju.”

Jilbsu Lbies Każwali għall-​Knisja

Fl-​Istati Uniti, in-​numru tan-​nies li jilbsu lbies każwali għall-​knisja qed jiżdied, tirrapporta l-​Associated Press. Xi qassisin jinsabu inkwetati li jaraw lil dawk li jmorru l-​knisja libsin xi shorts, jeans, jew ilbies każwali ieħor. L-​uffiċjali tal-​knisja jinsabu mħawdin​—ma jridux igerrxu membri ġodda jew ibegħdu adoraturi regulari li ma jridux jilbsu pulit. Skond stħarriġ wieħed, “madwar 30 fil-​mija taʼ l-​Amerikani jippreferu ċerimonji informali u kontemporanji,” meta jitqabblu mal-​21.5 fil-​mija li jippreferu ċerimonji iktar tradizzjonali.

Lura għall-​Morali?

Fiċ-​Ċina, stħarriġ reċenti rrivela li “għalkemm l-​adulti Ċiniżi saru iktar tolleranti dwar is-​sess barra miż-​żwieġ, il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​adolexxenti xorta għadhom kontra mġiba bħal din,” tirrapporta r-​rivista China Today. Dan it-​tagħrif kien ibbażat fuq stħarriġ taʼ madwar 8,000 ruħ. “Tlieta minn kull ħames adolexxenti qablu li n-​nies li jfarrku ż-​żwiġijiet t’oħrajn billi jkollhom relazzjoni sesswali għandhom jiġu kastigati jew b’mod finanzjarju jew b’xi mod ieħor,” wera dan l-​istħarriġ, “waqt li 70 fil-​mija tan-​nies fl-​età taʼ bejn 37 u 45 sena ma jaħsbux li għandu jingħata xi kastig għal attivitajiet bħal dawn.”

It-​Tqala fost l-​Adolexxenti Hi Aċċettata

“Fattur importanti fiż-​żjieda stabbli fin-​numru taʼ ommijiet mhux miżżewġin [hu] li huma aċċettati mis-​soċjetà,” tgħid The News, tal-​Belt tal-​Messiku. “Jidher li s-​soċjetà qed tagħmel sforzi kbar biex tħassar l-​istigma tat-​tqala fost l-​adolexxenti mhux miżżewġin. B’dan l-​att, għandha mnejn qed tinkuraġġihom iktar.” Tistaʼ din iż-​żjieda tiġi rriversjata? L-​artiklu jistqarr: “Li kieku l-​aġenziji tal-​pubbliċità kienu kapaċi jdawru l-​immaġni taʼ wieħed li jpejjep minn waħda sofistikata għal waħda degradanti, li kieku d-​dieta taʼ l-​Amerikani tistaʼ tinbidel minn waħda b’ħafna xaħam għal waħda b’ħafna fibra, imbagħad, l-​ideat taʼ l-​adolexxenti jistgħu jinbidlu u l-​fatt li jkollhom it-​tfal waqt li jkunu għadhom l-​iskola sekondarja jsir xi ħaġa taċ-​ċajt u kontroproduċenti.”

Tabella għal Atti taʼ Qalb Tajba

“Bażikament, it-​tfal huma egoċentriċi almenu sakemm ikollhom madwar 4 snin, meta mbagħad jibdew jiżviluppaw il-​kapaċità mentali li juru empatija,” jgħid rapport kwotat f’The Toronto Star. Sabiex it-​tfal jiġu megħjunin jiżviluppaw interess fl-​oħrajn, huwa suġġerit li jsir taħriġ id-​dar rigward azzjonijiet taʼ qalb tajba. Forsi l-​membri tal-​familja jistgħu jniżżlu fuq tabella għallinqas żewġ azzjonijiet volontarji taʼ qalb tajba li jagħmlu kuljum. Il-​ġenituri li jinnotaw xi azzjoni tajba min-​naħa tat-​tifel jew tifla tagħhom jistgħu jżiduha fuq it-​tabella. Diversi skejjel jużaw tabelli bħal dawn sabiex iġibu fix-​xejn l-​ibbuljar. L-​istudenti huma mistidnin biex iniżżlu l-​azzjonijiet taʼ qalb tajba min-​naħa taʼ tfal oħra li jkunu raw b’għajnejhom stess. Skond dan ir-​rapport, “dan jgħin lit-​tfal jirrikonoxxu l-​mogħdrija, li hu pass kruċjali f’li wieħed jitgħallem kif juriha u jipprattikaha hu stess.”

