Mingħand il-Qarrejja
Gwerer Kemm ħassejtni tajba wara li qrajt “Il-Ħarsa tal-Bibbja: Japprovahom Alla l-Gwerer?” (8 taʼ Mejju, 2002) Dan is-suġġett partikulari interessani għaliex jien Xhud taʼ Jehovah u n-nies li ltqajt magħhom fil-ministeru tiegħi staqsewni għala l-ġens taʼ Iżrael fl-antik ħa sehem f’ħafna gwerer. Ipprovajt nispjegalhom, imma ma kellix biżżejjed informazzjoni. Dan l-artiklu tant kien sempliċi u konvinċenti! Jien ikkopjajt il-punti kollha sabiex inkun nistaʼ nużahom meta rrid. Tassew għandna bżonnhom artikli bħal dawn!
V. S., Russja
Jien kont sewwieq taʼ tank tal-gwerra fit-Tieni Gwerra Dinjija. Konna għadna kemm irbaħna għolja importanti għall-militar u l-għada fil-għodu tqiegħed artal f’dik l-għalqa. Niftakar li tliet gruppi li kienu jaħdmu fit-tankijiet niżlu għarkobbtejhom ħdejn l-artal u l-kappillan taʼ l-armata beda jberikhom. Ftit wara, ġejna attakkati lura u t-tliet gruppi nqatlu. Jien u marti sirna Xhieda taʼ Jehovah fl-1957, u sa dak iż-żmien konna diġà tgħallimna li Alla ma kien qed iżomm maʼ l-ebda naħa f’dik il-gwerra. Minn dakinhar ’l hawn, bdejna niġġieldu gwerra spiritwali, u m’għandna l-ebda dubju maʼ liema naħa jżomm Alla.
F. S., New Zealand
L-Omm Grazzi għas-serje t’artikli “L-Omm—Trid Tkun Xi Superwoman?” (8 t’April, 2002) Jien għandi biss 13-il sena, imma dawn l-artikli wrewni minn xiex tgħaddi ommi u minn xiex se tgħaddi fi ftit xhur oħra—għandha ħames xhur u nofs tqala. Issa li qrajt din ir-rivista, qed nipprova ħafna nagħtiha ġieħ u nuriha iżjed rispett.
N. B., Stati Uniti
Pressjoni Għolja Grazzi għall-artiklu mill-aqwa “Il-Pressjoni Għolja—Prevenzjoni u Kontroll.” (8 t’April, 2002) Kelli nidħol l-isptar minħabba li tani attakk tal-qalb għall-għarrieda. Wara, qrajt dan l-artiklu, u dan spjega fid-dettall x’għandu jagħmel wieħed li jkollu pressjoni għolja. M’għandniex xi ngħidu, it-tabib u l-ispeċjalista taʼ l-ikel kienu jgħiduli x’għandi nagħmel. Madankollu, dan l-artiklu huwa miktub b’tali mod li faċli tifhmu. Minn issa ’l quddiem, irrid nieħu ħsieb sew tal-ħajja li tani Jehovah!
N. I., Ġappun
Jien inbati bil-pressjoni għolja, u nies fil-professjoni medika tawni l-parir li nnaqqas il-melħ u nieħu biss sa żewġ grammi kuljum. F’paġna 22, hemm iċ-ċifra taʼ sitt grammi kuljum, fejn jingħad li din l-informazzjoni ġejja mit-Tielet Ftehim Brażiljan dwar il-Pressjoni Għolja Ħafna taʼ l-Arterji. Din tidher għolja. Forsi sar xi żball fl-istampar?
F. S., Stati Uniti
“Stenbaħ!” iwieġeb: Is-sors taʼ din l-istqarrija jirrikkmanda mhux iktar minn 100 mEq (milliekwivalenti) taʼ melħ kuljum, li jiġu 5.85 grammi. Kuċċarina, li forsi hija iktar faċli li timmaġinaha, tkun xi 5.18 grammi. Madankollu, bħalma ammettiet in-nota taʼ taħt, persuna bil-pressjoni għolja ħafna jew b’xi ħaġa simili għandha tkellem tabib. Għandu mnejn li jkun aħjar għal persuna bħal din li tnaqqas il-melħ jerġaʼ iktar minn hekk.
Mingħand Żagħżugħa Jien għandi disaʼ snin, u qiegħda fir-rabaʼ sena taʼ l-iskola. Nixtieq nirringrazzjakom għall-artikli sbieħ li toħorġu fir-rivisti tagħkom. Serje waħda li kienet utli ħafna għalija kien jisimha “Iċ-Ċelebrazzjonijiet Popolari—Gost Iva, Ħsara Le?” (8 t’Ottubru, 2001) Wara li ħallejt ir-rivista maʼ l-għalliema taʼ l-Ingliż, hi użat il-materjal taħt is-sottitlu “Ir-Rivalità Reliġjuża” għal xi xogħol fil-klassi. Hi apprezzat ferm l-eżattezza taʼ dak li kien fihom l-artikli. Grazzi taʼ dak kollu li tiktbu għall-inkuraġġiment u l-protezzjoni tagħna.
N. R., Italja
Apprezzament Tassew napprezza l-fatt li tippubblikaw artikli taʼ interess speċjali, bħalma huma dawk dwar l-annimali. Jien waħdi fil-familja tiegħi bħala Xhud taʼ Jehovah, u ħadd mill-familja tiegħi ma jinteressah jaqra l-letteratura li tidher li tkun fuq suġġett reliġjuż. Imma dawn l-artikli huma interessanti ħafna biex taqrahom, u jiddeskrivu b’mod favorevoli lill-Ħallieq tagħna b’tali mod li wħud li m’humiex Xhieda jieħdu pjaċir jaqrawhom. Grazzi tax-xogħol taʼ l-għaġeb li qegħdin tagħmlu u l-ġmiel taʼ rivisti li qed tipproduċu.
T. C., Stati Uniti