Is-Sirja Tidwi b’Imgħoddi Interessanti
KIENET tinsab f’salib it-toroq tad-dinja tal-qedem—il-post li fih kienu jiltaqgħu r-rotot tal-karavani mill-Mediterran saċ-Ċina u mill-Eġittu sa l-Anatolja. Xi darba jew oħra l-armati taʼ l-Akkad, il-Babilonja, l-Eġittu, il-Persja, il-Greċja, u Ruma għaddew mis-Sirja. Sekli wara, it-Torok u l-Kruċjati għaddew minnha. Fi żminijiet moderni, armati minn Franza u l-Britannja ġġieldu biex jaħkmuha.
Illum parti minn dak ir-reġjun għad għandha l-isem li kienet magħrufa bih eluf taʼ snin ilu—is-Sirja. Filwaqt li dawn l-inħawi raw ħafna bidliet, dawn għadhom jidwu bl-istorja tagħhom. Din hija art taʼ interess partikulari għall-istudenti tal-Bibbja, għax is-Sirja kellha rwol importanti fl-istorja tal-Bibbja.
Damasku—Belt Antika
Per eżempju, ejja nieħdu lil Damasku, il-belt kapitali tas-Sirja. Jintqal li din kienet waħda mill-eqdem bliet fid-dinja li kienet abitata dejjem minn meta bdiet teżisti. Damasku li qiegħda fit-tarf tal-muntanji Anti-Libanu, bix-Xmara Barada għaddejja minn ġo fiha, għal sekli sħaħ serviet bħala oasi tant mixtieq fit-tarf tad-Deżert Sirjan il-kbir. X’aktarx li meta kien sejjer lejn in-nofsinhar taʼ Kangħan, il-patrijarka Abraham għadda minn din il-belt. U ħa lil Eligħeżer “taʼ Damasku” f’daru bħala qaddej.—Ġenesi 15:2.
Kważi elf sena wara, slaten Sirjani taʼ Soba ġġieldu kontra l-ewwel sultan taʼ Iżrael, Sawl. (1 Samwel 14:47) It-tieni sultan taʼ Iżrael, David, tqabad ukoll mas-slaten taʼ Aram (l-isem Lhudi għas-Sirja), rebħilhom, u “qiegħed għases f’Aram taʼ Damasku.” (2 Samwel 8:3-8) B’hekk, l-Iżrael u s-Sirja saru għedewwa u baqgħu hekk għal żmien twil.—1 Slaten 11:23-25.
Sa l-ewwel seklu E.K., il-mibegħda bejn is-Sirjani u l-Lhud kienet tidher li naqset. F’dak il-perijodu kien hemm ukoll numru taʼ sinagogi Lhud f’Damasku. Għandek mnejn tiftakar li Sawl (iktar tard Pawlu) taʼ Tarsu kien sejjer minn Ġerusalemm lejn Damasku meta ġie konvertit għall-Kristjanità.—Atti 9:1-8.
Damasku taʼ żmienna ma fiha l-ebda evidenza li Abraham għadda minn hemm jew dwar ir-rebħa taʼ David. Iżda għad hemm xi fdalijiet tal-belt antika Rumana kif ukoll taʼ triq prinċipali li kienet tgħaddi mill-belt antika. Din it-triq għandha l-istess rotta tat-triq antika Rumana Via Recta (Triq id-Dritta). Kien ġo dar f’din it-triq li Ħananija sab lil Sawl wara li Sawl, minħabba miraklu li kien sarlu, ikkonverta għall-Kristjanità eżatt barra Damasku. (Atti 9:10-19) Filwaqt li llum it-triq hija differenti ferm minn kif kienet fi żmien ir-Rumani, huwa propju hawnhekk li l-appostlu Pawlu beda l-karriera li tispikka tiegħu. It-Triq id-Dritta tispiċċa fil-bieb Ruman taʼ Bab-Xarki. Il-ħitan tal-belt, bi djar mibnijin fuqhom, jgħinuna nifhmu kif Pawlu setaʼ jaħrab meta niżżluh ġo qoffa mas-sur tal-belt.—Atti 9:23-25; 2 Korintin 11:32, 33.
Palmira—Oasi Storiku
Xi tliet sigħat lejn il-grigal taʼ Damasku hemm post arkeoloġiku straordinarju: Palmira, li fil-Bibbja tissejjaħ Tadmor. (2 Kronaki 8:4) Dan l-oasi jinsab fin-nofs bejn il-Baħar Mediterran u x-Xmara Ewfrat, u jiġi minn nixxigħat taħt l-art li jinżlu hawnhekk mill-muntanji lejn it-tramuntana. Ir-rotta antika tal-kummerċ bejn il-Mesopotamja u l-artijiet li qegħdin fil-punent kienet issegwi n-Nofs Qamar Fertili (art għammiela forma taʼ qamar felli), u b’hekk kienet tgħaddi mit-tramuntana mbiegħda taʼ Palmira. Madankollu, fl-ewwel seklu taʼ Q.E.K. fin-naħa tat-tramuntana l-politika ma kinitx stabbli, u b’hekk in-nies kienu jippreferu jivvjaġġaw vjaġġ iqsar lejn in-nofsinhar. Għalhekk, Palmira kienet laħqet prosperità kbira.
Minħabba li għal Ruma Palmira kienet saret bħal difiża għall-inħawi taʼ l-imperu lejn il-lvant, ġiet integrata fil-provinċja Rumana tas-Sirja, iżda eventwalment ġiet dikjarata bħala belt indipendenti. Fi triq sabiħa mimlija kolonni kien hemm mibnijin tempji kbar, arkati monumentali, banjijiet, u teatru. L-art tal-loġoġ li kien hemm fuq kull naħa kienet miksija għal dawk li kienu jimxu f’dik il-biċċa, iżda t-triq prinċipali fin-nofs ma kinitx miksija minħabba li minn hemm kienu jgħaddu l-karavani bl-iġmla. Il-karavani li kienu jgħaddu mir-rotta tal-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Indja fil-Lvant u d-dinja Griega-Rumana fil-Punent kienu jieqfu f’Palmira. Hemmhekk kellhom iħallsu t-taxxi fuq il-ħarir, il-ħwawar, u fuq affarijiet oħra li kienu jġorru magħhom.
Fl-aqwa tagħha, fit-tielet seklu taʼ l-E.K., Palmira kellha popolazzjoni taʼ madwar 200,000 ruħ. Kien f’dan iż-żmien li s-Sultana ambizzjuża Żenobja tqabdet maʼ Ruma u fl-aħħar mill-aħħar tilfet kontra tagħha fis-sena 272 E.K. B’hekk, Żenobja mingħajr ma kienet taf wettqet parti minn profezija li kienet imniżżla minn Danjel xi 800 sena qabel.a (Danjel, kapitlu 11) Wara li tilfet Żenobja, Palmira kampat għal xi żmien bħala bażi strateġika taʼ l-Imperu Ruman, iżda qatt ma reġaʼ kellha l-poter u l-isplendur taʼ qabel.
Tul l-Ewfrat
Wara vjaġġ bil-karozza taʼ tliet sigħat minn ġod-deżert lejn il-grigal minn Palmira, insibu r-raħal Dejr eż Żor, fejn hemmhekk tistaʼ tara x-Xmara kbira taʼ l-Ewfrat. Din ix-xmara storika tibda mill-muntanji taʼ l-Anatolja tal-lvant (Turkija Asjatika), tibqaʼ għaddejja għal ġos-Sirja eżatt fit-tramuntana taʼ Karkemis, u tibqaʼ nieżla lejn ix-xlokk minn ġos-Sirja lejn l-Iraq. Mhux ’il bogħod mill-fruntiera taʼ l-Iraq, insibu l-fdalijiet taʼ żewġt ibliet antiki tas-Sirja.
Mitt kilometru lejn ix-xlokk, f’liwja waħda taʼ l-Ewfrat, insibu l-fdalijiet tal-belt u l-fortizza antika taʼ Dura-Ewropos. Xi 25 kilometru oħra lejn ix-xlokk insibu l-fdalijiet taʼ Mari. Din darba kienet belt kummerċjali prosperuża imma kienet inqerdet mis-Sultan Babiloniż Ħammurabi fis-seklu 18 Q.E.K. Fl-arkivji tal-palazz irjali tagħha nstabu minn taʼ l-inqas 15,000 tavla tat-tafal imnaqqxa—dokumenti li għenu ħafna biex tinkiseb l-istorja taʼ dak il-perijodu antik.
Meta t-truppi taʼ Ħammurabi ġarrfu l-belt, waqqgħu l-iktar ħitan għoljin li kien hemm, u mlew il-kmamar iż-żgħar bil-ġebel u l-ħamrija. Dan ipproteġa l-pitturi li kien hemm mal-ħajt, l-istatwi, iċ-ċeramika, u l-ħafna oġġetti maħdumin bl-idejn, sakemm tim taʼ arkeoloġi Franċiżi skoprew dan il-post fl-1933. Tistaʼ tara dawn l-oġġetti fil-mużewijiet taʼ Damasku u Aleppu kif ukoll fil-mużew taʼ Louvre, f’Pariġi.
Bliet Antiki fil-Majjistral tas-Sirja
Jekk issegwi l-Ewfrat lejn il-majjistral tiġi ġo Aleppu (Ħaleb). Aleppu, bħal Damasku, tidher li hi waħda mill-iktar bliet qodma tad-dinja li dejjem kienu jgħixu n-nies fiha. Is-suq taʼ Aleppu huwa fost l-iktar pittoresk fil-Lvant Nofsani.
Fin-naħa tan-nofsinhar taʼ Aleppu nsibu Tell Mardikh, fejn jidhru l-fdalijiet tal-belt antika taʼ Ebla, li kienet stat ukoll. Ebla kienet belt potenti tal-kummerċ li fl-aħħar nofs tat-tielet millennju Q.E.K. ddominat in-naħa tat-tramuntana tas-Sirja. Permezz taʼ tħaffir li sar hemmhekk instabu l-fdalijiet taʼ tempju dedikat lill-alla Babiloniża Ixtar. Instab ukoll palazz irjali u fil-kmamar taʼ l-arkivji tiegħu nstabu xi 17,000 tavla tal-fuħħar. Tistaʼ tara oġġetti maħdumin bl-idejn minn Ebla fil-mużew taʼ Idlib, belt żgħira li tinsab 25 kilometru ’l bogħod mill-post.
Fin-nofsinhar, fit-triq taʼ Damasku nsibu lil Ħama, Ħamat li nsibu fil-Bibbja. (Numri 13:21) Ix-xmara Oronti tgħaddi minn Ħama, u b’hekk tagħmel lil din il-belt waħda mill-isbaħ bliet tas-Sirja. Imbagħad insibu lil Ras Xamra, il-post fejn qabel kien hemm il-belt antika taʼ Ugarit. Fit-tielet u t-tieni millennju Q.E.K., Ugarit kienet port prosperuż tal-kummerċ li kien mgħaddas fil-qima taʼ Bagħal u Dagon. Mill-1929 ’l hawn, arkeoloġi Franċiżi qalgħu minn taħt l-art ħafna twavel tal-fuħħar u oġġetti tal-bronż imnaqqxin li kixfu kemm il-qima taʼ Bagħal kienet degradanti. Dan jgħinna nifhmu aħjar għala Alla kkundanna lill-Kangħanin għall-qerda totali għax kienu jaqdu lil Bagħal.—Dewteronomju 7:1-4.
Iva, lis-Sirja moderna għadek tistaʼ tismagħha tidwi b’imgħoddi interessanti.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Il-Padruna b’Xagħarha Iswed tad-Deżert Sirjan,” fil-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 1999, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Mappa f’paġna 24, 25]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-BAĦAR MEDITERRAN
‐‐ Fruntieri li jikkaġunaw tilwim
EĠITTU
IŻRAEL
ĠORDAN
LIBANU
SIRJA
DAMASKU
Barada
Oronti
Ħama (Ħamat)
Ugarit (Ras Xamra)
Ebla (Tell Mardikh)
Aleppu (Ħaleb)
Karkemis (Jerablus)
Ewfrat
Żenobja
Dejr eż Żor
Dura-Ewropos
Mari
Palmira (Tadmor)
IRAQ
TURKIJA
[Stampi f’paġna 24]
Damasku (taħt) u Triq id-Dritta (fuq)
[Stampa f’paġna 25]
Djar f’forma taʼ doqqajs
[Stampa f’paġna 25]
Ugarit
[Stampa f’paġna 25]
Ħama
[Stampa f’paġna 26]
Mari
[Stampa f’paġna 26]
Aleppu
[Sors]
© Jean-Leo Dugast/Panos Pictures
[Stampa f’paġna 26]
Palazz irjali, Ebla
[Stampa f’paġna 26]
Xi rgħajja f’Żenobja
[Stampi f’paġna 26]
Palmira
[Stampa f’paġna 26]
L-Ewfrat f’Dura-Ewropos
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 25]
Tfal: © Jean-Leo Dugast/Panos Pictures; djar f’forma taʼ doqqajs: © Nik Wheeler