LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/08 pp. 15-18
  • L-Arkeoloġija Tappoġġaha lill-Bibbja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Arkeoloġija Tappoġġaha lill-Bibbja?
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iskrizzjonijiet taʼ Ismijiet Bibliċi
  • Kienu Jafu Jaqraw u Jiktbu?
  • Sejbiet Assirjani Jagħtu Iktar Appoġġ
  • Il-​Profezija taʼ Isaija u ċ-​Ċilindru taʼ Ċiru
  • Ktieb li Tistaʼ Tafdah— It-2 Parti
    Stenbaħ!—2011
  • Imperu Mitluf li Ħammar Wiċċ il-Kritiċi tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Siġill ‘taʼ Ġukal’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ktieb li Tistaʼ Tafdah—It-3 Parti
    Stenbaħ!—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 1/08 pp. 15-18

L-​Arkeoloġija Tappoġġaha lill-​Bibbja?

L-​ARKEOLOĠIJA hija utli għall-​istudenti tal-​Bibbja, peress li s-​sejbiet arkeoloġiċi spiss iżidulhom l-​għarfien dwar il-​ħajja, il-​kundizzjonijiet, id-​drawwiet, u l-​lingwi taż-​żminijiet Bibliċi. L-​arkeoloġija tipprovdi wkoll informazzjoni siewja fuq it-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja, bħalma huma dawk li bassru l-​waqgħa taʼ Babilonja tal-​qedem, Ninwè, u Tir. (Ġeremija 51:37; Eżekjel 26:4, 12; Sofonija 2:13-15) Madankollu, l-​arkeoloġija hija limitata. Il-​fdalijiet li jinstabu jridu jiġu interpretati, u għalhekk huma suġġetti għall-​iżbalji umani u bidliet.

Il-fidi Kristjana ma tiddependix fuq buqari mkissrin, ġebel mikul, jew ħitan imwaqqgħin, imma fuq il-​ġabra sħiħa u armonjuża taʼ verità spiritwali misjuba fil-​Bibbja. (2 Korintin 5:7; Ebrej 11:1) Żgur li l-​armonija interna, is-​sinċerità, il-​profeziji mwettqin, u ħafna karatteristiki oħrajn fil-​Bibbja jipprovdu evidenza konvinċenti li “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Minkejja dan, ikkunsidra xi wħud mill-​iskoperti arkeoloġiċi interessanti li jappoġġaw rakkonti Bibliċi.

Grupp t’arkeoloġi li kienu qed iħaffru f’Ġerusalemm fl-​1970 skoprew fdalijiet taʼ bini maħruq. “L-​istampa kienet ċara f’għajnejn l-​esperti,” kiteb Nahman Avigad, dak li kien qed imexxi l-​grupp. “Il-​bini kien inqered bin-​nar, u l-​ħitan u s-​saqaf kienu ġġarrfu.” F’kamra waħda kien hemm l-​għadam [1] taʼ driegħ, bi swabaʼ miftuħin qed jipprovaw jiggranfaw maʼ tarġa.

Imxerrdin fl-​art kien hemm xi muniti [2], l-​iktar waħda reċenti minnhom kienet iġġib id-​data tar-​rabaʼ sena tar-​rewwixta tal-​Lhud kontra Ruma—69 E.K. Qabel ma waqaʼ l-​bini, xi oġġetti kienu xterdu maʼ kullimkien. “Malli rajna dan,” qal Avigad, “ftakarna fid-​deskrizzjoni li ta Ġużeppi Flavju tas-​suldati Rumani li daħlu u bdew jisirqu d-​djar wara li kienu ħadu l-​belt taħt idejhom.” Xi studjużi taʼ l-​istorja jgħidu li d-​data meta r-​Rumani ħatfu kulma kien hemm f’Ġerusalemm kienet is-​sena 70 E.K.

Fl-analisi li saret ġie determinat li l-​għadam kien taʼ mara li kellha fuq l-​għoxrin sena. “Mara żagħżugħa li nqabdet fin-​nar meta r-​Rumani attakkaw,” tgħid ir-​rivista Biblical Archaeology Review, “u li kienet fil-​kċina tad-​Dar Maħruqa waqgħet fl-​art u kienet qed tiġġebbed biex tilħaq it-​tarġa taʼ ħdejn il-​bieb meta mietet. In-​nar tant kien infirex malajr . . . li ma setgħetx tiskappa u ntradmet taħt it-​tifrik li niżel fuqha.”

Din ix-​xena tfakkarna fil-​profezija taʼ Ġesù dwar Ġerusalemm, li ngħatat 40 sena qabel: “L-​għedewwa tiegħek . . . isabbtu maʼ l-​art lilek u lil uliedek li hemm fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.”—Luqa 19:43, 44.

Sejbiet arkeoloġiċi li jikkonfermaw stqarrijiet Bibliċi jinkludu wkoll l-​ismijiet taʼ individwi msemmijin fl-​Iskrittura. Xi wħud minn dawn is-​sejbiet ġabu fix-​xejn l-​istqarrijiet li kienu għamlu xi kritiċi li l-​kittieba tal-​Bibbja vvintaw ċerti karattri jew esaġeraw il-​fama tagħhom.

Iskrizzjonijiet taʼ Ismijiet Bibliċi

Kien hemm żmien meta studjużi prominenti kienu jsostnu li s-​sultan Assirjan Sargon II, li ismu jidher fil-​Bibbja f’Isaija 20:1, qatt m’eżista. Madankollu, fl-​1843, qrib il-​post li llum huwa magħruf bħala Khorsabad, fl-​Iraq, li jinsab fuq waħda mill-​friegħi tax-​Xmara Tigri, ġie skopert il-​palazz taʼ Sargon [3]. Dan ikopri medda taʼ madwar 100 kilometru kwadru. Sargon II, li ismu ma kienx magħruf minn dawk li ma kinux familjari mal-​Bibbja, issa hu wieħed mill-​iktar slaten magħrufin taʼ l-​Assirja. F’wieħed mill-​annali [4] tiegħu, hu jsostni li ħa taħt idejh lis-​Samarija, waħda mill-​bliet taʼ Iżrael. Skond il-​kronoloġija tal-​Bibbja, is-​Samarija waqgħet f’idejn l-​Assirjani fis-​sena 740 Q.E.K. Sargon iniżżel ukoll ir-​rakkont taʼ kif ħa lil Asdod taħt idejh, u dan ikompli jikkonferma Isaija 20:1.

Waqt li l-​arkeoloġi kienu qed iħaffru fir-​rovini tal-​belt antika taʼ Babilonja, li llum hija fl-​Iraq, skoprew xi 300 tavla kunejformi qrib il-​Bieb taʼ Ixtar. Dawn l-​iskrizzjonijiet, konnessi mal-​perijodu tar-​renju tas-​sultan Babiloniż Nabukodonosor, jinkludu lista taʼ ismijiet, u fosthom kien hemm “Jawkin, is-​sultan taʼ l-​art taʼ Jaħud.” Dan jirreferi għas-​Sultan Ġeħojakin taʼ l-​art taʼ Ġuda, li ttieħed ilsir f’Babilonja fi żmien meta Nabukodonosor ikkonkwista għall-​ewwel darba lil Ġerusalemm, fis-​sena 617 Q.E.K. (2 Slaten 24:11-15) Ħamsa mill-​ulied subien taʼ Ġeħojakin jissemmew ukoll fuq it-​twavel.—1 Kronaki 3:17, 18.

Fl-2005, waqt li kienu qed iħaffru fl-​inħawi fejn ittamaw li jsibu l-​palazz tas-​Sultan David, l-​arkeoloġi sabu bini wiesaʼ tal-​ġebel li jaħsbu li kien meqrud meta l-​Babiloniżi qerdu għalkollox lil Ġerusalemm ftit iktar minn 2,600 sena ilu, matul żmien Ġeremija, il-​profeta t’Alla. Mhux magħruf fiċ-​ċert jekk dan il-​bini kienx il-​fdal tal-​palazz taʼ David. Madankollu, l-​arkeologa Eilat Mazar identifikat oġġett wieħed li kien partikolarment interessanti—siġill tat-​tafal [5] wiesaʼ madwar ċentimetru, li fuqu kien hemm miktub: “Taʼ Jeħukal bin Selemijaħu bin Sovi.” Jidher ċar li din il-​marka saret bis-​siġill taʼ Jeħukal (ukoll Ġeħukal jew Ġukal), uffiċjal Lhudi msemmi fil-​Bibbja bħala li oppona lil Ġeremija.—Ġeremija 37:3; 38:1-6.

Ġeħukal, tgħid Mazar, hu biss it-​“tieni ministru rjali,” wara Ġemarija, bin Safan, li ismu jidher fuq siġill li nstab fil-​Belt taʼ David. Il-​Bibbja tidentifika lil Ġeħukal, bin Selemija (Selemijaħu), bħala prinċep taʼ Ġuda. Qabel ma skoprew is-​siġill, hu ma kienx magħruf ħlief fl-​Iskrittura.

Kienu Jafu Jaqraw u Jiktbu?

Il-​Bibbja tindika li l-​Iżraelin tal-​qedem kienu nies li jafu jaqraw u jiktbu. (Numri 5:23; Ġożwè 24:26; Isaija 10:19, NW) Imma l-​kritiċi ma qablux, u argumentaw li r-​rakkont storiku tal-​Bibbja bażikament wasal għandna permezz taʼ tradizzjoni orali li mhix taʼ min jorbot fuqha. Fl-​2005 din it-​teorija ħadet daqqa taʼ ħarta meta l-​arkeoloġi li kienu qed jaħdmu f’Tel Zayit, li tinsab nofs triq bejn Ġerusalemm u l-​Mediterran, sabu alfabet li m’għadux jintuża, forsi l-​eqdem alfabet Ebrajk [6] li qatt ġie skopert, imnaqqax fuq biċċa ġebla tal-​ġir.

Is-sejba taʼ dan l-​alfabet, li l-​istudjużi jgħidu li jmur lura sa l-​għaxar seklu Q.E.K., tissuġġerixxi “taħriġ formali taʼ l-​iskribi,” “livell taʼ kultura avanzata,” u “burokrazija Iżraelija li żviluppat b’rata mgħaġġla f’Ġerusalemm.” Għalhekk, kuntrarju għal dak li sostnew il-​kritiċi, jidher li minn taʼ l-​inqas sa mill-​għaxar seklu Q.E.K., l-​Iżraelin kienu jafu jaqraw u jiktbu u setgħu jiddokumentaw ir-​rakkont storiku tagħhom.

Sejbiet Assirjani Jagħtu Iktar Appoġġ

L-​Assirja, li qabel kienet imperu setgħan, spiss tidher fil-​kitbiet tal-​Bibbja, u ħafna sejbiet arkeoloġiċi li saru fiha jixhdu għall-​eżattezza taʼ l-​Iskrittura. Per eżempju, minn tħaffir li sar fil-​belt antika taʼ Ninwè, il-​belt kapitali taʼ l-​Assirja, skoprew ċangatura skolpita [7] fil-​palazz tas-​Sultan Sanħerib, li fuqha hemm stampi taʼ suldati Assirjani jmexxu lill-​ilsiera Lhud lejn il-​jasar wara l-​waqgħa taʼ Lakis fis-​sena 732 Q.E.K. Tistaʼ taqra r-​rakkont tal-​Bibbja fit-​2 Slaten 18:13-15.

L-annali taʼ Sanħerib [8], li nstabu f’Ninwè, jiddeskrivu l-​kampanja militari tiegħu matul ir-​renju tas-​Sultan Ħeżekija taʼ Ġuda, li f’dawn l-​annali jissemma b’ismu. Dokumenti kunejformi taʼ diversi ħakkiema oħrajn jirreferu għas-​slaten taʼ Ġuda, Aħaż u Manassi, kif ukoll is-​slaten Iżraelin Omri, Ġeħu, Ġowas, Menaħem, u Ħosegħa.

Fir-rakkonti tiegħu, Sanħerib jiftaħar bis-​suċċessi militari tiegħu, imma taʼ min jinnota li hu qatt ma jsemmi li rebaħ lil Ġerusalemm. Il-​fatt li ħalla dan barra hu sinifikanti għax ikompli jikkonferma l-​verità tal-​kitbiet Bibliċi, li jsostnu li s-​sultan qatt m’assedja lil Ġerusalemm imma sofra telfa minn idejn Alla. Wara dan, Sanherib, umiljat, reġaʼ lura lejn Ninwè, fejn, bħalma tgħid il-​Bibbja, ġie assassinat minn uliedu. (Isaija 37:33-38) Taʼ interess, żewġ iskrizzjonijiet Assirjani jixhdu għal dan il-​qtil.

Minħabba l-​ħażen tan-​nies taʼ Ninwè, il-​profeti taʼ Ġeħova Naħum u Sofonija bassru li l-​belt kellha tinqered għalkollox. (Naħum 1:1; 2:9–3:19 [2:8–3:19, NW]; Sofonija 2:13-15) Il-​profeziji tagħhom twettqu meta l-​forzi taʼ Nabopolassar, is-​sultan taʼ Babilonja, u dawk taʼ Sijaksares il-​Medi, ngħaqdu flimkien biex jieħdu lil Ninwè taħt idejhom fis-​sena 632 Q.E.K. Din is-​sejba u t-​tħaffir għar-​rovini taʼ Ninwè għal darb’oħra jappoġġaw ir-​rakkonti tal-​Bibbja.