Problemi f’li Jżommu l-​Paċi

“Għaxar snin ilu, il-​missjonijiet tal-​paċi tal-​ĠM tant ġew stmati tajjeb li ngħataw kollettivament il-​Premju Nobel għall-​Paċi,” tistqarr il-​gazzetta The Globe and Mail taʼ Toronto. “Issa, il-​membri tal-​missjonijiet għaż-​żamma tal-​paċi​—pajżani, pulizija u suldati—​qed jaħsdu kemm tmaqdir kif ukoll tifħir. Għala seħħet din il-​bidla? “Problema fundamentali hi n-​natura tal-​konflitt modern. Ħafna mill-​gwerer tal-​lum mhux qed jiġu miġġildin minn armati organizzati sew b’għanijiet u duttrini ċari, imma minn partiti u mexxejja militari li qed jingaġġaw suldati adolexxenti għall-​għanijiet merċenarji. Qed jiġu miġġildin għall-​kontroll taʼ pajjiż, u mhux bejn il-​pajjiżi,” tgħid il-​Globe. Bħala riżultat, iżżid il-​gazzetta, “minflok ma joqogħdu attenti għall-​waqfien mill-​ġlied bejn il-​ġnus,” il-​forzi għaż-​żamma tal-​paċi tal-​Ġnus Magħquda “huma mdeffsin bejn il-​partiti li qed jiġġieldu li l-​għanijiet tagħhom​—xi drabi saħansitra l-​istrutturi tat-​tmexxija tagħhom—​m’humiex ċari, u li x-​xewqa tagħhom għall-​paċi hija dubjuża.”

Problemi tas-​Saħħa Konnessi maż-​Żraben

“L-​opinjoni medika tissuġġerixxi li wieħed minn kull sitt persuni għandhom problemi serji f’saqajhom, li taʼ spiss jistgħu jkunu konnessi maż-​żraben,” tirrapporta The Toronto Star. Uġigħ fl-​irkobbtejn, uġigħ fil-​ġenbejn, uġigħ fil-​parti t’isfel tad-​dahar, u uġigħ taʼ ras jistgħu wkoll ikunu qed jgħidulek biex tara x’żarbun qed tilbes. “L-​iktar ħaġa importanti li għandek tiftakar hi li ż-​żraben ma jsirux addattati għal saqajk, imma saqajk jaddattaw għalihom,” tgħid l-​iStar. “Tixtrix żarbun u tistenna li se jaddatta għal saqajk. Jekk ma tħossux komdu fil-​ħanut, tixtrihx.” Mur ixtri żarbun wara nofsinhar, ladarba “s-​saqajn normalment jintefħu xi ftit jew wisq matul il-​ġurnata,” u “ara li ż-​żarbun jiġik mill-​wisaʼ sal-​ponta taʼ subgħajk il-​kbir, minflok ma tara jekk daħallekx l-​għarqub.” In-​nisa għandhom rata statistikament ogħla taʼ problemi u mankamenti fis-​saqajn. Huwa maħsub li dan iseħħ għaliex 90 fil-​mija minnhom “jilbsu żraben li huma żgħar ħafna u ssikkati ħafna għal saqajhom” u “takkuna għolja taʼ spiss twassal għal ħafna mill-​iktar mankamenti serji fis-​saqajn.” Il-​gazzetta żżid: “Huwa importanti wkoll li tiftakar li l-​uġigħ jibda jinħass wara li tkun diġà saret il-​ħsara.”

Għala ma Tistax Tgħarrax Lilek Innifsek

“Tgħargħixa f’post tajjeb twassal biex saħansitra adult kbir jispiċċa bla saħħa. Imma l-​iktar vittma sensittiva tistaʼ għallinqas tistrieħ fuq il-​fatt li ma tistax tgħarrax lilha nfisha,” tistqarr The Economist. Għala le? Skond riċerka reċenti, it-​tweġiba tinsab fiċ-​ċervellett, il-​parti tal-​moħħ li tikkoordina l-​attività tal-​movimenti muskolari. Ir-​riċerkaturi jemmnu li ċ-​ċervellett mhux biss jikkoordina l-​azzjonijiet, imma huwa involut ukoll f’li jbassar il-​konsegwenzi sensorji tagħhom. B’hekk, meta n-​nies jipprovaw jgħarrxu lilhom infushom, iċ-​ċervellett jantiċipa s-​sensazzjoni u joħnoqha. Meta jgħarraxhom xi ħaddieħor, l-​istimulu u l-​kalkoli taċ-​ċervellett ma jaqblux, u s-​sensazzjoni ma tiġix maħnuqa. The New York Times, f’artiklu simili, esprimietha fil-​qosor b’dan il-​mod: “Il-​moħħ jistaʼ jinduna liema sensazzjonijiet taʼ tgħargħix huma kawżati mill-​azzjonijiet taʼ l-​individwu nnifsu u jagħtihom inqas prijorità, u b’hekk jistaʼ jkun iktar ħafif għal sensazzjonijiet li jsiru minn sorsi barranin li jistgħu jkunu iktar urġenti.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja