LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 1/15 pp. 28-31
  • “Il-Padruna b’Xagħarha Iswed tad-Deżert Sirjan”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Padruna b’Xagħarha Iswed tad-Deżert Sirjan”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Belt f’Tarf id-​Deżert
  • Żenobja Għamlet Ħilitha biex Toħloq Imperu
  • Imperatur ‘Iqawwi Qalbu’ Kontra Żenobja
  • Il-​Belt tad-​Deżert Inġabet f’Rovina
  • Iż-​Żewġ Slaten Jibdlu l-​Identità
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Is-Sirja Tidwi b’Imgħoddi Interessanti
    Stenbaħ!—2003
  • “Is-Sultan tat-Tramuntana” fi Żmien it-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Min Se Jaħkimha d-​Dinja?
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 1/15 pp. 28-31

“Il-​Padruna b’Xagħarha Iswed tad-​Deżert Sirjan”

IL-​KARNAĠĠJON tagħha kien ħadrani, snienha bojod bħall-​perli, għajnejha suwed u jleqqu. Kellha edukazzjoni għolja u kienet lingwista taʼ ħila. Jingħad li din ir-​reġina gwerriera kienet iktar intellettwali minn Kleopatra u forsi kienet sabiħa daqsha. Minħabba li kellha l-​ħila tiħodha mal-​qawwa dinjija dominanti taʼ żmienha, hi wettqet irwol profetiku fi drama Skritturali. Wara li tgħidx kemm kienet ilha mejta, il-​kittieba faħħruha, u l-​pitturi pinġewha saħansitra isbaħ milli fil-​fatt kienet. Poeta tas-​seklu 19 iddeskrivieha bħala “l-​padruna b’xagħarha iswed tad-​deżert Sirjan.” Din il-​mara mfaħħra ferm kienet Żenobja​—ir-​reġina tal-​belt Sirjana taʼ Palmira.

Żenobja kif saret prominenti? X’kienet is-​sitwazzjoni politika li wasslitha biex tkun fil-​poter? X’jistaʼ jingħad dwar il-​karattru tagħha? U din ir-​reġina liema rwol profetiku wettqet? L-​ewwel ejjew nikkunsidraw ix-​xena ġeografika fejn saret din id-​drama.

Belt f’Tarf id-​Deżert

Il-​belt taʼ Żenobja, f’Palmira, kienet madwar 210 kilometri fil-​Grigal taʼ Damasku, fit-​tarf tat-​Tramuntana tad-​Deżert Sirjan fejn il-​muntanji Anti-Lebanon huma mżerżqin ’l isfel għal ġol-​wita. Din il-​belt kollha ħdura kienet kważi nofs triq bejn il-​Baħar Mediterran fuq il-​Punent u x-​Xmara Ewfrat lejn il-​Lvant. Is-​Sultan Salamun forsi kien jafha bħala Tadmor, post li kien vitali għall-​ġid tas-​saltna tiegħu għal żewġ raġunijiet: bħala truppi militari għad-​difiża fil-​fruntiera tat-​Tramuntana u bħala ħolqa kruċjali fil-​katina taʼ l-​ibliet tal-​karavani. Għalhekk, Salamun reġaʼ “bena Tadmor fid-​deżert.”—2 Kronaki 8:4.

Fl-istorja taʼ l-​elf sena taʼ wara s-​saltna tas-​Sultan Salamun ma jissemma xejn dwar Tadmor. Jekk din tistaʼ tiġi identifikata b’mod korrett maʼ Palmira, allura ż-​żmien li din saret prominenti beda wara li s-​Sirja saret provinċja f’post imwarrab taʼ l-​Imperu Ruman fis-​sena 64 Q.E.K. “Palmira kienet importanti għal Ruma f’żewġ oqsma, dak ekonomiku u dak militari,” jgħid Richard Stoneman fil-​ktieb tiegħu Palmyra and Its Empire​—Zenobia’s Revolt Against Rome. Ladarba din il-​belt kollha palm kienet fuq rotta ewlenija taʼ kummerċ li tgħaqqad lil Ruma mal-​Mesopotamja u l-​Lvant, minnha kienu jgħaddu r-​rikkezzi kummerċjali tad-​dinja tal-​qedem​—ħwawar mill-​Indji tal-​Lvant, ħarir miċ-​Ċina, u oġġetti oħrajn mill-​Persja, mill-​Mesopotamja t’Isfel, u mill-​pajjiżi tal-​Mediterran. Ruma kienet tiddependi fuq l-​importazzjoni taʼ dawn l-​oġġetti.

Militarment, il-​provinċja tas-​Sirja qdiet bħala żona newtrali bejn il-​qawwiet taʼ Ruma u l-​Persja. Ix-​xmara Ewfrat isseparat lil Ruma mill-​ġirien tal-​Lvant tagħha matul l-​ewwel 250 sena taʼ l-​Era Komuni tagħna. Palmira kienet in-​naħa l-​oħra tad-​deżert, fil-​Punent tal-​belt taʼ Dura-Europos biswit l-​Ewfrat. Billi rrikonoxxew il-​pożizzjoni ċentrali li kellha, xi imperaturi Rumani bħal Adrijanu u Valerjanu żaru Palmira. Adrijanu kompla żied il-​ġmiel arkitettorali tagħha u għamel ħafna donazzjonijiet ġenerużi. Valerjanu ppremja lil wieħed nobbli minn Palmira jismu Odenatu​—ir-​raġel taʼ Żenobja—​billi fis-​sena 258 E.K. għollieh għall-​pożizzjoni bħala konslu taʼ Ruma minħabba li kellu suċċess fil-​kampanja kontra l-​Persja u estenda l-​konfini taʼ l-​Imperu Ruman sal-​Mesopotamja. Żenobja lagħbet parti importanti f’li żewġha jasal għall-​poter. L-​istorjografu Edward Gibbon kiteb: “Is-​suċċess taʼ Odenatu kien fil-​maġġor parti minħabba l-​prudenza u s-​saħħa ġewwinija inkomparabbli tagħha.

Sadanittant, is-​Sultan Sapor tal-​Persja ddeċieda li jisfida s-​supremazija Rumana u afferma s-​sovranità tiegħu fuq il-​provinċji kollha taʼ qabel tal-​Persja. B’armata formidabbli, hu mmarċja lejn il-​Punent, ħa taħt idejh l-​ibliet taʼ Nisibis u Carrhae (Ħaran) bit-​truppi Rumani taʼ ġo fihom, u baqaʼ sejjer iħarbat it-​Tramuntana tas-​Sirja u ċ-​Ċiliċja. L-​imperatur Valerjanu beda jmexxi personalment il-​qawwiet tiegħu kontra l-​attakkanti imma ġie megħlub u maqbud mill-​Persjani.

Odenatu ra li kien f’loku li jibgħat xi rigali li jiswew il-​flus u messaġġ taʼ paċi lill-​monarka Persjan. Is-​Sultan Sapor mimli kburija kkmanda biex dawk ir-​rigali jintefgħu fl-​Ewfrat u esiġa li Odenatu jidher quddiemu fl-​irwol taʼ wieħed li jissupplikah għax safaʼ maqbud. Bi tweġiba, in-​nies taʼ Palmira laqqgħu armata magħmula minn nomadi tad-​deżert u l-​fdal tal-​qawwiet Rumani u bdew jattakkaw lill-​Persjani li issa kienu qed jirtiraw. Kontra t-​tattiċi taʼ li jolqtu u jibqgħu sejrin li wżaw il-​gwerriera tad-​deżert, il-​qawwiet taʼ Sapor​—għajjenin mill-​kampanja u mgħobbijin bl-​oġġetti misruqin—​ma kellhomx difiża kbira u ġew imġagħlin jaħarbu.

B’rikonoxximent tar-​rebħa tiegħu kontra Sapor, Galljenu, l-​iben u s-​suċċessur taʼ Valerjanu, ta lil Odenatu t-​titlu taʼ corrector totius Orientis (gvernatur tal-​Lvant kollu). Maż-​żmien, Odenatu ta lilu nnifsu t-​titlu “sultan tas-​slaten.”

Żenobja Għamlet Ħilitha biex Toħloq Imperu

Fis-​sena 267 E.K., fl-​aqwa tal-​karriera tiegħu, Odenatu u l-​eredi tiegħu nqatlu, x’aktarx minn xi neputi vendikattiv. Żenobja ħadet post żewġha, ladarba binha kien għadu żgħir ħafna. Billi kienet sabiħa, ambizzjuża, amministratriċi kapaċi, imdorrija torganizza kampanji maʼ żewġha l-​mejjet, u fluwenti f’diversi lingwi, hi rnexxielha tirbaħ ir-​rispett u l-​appoġġ tas-​sudditi tagħha​—verament biċċa xogħol taʼ ħila kbira fost il-​Bedwini. Żenobja kienet l-​għaxqa tagħha titgħallem u tkun imdawra b’nies intellettwali. Wieħed mill-​konsulenti tagħha kien il-​filosfu u rettoriku Kassju Lonġinu​—li jingħad li kien “librerija ħajja u sors kbir taʼ għerf.” L-​awtur Stoneman jgħid: “Matul il-​ħames snin taʼ wara l-​mewt taʼ Odenatu . . . Żenobja kienet stabbiliet lilha nfisha fl-​imħuħ tal-​poplu tagħha bħala l-​padruna tal-​Lvant.”

Fuq naħa waħda tad-​dominju taʼ Żenobja kien hemm il-​Persja, li hi u żewġha kienu dgħajfuha, u fuq in-​naħa l-​oħra kien hemm Ruma li bdiet iċċedi. Rigward il-​kundizzjonijiet ġewwa l-​Imperu Ruman f’dak iż-​żmien, il-​kittieb taʼ l-​istorja J. M. Roberts jgħid: “It-​tielet seklu kien . . . żmien terribbli għal Ruma kemm fuq il-​fruntieri tal-​Lvant u kemm fuq dawk tal-​Punent, waqt li ġewwa Ruma kien beda perijodu ġdid taʼ gwerra ċivili u suċċessjonijiet kontroversjali. Kien hemm tnejn u għoxrin imperatur (minbarra l-​pretendenti).” Il-​padruna Sirjana, mill-​banda l-​oħra, kienet monarka assoluta u stabbilita sew fir-​renju tagħha. “Billi tikkontrolla l-​bilanċ taʼ żewġ imperi [Persjan u Ruman],” josserva Stoneman, “hi setgħet tagħmel ħilitha biex toħloq it-​tielet wieħed li kien se jiddomina lit-​tnejn li huma.”

L-opportunità biex Żenobja tkabbar il-​poteri rjali tagħha waslet fis-​sena 269 E.K., meta fl-​Eġittu tfaċċa pretendent li beda jargumenta kontra l-​ħakma Rumana. L-​armata taʼ Żenobja mmarċjat bil-​ħeffa lejn l-​Eġittu, għelbet lil dan ir-​ribell, u ħadet il-​pajjiż taħt idejha. Billi ddikjarat lilha nfisha bħala r-​reġina taʼ l-​Eġittu, hi stampat muniti f’isimha. Is-​saltna tagħha issa kienet infirxet mix-​xmara Nil sax-​xmara Ewfrat. F’dan il-​punt f’ħajjitha, hi bdiet tokkupa l-​pożizzjoni “tas-​sultan tan-​nofsinhar” li titkellem dwaru l-​profezija Biblika taʼ Danjel, ladarba s-​saltna tagħha kienet f’dak iż-​żmien tiddomina l-​inħawi fin-​Nofsinhar tal-​pajjiż li fih twieled Danjel. (Danjel 11:25, 26) Hi kkonkwistat ukoll il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​Asja Minuri.

Żenobja saħħet u sebbħet il-​kapitali tagħha, Palmira, sal-​punt li din kienet tħabbatha maʼ l-​ibliet kbar tad-​dinja Rumana. Il-​popolazzjoni tagħha laħqet bejn wieħed u ieħor ’il fuq minn 150,000. Bini pubbliku, tempji, ġonna, kolonni, u monumenti meraviljużi mlew il-​belt, imdawra b’ħitan li skond kif intqal kellhom ċirkonferenza taʼ 21 kilometru. Kolonnati fformati f’ringieli taʼ kolonni Korintin għoljin iktar minn 15-il metru​—xi 1,500 waħda—​mal-ġnub tal-​vjal prinċipali. Kien hemm bosta statwi u skulturi taʼ eroj u benefatturi għonja fil-​belt. Fis-​sena 271 E.K., Żenobja għamlet żewġ statwi, waħda tagħha stess u waħda taʼ żewġha l-​mejjet. F’tarf id-​deżert, Palmira kienet tleqq qisha xi ġojjell.

It-Tempju tax-​Xemx kien wieħed mill-​aqwa strutturi f’Palmira u mingħajr ebda dubju dan iddomina x-​xena reliġjuża ġewwa l-​belt. X’aktarx li Żenobja wkoll kienet tqim alla assoċjat maʼ l-​alla tax-​xemx. Madankollu, is-​Sirja tat-​tielet seklu kienet pajjiż taʼ ħafna reliġjonijiet. Fid-​dominju taʼ Żenobja kien hemm ’l hekk imsejħin Kristjani, Lhud, astrologi, u adoraturi tax-​xemx u tal-​qamar. X’kienet l-​attitudni tagħha rigward id-​diversi modi taʼ qima fir-​renju tagħha? L-​awtur Stoneman josserva: “Sultana għaqlija ma tittraskura l-​ebda drawwa li tidher xierqa għall-​poplu tagħha. . . . L-​allat kien . . . ittamat li kienu nġabu flimkien fuq in-​naħa taʼ Palmira.” Mid-​dehra, Żenobja kienet tittollera reliġjonijiet differenti. Imma veru li l-​allat kienu “nġabu flimkien fuq in-​naħa taʼ Palmira”? X’kien hemm maħżun għal Palmira u għas-​“sultana għaqlija” tagħha?

Imperatur ‘Iqawwi Qalbu’ Kontra Żenobja

Matul is-​sena 270 E.K., Awreljanu sar l-​imperatur taʼ Ruma. Il-​leġjuni tiegħu rnexxielhom ireġġgħu lura u jiddixxiplinaw b’suċċess lill-​Barbari tat-​Tramuntana. Fis-​sena 271 E.K. Awreljanu​—li issa kien jirrappreżenta “lis-​sultan tat-​Tramuntana” tal-​profezija taʼ Danjel—​‘għamel ħiltu u qawwa qalbu kontra s-​sultan tan-​nofsinhar,’ irrappreżentat minn Żenobja. (Danjel 11:25a) Awreljanu bagħat xi wħud mill-​qawwiet tiegħu direttament lejn l-​Eġittu u mexxa l-​armata prinċipali tiegħu lejn il-​Lvant u għadda mill-​Asja Minuri.

Is-​sultan tan-​Nofsinhar​—l-​entità li taħkem b’Żenobja bħala l-​kap tagħha—​‘kien lest’ għall-​gwerra kontra Awreljanu “b’eżerċtu kbir u qawwi ħafna” taħt żewġ ġenerali, Żabda u Żabbaj. (Danjel 11:25b) Imma Awreljanu ħa l-​Eġittu taħt idejh u mbagħad ta bidu għal spedizzjoni fl-​Asja Minuri u fis-​Sirja. Żenobja ġiet megħluba f’Emesa (issa Homs), u rtirat lejn Palmira.

Meta Awreljanu assedja lil Palmira, Żenobja, bit-​tama li tikseb l-​għajnuna, ħarbet maʼ binha lejn il-​Persja, imma nqabdet mir-​Rumani fix-​Xmara Ewfrat. In-​nies taʼ Palmira telqu mill-​belt tagħhom fis-​sena 272 E.K. Awreljanu ttratta b’kuraġġ kbir maʼ l-​abitanti tagħha, ġabar kwantità kbira t’oġġetti misruqin, inkluż l-​idolu mit-​Tempju tax-​Xemx, u rħielha lejn Ruma. L-​imperatur Ruman ma qatilhiex lil Żenobja, u għamilha l-​attrazzjoni prinċipali fil-​purċissjoni trijonfali tiegħu minn ġo nofs Ruma fis-​sena 274 E.K. Hi qattgħet il-​kumplament taʼ ħajjitha bħala mara Rumana taʼ dinjità u prestiġju kbir.

Il-​Belt tad-​Deżert Inġabet f’Rovina

Ftit xhur wara li Awreljanu ħa lill-​Palmira taħt idejh, in-​nies taʼ Palmira mmassakraw lit-​truppi Rumani li hu kien ħalla warajh. Meta l-​aħbar taʼ dan l-​irvell waslet għand Awreljanu, hu mill-​ewwel ordna lis-​suldati tiegħu biex imorru lura, u din id-​darba għamlu vendetta sħiħa mill-​popolazzjoni. Dawk li nħelsu mit-​tbiċċir bla ħniena ttieħdu fl-​iskjavitù. Il-​belt kburija nsterqet u nġabet f’rovina kważi għalkollox. Għalhekk, il-​metropoli kollha ħajja spiċċat fl-​istat li kienet fih qabel​—“Tadmor fid-​deżert.”

Meta Żenobja ħaditha kontra Ruma, hi u l-​Imperatur Awreljanu mingħajr ma kienu jafu rrappreżentaw l-​irwoli tagħhom bħala “s-​sultan tan-​nofsinhar” u “s-​sultan tat-​tramuntana,” u dawn wettqu parti minn profezija ddokumentata b’dettall kbir mill-​profeta taʼ Jehovah madwar 800 sena qabel. (Danjel, kapitlu 11) Bil-​personalità tagħha li tant tolqtok, Żenobja rebħet l-​ammirazzjoni taʼ ħafna. Madankollu, l-​irwol tagħha f’li tirrappreżenta entità politika mbassra fil-​profezija taʼ Danjel kien taʼ sinjifikat kbir. Ir-​renju tagħha ma damx iktar minn ħames snin. Palmira, il-​kapitali tas-​saltna taʼ Żenobja, illum m’hi xejn ħlief raħal. Anki l-​Imperu qawwi Ruman ilu li spiċċa u ċeda postu għal saltniet moderni. X’se jkun il-​futur taʼ dawn il-​qawwiet? Id-​destin tagħhom ukoll huwa ggvernat mit-​twettiq żgur tal-​profezija Biblika.​—Danjel 2:44.

[Kaxxa f’paġna 29]

Il-​legat taʼ Żenobja

Malli mar lura Ruma wara li kien għeleb lil Żenobja, reġina taʼ Palmira, l-​Imperatur Awreljanu bena tempju lix-​xemx. Fih poġġa l-​istatwi taʼ l-​alla tax-​xemx li kien ġab lura mill-​belt tagħha. Waqt li tikkummenta dwar iktar żviluppi, ir-​rivista History Today tgħid: “L-​iktar azzjoni t’Awreljanu li baqgħet sejra għal ħafna żmien hi t-​twaqqif, fis-​sena 274 AD, tal-​festa annwali tax-​xemx li taħbat fis-​solstizju tax-​xitwa, nhar il-​25 taʼ Diċembru. Meta l-​imperu sar Kristjan, it-​twelid taʼ Ġesù ġie ttrasferit għal din id-​data biex ir-​reliġjon il-​ġdida tkun tidher iktar aċċettabbli għal dawk li kienu jieħdu pjaċir bil-​festi tal-​qedem. Kos kemm huwa stramb li fl-​aħħar mill-​aħħar kien minħabba l-​Imperatriċi Żenobja li . . . [in-nies] jiċċelebraw il-​Milied fi żmienna.”

[Mappa/Stampa f’paġni 28, 29]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​BAĦAR MEDITERRAN

SIRJA

Antijokija

Emesa (Homs)

PALMIRA

Damasku

MESOPOTAMJA

L-​Ewfrat

Carrhae (Ħaran)

Nisibis

Dura-Europos

[Sorsi]

Mappa: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

Kolonnat: Michael Nicholson/Corbis

[Stampa f’paġna 29]

Munita Rumana li probabbli fuqha hemm Awreljanu

[Stampa f’paġna 30]

It-​tempju tax-​xemx ġewwa Palmira

[Sors]

The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck

[Stampa f’paġna 31]

Ir-​Reġina Żenobja waqt li qed tindirizza lis-​suldati

[Sors]

Giovanni Battista Tiepolo, Queen Zenobia Addressing Her Soldiers, Samuel H. Kress Collection, Photograph © Board of Trustees, National Gallery of Art, Washington

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 28]

Dettalji taʼ:Giovanni Battista Tiepolo, Queen Zenobia Addressing Her Soldiers, Samuel H. Kress Collection, Photograph © Board of Trustees, National Gallery of Art, Washington

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja