Il-Ħarsa tal-Bibbja
Hemm Xi Dnub li Ma Jinħafirx?
HEMM xi kastig agħar mill-mewt? Iva, mewt mingħajr it-tama taʼ rxoxt minħabba li persuna tkun ikkommettiet dnub li ma jistax jinħafer. Ġesù qal li hemm tip taʼ dnub li “ma jinħafirx.”—Mattew 12:31.
Madankollu, il-Bibbja tiddeskrivi lil Alla bħala wieħed li jaħfer. Għalkemm il-bnedmin jistaʼ jkollhom it-tendenza li jżommu f’qalbhom u ma jaħfrux, Alla “jaħfer ħafna.” (Isaija 55:7-9) Tant hu hekk, li għalkemm swielu ħafna, hu bagħat lil Ibnu l-għażiż fuq l-art bħala sagrifiċċju tant prezzjuż li setaʼ jħassar jew ipatti għad-dnubiet tagħna.—Ġwann 3:16, 17; Atti 3:19; 1 Ġwann 2:1, 2.
Meta jasal il-waqt, Alla se jirxoxta lil ħafna wħud li kienu ħatja taʼ dnubiet serji imma li mhux se jkollhom iktar għalfejn jagħtu kont għall-azzjonijiet tagħhom tal-passat. (Atti 24:15; Rumani 6:23) Fil-fatt, Ġesù qal li “d-dnubiet kollha u d-dagħa kollu jinħafrilhom lill-bnedmin,” ħlief dak id-dnub li ma jinħafirx. (Mattew 12:31) Għalhekk int għandek mnejn tistaqsi, ‘X’jistaʼ jkun daqshekk ħażin li ma jinħafirx minn Alla?’
Meta l-Indiema Ma Tkunx Iktar Possibbli
It-twissija taʼ Ġesù rreferiet għal “dagħwa kontra l-Ispirtu” li nagħmlu minn rajna u apposta. M’hemm l-ebda ħelsien għal min jagħmel dan it-tip taʼ dnub. “La f’did-dinja, u lanqas fid-dinja li ġejja,” hu jżid. (Mattew 12:31, 32, Karm Żammit) Dawk li huma ħatja taʼ dnub bħal dan ma jiġux irxoxtati.
X’inhi d-dagħwa kontra l-ispirtu? Din toħroġ mill-qalb, tikxef attitudni u intenzjoni ħażina. L-intenzjoni li topponi l-ispirtu t’Alla apposta jagħmel id-dnub iktar gravi. Biex inġibu eżempju: F’ċerti pajjiżi, il-liġi tagħmel differenza bejn qtil taʼ l-ewwel grad u qtil tat-tieni grad fuq il-bażi taʼ l-intenzjoni li kien hemm u l-mod kif twettaq il-qtil, u tillimita l-piena kapitali (il-mewt) biss f’każ taʼ qtil li jsir b’intenzjoni jew li jkun premeditat.
Qabel, l-appostlu Pawlu kien midgħi, imma qal: “Sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf.” (1 Timotju 1:13) Li tidneb kontra l-ispirtu qaddis ifisser li topponih apposta. Dan jinvolvi kundizzjoni tal-qalb mill-agħar li tasal sal-punt li ma tkunx tistaʼ terġaʼ lura.
Jidher ċar li Pawlu kien qed jirreferi għal dan it-tip taʼ dnub meta kiteb: “Ma jistax ikun li traġġaʼ lura għall-indiema lil dawk li, wara li darba sfaw imdawwla; wara li daqu d-don tas-sema fl-Ispirtu s-Santu; wara li daqu t-tjubija tal-kelma taʼ Alla u l-qawwa taż-żmien li għad irid jiġi, mbagħad reġgħu waqgħu.” (Lhud 6:4-6) L-appostlu qal ukoll: “Għax jekk wara li ħadna t-tagħrif sħiħ tal-verità nidinbu minn rajna, ma hemmx sagrifiċċju ieħor għad-dnub xi jsir.”—Korsiv tagħna; Lhud 10:26.
Kienet l-imġiba taʼ xi wħud mill-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù li ġagħlitu jwissi kontra d-dnub li ma jinħafirx. Imma huma ma tawx kas it-twissija tiegħu. Fil-fatt, waslu biex qatluh. Iktar tard, semgħu evidenza li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li l-ispirtu qaddis kien għamel xi ħaġa mirakoluża. Intqalilhom li Ġesù kien ġie mqajjem mill-mewt! Dan għamilha ċara li Ġesù kien il-Kristu! Minkejja dan, huma aġixxew b’mod li kien verament mill-agħar kontra l-ispirtu qaddis billi ħallsu lis-suldati Rumani biex jigdbu dwar il-qawmien taʼ Ġesù.—Mattew 28:11-15.
Twissija għall-Kristjani Veri
Il-Kristjani veri għala jagħtu kas sew tat-twissija rigward id-dnub li ma jinħafirx? Għaliex għalkemm għandna għarfien eżatt dwar Alla u dwar l-attività taʼ l-ispirtu tiegħu, xorta tistaʼ tiżviluppa fina qalb mill-agħar. (Lhud 3:12) Irridu noqogħdu attenti li ma naħsbux li dan qatt ma jistaʼ jiġri lilna. Ikkunsidra dak li ġara lil Ġuda l-Iskarjota. Darba, hu kien segwaċi leali taʼ Ġesù. Kien magħżul bħala wieħed mit-12-il appostlu, allura bilfors li kellu kwalitajiet tajbin. Imma f’ċertu punt wasal biex beda jħalli l-ħsibijiet u x-xewqat mill-agħar jikbru, sakemm fl-aħħar għelbuh għalkollox. Fl-istess żmien li Ġuda kien xhud tal-mirakli inkredibbli li beda jagħmel Ġesù, hu kien qiegħed jisraq. Imbagħad, għall-flus, ittradixxa lill-Iben t’Alla apposta.
Xi wħud li darba kienu Kristjani leali tbiegħdu minn Alla apposta, forsi minħabba xi offiża, kburija, jew regħba, u issa saru apostati li jiġġieldu kontra l-ispirtu t’Alla. Huma jopponu apposta dak li l-ispirtu qiegħed iwettaq b’mod ċar. Ikkommettew dawn l-individwi d-dnub li ma jinħafirx? Jehovah biss hu l-Imħallef.—Rumani 14:12.
Minflok ma niġġudikaw lil oħrajn, nagħmlu tajjeb li noqogħdu attenti li aħna stess ma nikkommettux dnubiet bil-moħbi li, bil-mod il-mod, jistgħu jħassrulna qlubna. (Efesin 4:30) Nistgħu niksbu faraġ mill-fatt li jekk nindmu, Jehovah dejjem lest li jaħfrilna saħansitra dnubiet serji li nkunu kkommettejna.—Isaija 1:18, 19.
[Stampa f’paġna 28, 29]
Xi Fariżej ikkommettew id-dnub li ma jinħafirx