Ebla—Belt Minsija Terġaʼ Titfaċċa
Fis-sajf taʼ l-1962, Paolo Matthiae, arkeologu żagħżugħ Taljan, spezzjona l-pjanuri fil-majjistral tas-Sirja mingħajr ma kien jaf x’se jsib. Il-qalba tas-Sirja kienet meqjusa bħala li kienet fqira f’sens arkeoloġiku. Madankollu, mill-iskavazzjonijiet li nbdew sentejn wara f’Tell Mardikh, madwar 60 kilometru ’l bogħod min-nofsinhar t’Aleppo, kienu se joħorġu dawk li ġew meqjusin bħala ‘l-iktar skoperti arkeoloġiċi importanti tas-seklu 20.’
XI SKRIZZJONIJIET antiki taw prova li eżistiet belt li kien jisimha Ebla. Madankollu, ħadd ma kien jaf taħt liema għaqba, jew għolja bi fdalijiet taʼ bliet, fost il-ħafna li kien hemm imferrxin fil-Lvant Nofsani setgħet tinstab il-belt. Kitba minnhom tkellmet dwar ir-rebħa li Sargon, sultan t’Akkad, kellu fuq “Mari, Yarmuti, u Ebla.” Fi skrizzjoni oħra, is-Sultan Sumerjan Gudea semma l-injam prezzjuż li rċieva mill-“muntanji taʼ Ibla [Ebla].” L-isem Ebla deher ukoll f’Karnak, l-Eġittu, f’lista taʼ bliet antiki li l-Fargħun Thutmose III kien rebaħ. Għaldaqstant tistaʼ tifhem għala xi arkeoloġi kienu pprovaw ifittxu l-belt t’Ebla.
Madankollu, iktar skavazzjonijiet taw ir-riżultati. Fl-1968 instabet parti mill-istatwa taʼ Ibbit-Lim, wieħed mis-slaten t’Ebla. Fuqha kien hemm iskrizzjoni taʼ wegħda bil-lingwa t’Akkad li wriet li din l-istatwa kienet dedikata lill-alla mara Ixtar, li kienet “tiddi f’Ebla.” Iva, l-iskoperti arkeoloġiċi bdew jikxfu “lingwa ġdida, storja ġdida, u kultura ġdida.”
Fl-1974/75 kien hemm konferma li Tell Mardikh kienet tikkorrispondi għall-belt antika t’Ebla meta skoprew it-twavel kunejformi li għal darba wara l-oħra rreferew għal dan l-isem antik. L-iskavazzjonijiet urew ukoll li l-belt eżistiet darbtejn. Wara l-ewwel perijodu bħala qawwa influwenti, hi ġiet meqruda. Imbagħad, Ebla reġgħet inbniet, biex xorta reġgħet spiċċat meqruda darba oħra u spiċċat minsija għal sekli sħaħ.
Belt Waħda, Ħafna Stejjer
L-iktar bliet antiki kienu nbnew fuq meded t’art li jegħrqu spiss bl-ilma tax-xmajjar, bħalma hemm bejn ix-xmara Tigri u l-Ewfrat, fejn setaʼ jsir ħafna tkabbir taʼ prodotti tar-rabaʼ. L-ewwel bliet imsemmijin fil-Bibbja kienu jinsabu fil-Mesopotamja. (Ġenesi 10:10) Mid-dehra, l-isem Ebla jfisser “Ġebla Bajda,” u jirreferi għas-saff taʼ ġebel tal-ġir li l-belt kienet inbniet fuqu. Milli jidher, il-post intgħażel minħabba s-saff tal-ġir li kien jagħti garanzija li kien hemm provvista naturali taʼ l-ilma, xi ħaġa importanti għal reġjun li kien ’il bogħod minn xmajjar prinċipali.
Minħabba li ma tantx kienet tagħmel xita fl-inħawi t’Ebla, l-iktar prodotti li setgħu jiġu kultivati kienu ċ-ċereali, id-dwieli, u s-siġar taż-żebbuġ. L-inħawi kienu tajbin ukoll biex irabbu l-imrieħel, speċjalment in-nagħaġ. Il-pożizzjoni strateġika t’Ebla—bejn il-Pjanura tal-Mesopotamja u l-Kosta Mediterranja—għenet biex ikun hemm kummerċ taʼ l-injam, tal-ħaġar semi-prezzjuż, u tal-metall. Il-belt kienet tiddomina reġjun li kien abitat minn 200,000 ruħ, li 10 fil-mija minnhom kienu jgħixu fil-belt kapitali.
Il-fdalijiet taʼ palazz kbir jagħtu prova tal-kobor t’Ebla f’dan iż-żmien partikulari. Biex tidħol ġol-palazz kellek tgħaddi minn bieb kbir li kien xi 12 jew 15-il metru għoli. Maż-żmien, il-palazz kien ġie mkabbar sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-bżonnijiet li kienu qed jiżdiedu t’amministrazzjoni qawwija li dejjem kienet qed tikber. L-uffiċjali ħadmu b’sistema kumplessa taʼ ġerarkija—is-sultan u l-mara tiegħu kienu megħjunin minn “sidien” u “gvernaturi.”
Instabu iktar minn 17,000 tavla tat-tafal u frammenti. Oriġinalment, wisq probabbli kien hemm iktar minn 4,000 tavla sħiħa li kienu jitpoġġew b’attenzjoni kbira fuq xkafef taʼ l-injam. Dawn id-dokumenti jagħtu prova taʼ kemm kien mifrux il-kummerċ f’Ebla. Per eżempju, il-belt kienet tinnegozja maʼ l-Eġittu, bħalma juru xi simboli rjali taʼ żewġ fargħunijiet. It-twavel kienu primarjament miktubin b’kunejformi Sumerjana. Imma ftit minnhom kienu miktubin bil-lingwa t’Ebla, lingwa Semitika antika ħafna li setgħet tiġi deċifrata grazzi għal dawn id-dokumenti. Xi orientalisti kienu sorpriżi li skoprew lingwa Semitika daqshekk antika. Għandek mnejn issib taʼ interess il-fatt li xi twavel fihom listi b’żewġ lingwi, jiġifieri bis-Sumerjan u bil-lingwa t’Ebla. Il-ktieb Ebla—Alle origini della civiltà urbana (Ebla—Fl-Oriġini taċ-Ċivilizzazzjoni Urbana) isejħilhom “l-eqdem dizzjunarji li nafu bihom.”
Milli jidher, Ebla kienet qawwa militari għar-raġuni li xi xogħlijiet imnaqqxin li ġew skavati juru gwerriera t’Ebla joqtlu lill-għedewwa tagħhom jew qed jippreżentaw irjus maqtugħin. Madankollu, il-glorja t’Ebla spiċċat meta l-Assirja u Babilonja kienu qed jikbru fis-setgħa tagħhom. M’huwiex faċli tkun taf x’ġara eżattament f’dawk iż-żminijiet, imma mid-dehra Ebla l-ewwel ġiet attakkata minn Sargon I (mhux Sargon li jissemma f’Isaija 20:1) u mbagħad min-neputi tiegħu Naram-Sin. L-evidenza arkeoloġika turi li t-taqbid kien vjolenti u l-attakki kienu feroċi.
Madankollu, bħalma ssemma diġà, wara xi żmien il-belt reġgħet inbniet u saħansitra kisbet importanza fir-reġjun. Din il-belt ġdida kienet mibnija skond pjan preċiż, b’tali mod li ġagħalha tidher iktar impressjonanti. Fin-naħa t’isfel tal-belt kien hemm post sagru dedikat lill-alla mara Ixtar, li kienet meqjusa wkoll mill-Babiloniżi bħala l-alla mara tal-fertilità. Għandek mnejn smajt bil-famuż Bieb taʼ Ixtar, li nstab fost il-fdalijiet taʼ Babilonja. Milli jidher, f’bini impressjonanti partikulari f’Ebla kienu jinżammu xi ljuni li kienu meqjusin bħala sagri għall-alla mara Ixtar. Dan iwassalna għas-suġġett tar-reliġjon t’Ebla.
Ir-Reliġjon f’Ebla
Bħal kull post ieħor fil-Lvant tal-qedem, Ebla kellha panteon, tempju taʼ l-allat. Xi wħud minnhom kienu Bagħal, Ħadad (isem li kien parti mill-ismijiet taʼ ċerti slaten tas-Sirja), u Dagan. (1 Slaten 11:23; 15:18; 2 Slaten 17:16) In-nies t’Ebla kienu jadurawhom kollha. Huma kienu jonoraw ukoll lill-allat taʼ popli oħra. Is-sejbiet arkeoloġiċi jindikaw li, b’mod partikulari fit-tieni millennju Q.E.K., kienet tingħata qima anki lill-antenati rjali li kienu meqjusin bħala allat.
In-nies t’Ebla ma kinux jafdaw għalkollox fl-allat tagħhom. Ebla l-ġdida kellha wkoll swar kbar u doppji madwar il-belt li kienu jimpressjonaw lill-għedewwa kollha. It-tul tas-swar taʼ barra kien madwar 3 kilometri. Wieħed għadu jistaʼ jagħrafhom ċar sa llum.
Minkejja dan, anki din Ebla li kienet reġgħet inbniet mill-ġdid waslet fi tmiemha. Wisq probabbli, madwar is-sena 1600 Q.E.K., il-Ħittin rebħu lil dik li xi darba kienet qawwa kbira. Skond poeżija antika, Ebla ġiet “imfarrka bħal vażun tal-fuħħar.” Malajr bdiet tgħib mill-istorja. Dokument miktub mill-kruċjati li kienu fi triqithom lejn Ġerusalemm fl-1098 isemmi l-post fejn darba kien hemm Ebla, u jirreferi għalih bħala rokna mwarrba fil-pajjiż, imsejjaħ Mardikh. Tistaʼ tgħid li Ebla kienet intesiet, u reġgħet ġiet skoperta biss wara ħafna sekli.
[Kaxxa f’paġna 14]
EBLA U L-BIBBJA
Artiklu li ġie pubblikat fl-1976 fir-rivista Biblical Archeologist qajjem il-kurżità taʼ l-istudjużi tal-Bibbja. Il-wieħed li ddeċifra t-twavel t’Ebla qal li kien hemm possibbiltà li, fost affarijiet oħrajn, fit-twavel kien hemm imniżżlin ismijiet taʼ nies u postijiet li ssemmew fil-Bibbja sekli wara. Forsi billi bdew jassumu iktar affarijiet milli l-artiklu semma fir-realtà, xi wħud bdew jiktbu li Ebla tat evidenza arkeoloġika li r-rakkont tal-Ġenesi huwa taʼ min joqgħod fuqu.a Il-ġiżwita Mitchell Dahood qal li “t-twavel tal-fuħħar [minn Ebla] jitfgħu dawl fuq dak li m’huwiex ċar fil-Bibbja.” Per eżempju, hu emmen li setgħu jsolvu “l-problema dwar kemm kien ilu jintuża l-isem taʼ l-Alla taʼ Iżrael.”
Issa dawn il-kitbiet qed jiġu eżaminati b’iktar reqqa. Minħabba li kemm l-Ebrajk u kemm il-lingwa t’Ebla huma lingwi Semitiċi, hemm il-possibbiltà li xi ismijiet taʼ bliet u individwi għandhom mnejn ikunu simili jew identiċi għal dawk li hemm fil-Bibbja. Madankollu, dan ma jagħtix prova li jirreferu għall-istess postijiet jew nies. Għadna ma nafux kemm l-iskoperti f’Ebla se jinfluwenzaw l-istudji li jsiru dwar il-Bibbja. Rigward l-isem divin, il-kittieb taʼ l-artiklu fil-Biblical Archeologist qal li hu qatt ma semma li “Jaħweh” jinsab fil-kitbiet t’Ebla. Għal xi wħud, is-sinjal kunejformi interpretat bħala ja jindika biss wieħed mill-ħafna allat li kien hemm fil-panteon, it-tempju t’Ebla, filwaqt li għadd taʼ speċjalisti oħrajn jgħidu li dan m’hu xejn ħlief sinjal grammatikali. Hu x’inhu l-każ, ma jirreferix għall-uniku Alla veru Ġeħova.—Dewteronomju 4:35; Isaija 45:5.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dwar kif l-arkeoloġija tappoġġa r-rakkont Bibliku, ara kapitlu 4 tal-ktieb The Bible—God’s Word or Man’s? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Mappa/Stampa f’paġna 12]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-BAĦAR IL-KBIR
KANGĦAN
SIRJA
Aleppo
Ebla (Tell Mardikh)
Ix-Xmara Ewfrat
[Sors]
Arkeologu: Missione Archeologica Italiana a Ebla - Università degli Studi di Roma ‘La Sapienza’
[Stampa f’paġna 13]
Ġiżirana tad-deheb mill-1750 Q.E.K.
[Stampa f’paġna 13]
Il-fdalijiet taʼ palazz kbir
[Stampa f’paġna 13]
Xogħlijiet taʼ twavel tat-tafal magħmulin minn artist miżmumin f’kamra taʼ l-arkivji
[Stampa f’paġna 13]
Tavla kunejformi
[Stampa f’paġna 13]
Arma Eġizzjana rjali, 1750-1700 Q.E.K.
[Stampa f’paġna 13]
Gwerrier t’Ebla bl-irjus taʼ l-għedewwa
[Stampa f’paġna 14]
Stela dedikata lill-alla mara Ixtar
[Sors]
Missione Archeologica Italiana a Ebla - Università degli Studi di Roma ‘La Sapienza’
[Sors tal-Istampa f’paġna 13]
L-istampi kollha (minbarra l-fdalijiet tal-palazz): Missione Archeologica Italiana a Ebla - Università degli Studi di Roma ‘La Sapienza’