F’Nuzi, belt antika lejn il-​lvant tax-​Xmara Tigri u x-​xlokk taʼ Ninwè, li skoprewha fit-​tħaffir li sar bejn l-​1925 u l-​1931, instabu ħafna fdalijiet storiċi, inkluż madwar 20,000 tavla tat-​tafal. Dawn inkitbu bil-​lingwa Babiloniża u fihom ruxxmata dettalji li jinvolvu d-​drawwiet legali bħal dawk taʼ żmien il-​patrijarki u li huma deskritti fil-​Ġenesi. Per eżempju, il-​kitbiet juru li l-​allat tal-​familja, li spiss kienu jkunu figurini żgħar tat-​tafal, kienu meqjusin bħala l-​kuntratt legali li jagħti lil min ikollu dawn il-​figurini l-​jedd għall-​wirt. Din id-​drawwa tistaʼ tispjega għala Rakel, mart il-​patrijarka Ġakobb, ħadet l-​allat tal-​familja, jew it-​“terafim,” li kienu taʼ missierha Laban, meta l-​familja taʼ Ġakobb telqu minn dar missierha. Mhux taʼ b’xejn li Laban ipprova jirkupra t-​terafim.—Ġenesi 31:14-16, 19, 25-35.

Il-​Profezija taʼ Isaija u ċ-​Ċilindru taʼ Ċiru

L-​iskrizzjoni kunejformi fuq iċ-​ċilindru tat-​tafal antik li jidher hawn tappoġġa rakkont Bibliku ieħor. Dan id-​dokument li hu magħruf bħala ċ-​Ċilindru taʼ Ċiru [9] sabuh fl-​inħawi fejn kien hemm Sippar tal-​qedem fuq ix-​Xmara Ewfrat, madwar 32 kilometru minn Bagdad. Dan juri kif Babilonja waqgħet taħt idejn Ċiru l-​Kbir, li kien il-​fundatur taʼ l-​Imperu Persjan. B’mod taʼ l-​għaġeb, xi 200 sena qabel, Ġeħova, permezz tal-​profeta tiegħu Isaija, qal dwar ħakkiem Medo-Persjan, li kien se jkun jismu Ċiru: “‘Int tkun ir-​ragħaj tiegħi, li jtemm ix-​xewqat tiegħi.’ U jgħid għal Ġerusalemm: ‘Ħa tinbena.’”—Isaija 13:1, 17-19; 44:26–45:3.

Taʼ min jinnota li ċ-​ċilindru jsemmi l-​politika taʼ Ċiru—b’kuntrast kbir maʼ dik taʼ konkwistaturi oħrajn tal-​qedem—li jerġaʼ jibgħat lura lejn art twelidhom lil dawk li kienu nżammu fil-​jasar mill-​qawwa taʼ qablu. L-​istorja Biblika u sekulari tixhed għall-​fatt li Ċiru tassew ħeles lil-​Lhud, u li dawn imbagħad bnew mill-​ġdid lil Ġerusalemm.—2 Kronaki 36:23; Esdra 1:1-4.

L-arkeoloġija Biblika, xjenza relattivament ġdida, saret settur taʼ studju ewlieni li permezz tiegħu nkisbet informazzjoni imprezzabbli. U kif diġà rajna, ħafna mis-​sejbiet jixhdu għall-​awtentiċità u l-​eżattezza tal-​Bibbja, xi drabi sa l-​inqas dettall.

GĦAL IKTAR INFORMAZZJONI

Tistaʼ l-​Bibbja tgħinek tgħix ħajja ferħana u mimlija skop? Id-​DVD taʼ sagħtejn The Bible—A Book of Fact and Prophecy jinkludi dan is-​suġġett importanti u jippreżenta intervisti konvinċenti. —Disponibbli bi 32 lingwa.

The Bible​—God’s Word or Man’s?

Għandek int bżonn taʼ iktar evidenza li l-​Bibbja ma fihiex ħrejjef u kontradizzjonijiet? Seħħew verament il-​mirakli deskritti fil-​Bibbja? Eżamina l-​fatti f’dan il-​ktieb taʼ 192 paġna.—Stampat b’56 lingwa.

[Credit Line]

Alessandru l-​Kbir: Roma, Musei Capitolini

Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

Id-19-il kapitlu taʼ dan il-​ktieb, li jgħinek tistudja l-​Bibbja, ikopru t-​tagħlim importanti kollu tal-​Bibbja u jispjegaw l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​bnedmin. —Issa b’162 lingwa.

My Book of Bible Stories

Dan il-​ktieb bi stampi sbieħ hu mfassal apposta għat-​tfal u jiddiskuti 116-il persuna u ġrajja—kollha f’ordni kronoloġiku.—Disponibbli b’194 lingwa.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Muniti: Generously Donated by Company for Reconstruction & Development of Jewish Quarter, Jerusalem Old City

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Society for Exploration of Land of Israel and its Antiquities

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

3: Musée du Louvre, Paris; 4: Photograph taken by courtesy of the British Museum; 5: Gabi Laron/Institute of Archaeology/Hebrew University © Eilat Mazar

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 17]

6: AP Photo/Keith Srakocic; 7, 8: Photograph taken by courtesy of the British Museum

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 18]

Photograph taken by courtesy of the British Museum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja