LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 2/8 pp. 21-23
  • X’Hemm Ħażin fil-Qerq?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Hemm Ħażin fil-Qerq?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Qerq Permezz tat-​Teknoloġija Moderna
  • Għalfejn Iqarrqu?
  • Vizzju li Jinganna
  • Tqarraqx!
  • Tajjeb li Tiċċijtja Biex Iġġib Marki Tajbin?
    Stenbaħ!—2012
  • X’Nistaʼ Nagħmel Jekk Qed Inġib Marki Baxxi?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Għala għandek tkun onest?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2011
Stenbaħ!—2003
g03 2/8 pp. 21-23

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Hemm Ħażin fil-​Qerq?

“Kulħadd jaf li l-​qerq huwa ħażin, imma huwa faċli.”—Jimmy, 17-il sena.

ĠIELI ġietek it-​tentazzjoni biex tħares bis-​serqa lejn il-​karta taʼ sieħbek waqt li tkun qiegħed f’xi eżami? Jekk iva, m’intix l-​uniku wieħed. Dwar l-​attitudni sfaċċata li biha jqarrqu ħafna minn sħabha, Jenna, li għandha madwar 16-il sena, tgħid: “Huma jiftaħru b’li jagħmlu. Iħarsu lejk qiesek xi wieħed stramb jekk ma tqarraqx!”

Fi stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti fuq żgħażagħ bejn it-​13 u d-​19-il sena, 80 fil-​mija minn dawk li kienu minn taʼ quddiem fil-​klassi ammettew li kienu jqarrqu, u 95 fil-​mija minn dawn l-​uħud “li jmorru tajjeb” ma nqabdu qatt. Wara li sar stħarriġ fuq 20,000 student taʼ bejn id-​9 u t-​18-il sena, il-​Josephson Institute of Ethics ikkonkluda: “F’dak li jirrigwarda l-​onestà u l-​integrità, l-​affarijiet sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.” L-​għalliema huma maħsudin dwar kemm sar komuni l-​qerq! Gary J. Niels, direttur taʼ skola, wasal biex jgħid: “Dawk li ma jqarrqux qegħdin fil-​minoranza.”

Ħafna mill-​ġenituri jistennew li wliedhom jagħmlu dak li huwa mistenni minnhom meta jiġu biex jagħmlu l-​ħowmwerk. Però, sfortunatament, ħafna żgħażagħ qegħdin iħassru l-​onestà tagħhom billi jqarrqu. X’metodi ġodda qegħdin jużaw? Għaliex xi żgħażagħ jaslu biex iqarrqu? Għalfejn għandek tevitaha din il-​prattika?

Qerq Permezz tat-​Teknoloġija Moderna

Illum, min iqarraq qiegħed juża għadd bla tarf taʼ metodi diżonesti. Fil-​fatt, illum li tqarraq billi tikkopja l-​ħowmwerk jew li tikteb it-​tweġibiet fuq karta għal waqt xi eżami m’huwa xejn meta jitqabbel mal-​metodi moderni taʼ llum. Dawn jinkludu l-​użu tal-​messaġġi bit-​telefons ċellulari biex jirċievu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet taʼ l-​eżami mingħand nies f’postijiet differenti; kalkulaturi programmati minn qabel b’informazzjoni “żejda;” kameras żgħar ħafna moħbijin fil-​ħwejjeġ, li jintużaw biex tibgħat mistoqsijiet lil xi ħadd biex jgħinek; apparat li jibgħat messaġġi bl-​infrared lit-​tfal tal-​klassi li jkunu fil-​qrib; u saħansitra siti fuq l-​Internet li fihom issib karti taʼ l-​eżamijiet bit-​tweġibiet lesti, tistaʼ tgħid fuq kull suġġett!

Dawk li jedukaw qegħdin jipprovaw ireġġgħu lura din il-​mewġa taʼ qerq, imma din m’hijiex biċċa xogħol faċli. Wara kollox, mhux kull student​—jew għalliem—jaqbel dwar x’inhu l-​qerq. Per eżempju, meta gruppi taʼ studenti jaħdmu flimkien fuq xi proġett, id-​differenza bejn il-​kooperazzjoni bl-​onestà kollha u d-​diżonestà minn taħt, ma tkunx tidher daqshekk. Imbagħad ikun hemm dawk li jieħdu vantaġġ mill-​grupp biex iħallu lil oħrajn jagħmlu x-​xogħol. “Xi wħud minn dawn l-​istudenti huma għażżenin ħafna—ma jagħmlu xejn!” jgħid Yuji, li qed jattendi kulleġġ tal-​gvern. “Imbagħad iġibu l-​istess marki. Jien naħseb li anki dan huwa qerq!”

Għalfejn Iqarrqu?

Fi stħarriġ wieħed, in-​nuqqas taʼ preparazzjoni kienet l-​iktar raġuni għala ħafna jagħżlu li jqarrqu. Studenti oħrajn, imġagħlin mill-​ispirtu taʼ kompetizzjoni fl-​iskola jew mill-​ġenituri, li jistennew ħafna minnhom, jikkonkludu li m’għandhomx għażla oħra. “Il-​marki huma kollox għall-​ġenituri tiegħi,” jgħid Sam, li għandu 13-il sena. “Jistaqsuni: ‘X’marka ġibt fl-​eżami tal-​matematika? X’marka ġibt fl-​Ingliż?’ Nobgħod meta jagħmluli hekk!”

Għal xi wħud, pressjoni kontinwa biex iġibu marki għoljin twassalhom biex iqarrqu. Il-​ktieb The Private Life of the American Teenager jgħid: “Hemm xi ħaġa żbilanċjata f’sistema fejn tant hemm pressjoni li ħafna drabi s-​sodisfazzjon tat-​tagħlim qed jiġi fgat bil-​pressjoni għal marki għoljin, tant li xi kultant tintilef l-​onestà.” Ħafna studenti jaqblu maʼ dan. Wara kollox, ħadd ma jixtieq jeħel f’xi eżami, wisq inqas jirrepeti sena. “Xi nies jibżgħu ħafna li mhux se jgħaddu,” josserva Jimmy, student fis-​sekondarja. “Anki jekk ikunu jafu t-​tweġibiet, iqarrqu xorta waħda biex ikunu ċerti.”

Peress li ħafna nies lesti jissagrifikaw il-​livelli taʼ l-​onestà, il-​qerq jistaʼ jidher li hu bla ħsara. U xi kultant donnu jkun jidher li jaqbillek jekk tqarraq. “F’waħda mil-​lezzjonijiet, ilbieraħ rajt tifel iqarraq f’eżami,” jgħid Greg li għandu 17-il sena. “Illum x’ħin tawna l-​karta taʼ l-​eżami lura, hu ġab marka aħjar minn tiegħi.” Ħafna huma dawk li jinfluwenzaw ruħhom meta jaraw lill-​maġġuranza taʼ sħabhom iqarrqu. “Xi studenti jaħsbu li ‘jekk l-​oħrajn qed iqarrqu, mela anki jien għandi nagħmel hekk,’” jgħid Yuji. Imma huwa veru dan?

Vizzju li Jinganna

Qabbel il-​qerq mas-​serq. Il-​fatt li ħafna jisirqu jagħmel lis-​serq xi ħaġa aċċettabbli? ‘Dażgur li le,’ tistaʼ tgħid​—l-​iktar jekk ikunu flusek li nsterqu! Meta nqarrqu, inkunu qed nieħdu l-​kredtu taʼ xi ħaġa li ma jixirqilniex​—forsi anki nieħdu vantaġġ minn dawk li jimxu kif suppost. (Efesin 4:28) “Mhux sew,” jgħid Tommy, li m’ilux li spiċċa mill-​iskola sekondarja. “Tkun qed tgħid, ‘Din nafha,’ mentri fil-​fatt ma tkunx. Allura tkun qed tigdeb.” Il-​ħarsa tal-​Bibbja fuq din il-​ħaġa hija murija biċ-​ċar f’Kolossin 3:9: “Tigdbux lil xulxin.”

Il-qerq jistaʼ jsir bħal vizzju li diffiċli teħles minnu. “Dawk li jqarrqu jsiru jafu li m’għandhomx għalfejn jistudjaw biex jgħaddu,” tgħid Jenna, “allura jistrieħu biss fuq il-​qerq. Imbagħad meta jsibu ruħhom waħedhom, ma jkunux jafu x’għandhom jagħmlu.”

Il-prinċipju li nsibu f’Galatin 6:7 jġagħalna naħsbu: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” Il-​konsegwenzi tal-​qerq fl-​iskola jistgħu jinkludu kuxjenza li tniggżek, nuqqas taʼ fiduċja min-​naħa taʼ sħabek, u progress akkademiku għajjien minħabba li tkun qed taħrab il-​proċess tat-​tagħlim. Bħal kankru li jsir qerriedi, dan il-​mod taʼ ingann jistaʼ jinfirex biex jeffettwa aspetti oħrajn fil-​ħajja u jistaʼ jeqridlek l-​iktar relazzjonijiet prezzjużi. Fuq kollox, żgur li se jeffettwa r-​relazzjoni tiegħek m’Alla, li jobgħod il-​qerq.​—Proverbji 11:1.

Dawk li jistrieħu fuq il-​qerq ikunu qegħdin jidħqu bihom infushom. (Proverbji 12:19) Bl-​azzjonijiet tagħhom huma jieħdu pożizzjoni bħal dik tal-​mexxejja korrotti fil-​belt antika taʼ Ġerusalemm: “Għamilna l-​gidba l-​kenn tagħna, u l-​qerq is-​satra tagħna.” (Isaija 28:15) Fir-​realtà, però, dak li jqarraq ma jistax jostor l-​azzjonijiet tiegħu minn Alla.​—Lhud 4:​13.

Tqarraqx!

F’ħafna każi, iż-​żgħażagħ jagħmlu ħafna sforz u jużaw ħafna moħħhom fil-​qerq​—affarijiet li kien ikun aħjar li kieku jużawhom biex ikollhom edukazzjoni tajba mingħajr qerq. Bħalma tgħid Abby, li għandha 18-il sena, “jekk jidħlu b’ruħhom u b’ġisimhom għall-​istudju bħalma jagħmlu biex iqarrqu, kieku naħseb tgħidx kemm imorru tajjeb.”

Veru, it-​tentazzjoni biex tqarraq tistaʼ tkun qawwija. Imma trid tevitaha din in-​nassa morali! (Proverbji 2:​10-15) Kif tistaʼ tagħmlu dan? L-​ewwel, ftakar għalfejn qiegħed tmur l-​iskola​—biex titgħallem. Veru, forsi jidhirlek li ftit li xejn se jkun utli li titgħallem ħafna affarijiet li forsi qatt ma se tużahom. Imma jekk jinqabeż dan il-​proċess minħabba l-​qerq, dak li jkun jistaʼ jfixkel l-​abbiltà tiegħu biex jitgħallem affarijiet ġodda u jagħmel użu siewi minn dan l-​għarfien. Qatt ma jistaʼ jkollok fehma eżatta mingħajr sforz; trid tagħmel xi ħaġa. Il-​Bibbja tgħid: “Ixtri s-​sewwa u terġax tbigħu; ikseb l-​għerf, it-​tagħlim u d-​dehen.” (Proverbji 23:23) Iva, għandek bżonn tħares lejn l-​istudju u l-​preparazzjoni bis-​serjetà. “Xogħlok trid tagħmlu,” jagħti l-​parir Jimmy. “Se jgħinek tħossok kunfidenti li taf it-​tweġibiet.”

Veru, kultant forsi ma tkunx taf it-​tweġibiet kollha, u dan jistaʼ jnaqqaslek il-​marki. Imma xorta, jekk ma tmurx kontra l-​prinċipji tiegħek, tkun tistaʼ tara x’għandek bżonn tagħmel biex titjieb.​—Proverbji 21:5.

Yuji, li ssemma qabel, huwa wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu jispjega x’jagħmel meta studenti oħrajn fil-​klassi jagħmlu pressjoni fuqu biex jgħinhom iqarrqu: “L-​ewwel ħaġa​—ngħidilhom li jien Xhud,” jgħid hu. “Dan għenni ħafna għax huma jafu li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma nies onesti. Jekk xi ħadd jistaqsini għal xi tweġiba waqt xi eżami, naqbad u ngħidilhom le. Imbagħad wara nkun nistaʼ nispjegalhom għalfejn m’għenthomx.”

Yuji jaqbel maʼ l-​istqarrija taʼ Pawlu lil-​Lhud: “Itolbu għalina, għax aħna nemmnu li għandna kuxjenza safja billi rridu nġibu ruħna sewwa f’kollox.” (Lhud 13:18) Jekk iżżomm livelli għoljin taʼ onestà u tirrifjuta li tagħmel kompromess billi tqarraq, il-​valur tal-​marki tajbin li ġġib se jkun veru. Meta tmur lura d-​dar mill-​iskola, lill-​ġenituri tiegħek se tiħdilhom wieħed mill-​iktar rigali sbieħ li tistaʼ tagħtihom​—evidenza taʼ integrità Kristjana. (3 Ġwann 4) Iktar minn hekk, se żżomm kuxjenza nadifa u jkollok il-​ferħ li tkun taf li qed tferraħ qalb Jehovah.​—Proverbji 27:11.

Għalhekk, minkejja kemm jistaʼ jkun komuni, evita l-​qerq! Billi tagħmel hekk se żżomm relazzjoni tajba maʼ oħrajn u, l-​iktar importanti, maʼ dak Alla tal-​verità, Jehovah.​—Salm 11:7; 31:6 (31:​5, NW).

[Kumment f’paġna 22]

Dak li jqarraq ħafna drabi ma jindunax li fil-​fatt ikun qed jisraq

[Kumment f’paġna 22]

Ħafna drabi, il-​qerq iwassal għal atti taʼ diżonestà iktar serji

[Kumment f’paġna 23]

Dak li jqarraq ma jistax jaħbi dak li jagħmel minn Alla

[Stampa f’paġna 23]

Studju xieraq qabel xi eżami se jagħtik iktar kunfidenza

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja