Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għandi Nara Vidjos tad-Diski?
“Il-vidjos tad-diski jogħġbuni ħafna. Biċċa minnhom huma bħal films qosra. Ikun fihom storja, u jien nammira l-koreografija.”—Casey.
“Qegħdin tajjeb biex issib mużika ġdida. Tkun tistaʼ tismaʼ iktar mill-aqwa 40 diska tas-soltu. Ukoll, il-vidjos tad-diski jistgħu jkunu suġġetti tajbin għall-konversazzjonijiet.”—Josh.
“Id-dettalji ġo vidjo huma importanti għalija—bħal min ikun qed ikanta, xi tkun liebsa, u kif taġixxi. Dawn kollha flimkien jagħtu spjegazzjoni tal-lirika.”—Kimberly.
“Nieħu pjaċir nara x’se jagħmlu differenti l-gruppi favoriti tiegħi. Inħobb nara l-effetti speċjali. Xi ftit mill-vidjos huma tad-daħq. Imma trid toqgħod attent.”—Sam.
FORSI int ukoll tieħu pjaċir tara l-vidjos tad-diski. Meta dehru għall-ewwel darba fix-xena televiżiva, kienu relattivament produzzjonijiet sempliċi u taʼ ftit flus. Imma meta l-vidjos tad-diski wrew li ma kinux moda temporanja u li kellhom impatt kbir fuq il-bejgħ tad-diski, b’rata mgħaġġla saru iktar sofistikati, kemm b’mod artistiku u kemm tekniku. Illum huma parti importanti fid-dinja tal-mużika u huma popolari ħafna fost iż-żgħażagħ. F’ċerti pajjiżi hemm stazzjonijiet tat-televixin li huma dedikati biss għall-vidjos tad-diski!
Imma xi żgħażagħ bħal Sam, li huwa msemmi hawnhekk, għala jgħidu li hemm bżonn li toqgħod attent? Jistaʼ jkun li xi ftit mill-vidjos tad-diski forsi jkollhom effett negattiv fuqek—forsi billi jħassru l-ħsibijiet tiegħek u l-valuri morali jew saħansitra jikkaġunaw ħsara fir-relazzjoni li għandek mal-Ħallieq tiegħek? Mistoqsija bħal din tistaʼ tinstemaʼ ftit esaġerata. Imma aħseb ftit, Kieku tkun sejjer il-baħar jew sax-xmara biex tgħum u tara avviżi li jgħidu li hu perikoluż li tgħum hemmhekk, tkun qed turi għaqal jekk ma tagħtix kas twissijiet bħal dawn? Dażgur li le. Għalhekk, tkun għaqli jekk tikkunsidra xi twissijiet rigward il-vidjos tad-diski.
Żoni taʼ Periklu
Trid tammetti li dak li tara u tismaʼ jistaʼ jeffettwak! Il-Bibbja tgħidilna li Sawl, l-ewwel Sultan taʼ Iżrael, uża l-mużika għat-tajjeb—biex jikkalma l-emozzjonijiet tiegħu. (1 Samwel 16:14-23) Jistaʼ l-mużika jkollha effett negattiv? Il-ktieb Rock and Roll—Its History and Stylistic Development jgħid dan: “Wieħed ma jistax jgħid li l-mużika teffettwah f’ċerti każi biss. Jekk naċċettaw li l-mużika rock kellha effetti pożittivi (bħalma kellha), għandna wkoll inkunu lesti naċċettaw li kellha effetti negattivi (bħalma kellha). Min bi kburija jgħid ‘Jien nismaʼ l-mużika imma ma teffettwanix,’ jew ikun wieħed li jiblaʼ kollox jew inkella jkun informat ħażin ħafna.”
Il-Bibbja għal darba wara l-oħra tirreferi għall-influwenza li għandha l-għajn fuq il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħna. (Proverbji 27:20; 1 Ġwann 2:16) Allura billi mal-mużika jżidu elementi li jolqtu l-għajn, dawk li jipproduċu l-vidjos b’mod drammatiku jżidu l-effetti li l-mużika għandha fuq is-semmiegħa tagħha. Liema tipi taʼ elementi li jolqtu l-għajn jintużaw taʼ spiss?
Skond studju wieħed, madwar 57 fil-mija taʼ vidjos tal-mużika rock fihom atti vjolenti. Madwar 76 fil-mija jinkludu rappreżentazzjonijiet t’attivitajiet sesswali. F’analisi reċenti oħra nstab li 75 fil-mija tal-vidjos li jirrakkontaw storja kienu jinvolvu wkoll referenzi sesswali, u iktar minn nofshom kien fihom il-vjolenza, ġeneralment kontra n-nisa. Issa, jistaʼ jkun li tassew se tagħmel ħsara jekk tara vidjos bħal dawn? Referenza waħda tgħid li “f’xi studji li saru b’esperiment instab li l-fatt li jaraw il-vidjos tad-diski jistaʼ eventwalment jeffettwa l-attitudnijiet taʼ l-adolexxenti fejn tidħol l-attività sesswali minn età żgħira jew riskjuża.” U ħadd ma jistaʼ jiċħad li hekk kif il-mużiċisti jipprovaw jixxokkjaw iktar minn dawk taʼ qabilhom u minn dawk taʼ żmienhom, il-vidjos tad-diski in ġenerali qed isiru iktar dettaljati.
Espert wieħed fil-qasam taʼ l-edukazzjoni osserva: “Ħafna joħorġu bl-argument li dak li jisimgħu—u jaraw, permezz tal-vidjos tad-diski—m’hu xejn differenti mill-influwenzi mużikali tal-ġenerazzjonijiet tal-passat . . . Imma milli jidher il-maġġuranza taʼ l-artisti taʼ llum b’diżrispett u bla mistħija taʼ xejn jaċċettaw il-profanità u ż-żebliħ bħala għodod xierqa biex iżidu l-bejgħ tad-diski.” U dwar dawk li jaraw ċertu stazzjon li juri vidjos tad-diski, ir-rivista Chicago tgħid: “Dawn jiġu bombardjati bla waqfien b’pornografija suġġestiva inqas spjegata.”
Ir-rivista Chicago tiddeskrivi wkoll vidjo taʼ diska li juri “raġel żagħżugħ bil-qiegħda mal-bank taʼ restorant u li jitfaʼ rasu lura kemm kemm iżżejjed. Imbagħad jidher farrett kbir mimli demm f’għonqu u rasu taqaʼ.” Ġie rapportat li f’vidjo ieħor dehret xena mdemmija taʼ raġel jinżaʼ l-ħwejjeġ u li fiha jibda jinżaʼ wkoll il-ġilda u l-muskoli tiegħu. Dehru wkoll affarijiet oħrajn li huma wisq xokkanti biex insemmuhom.
Xi wħud jistgħu jiħduhom ħafif ħafif dawn il-fatti, u jgħidu li l-vidjos imsemmijin hawn huma estremi u l-biċċa l-kbira minnhom m’humiex daqshekk ħżiena. Xi wħud saħansitra jargumentaw li għalihom il-vidjos tad-diski m’humiex daqstant xokkanti jew offensivi. Imma jistaʼ dan forsi sempliċement jissuġġerixxi li l-fatt li dawn l-individwi raw dan it-tip taʼ vidjos darba wara l-oħra ġagħalhom ma jibqgħux sensittivi għalihom? Casey, iż-żagħżugħ li semmejna fil-bidu, jammetti: “Jekk ma tagħmilx limiti fuq dak li tara, dak li għall-ewwel kien jagħtik skandlu maż-żmien isir xi ħaġa normali. Bla ma tkun taf, tibda tfittex xi ħaġa iktar estrema u dak li qabel ma kontx tistaʼ għalih tibda taċċettah qisu m’hu xejn.”
X’jistaʼ jirriżulta? L-abbiltà li għandek biex tieħu deċiżjonijiet morali f’lokhom tiddgħajjef ħafna. Minħabba li mħuħna jistgħu jiġu influwenzati malajr b’mod negattiv, il-Bibbja tħeġġiġna biex ‘inżommu l-għaqal u l-qjies.’ (Proverbji 3:21; 5:2) Riżultat negattiv ieħor jistaʼ jkun li tagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħek maʼ Alla Jehovah. M’hijiex din l-iktar ħaġa prezzjuża li għandek? Għalhekk, jeħtieġ li tħares din il-ħbiberija billi tieħu passi biex tevita kwalunkwe tip taʼ divertiment mhux xieraq. Kif tistaʼ tagħmel dan?
Kif Tipproteġi Lilek Innifsek
L-ewwelnett, jekk jogħġbok aċċetta li huwa sempliċement ħażin li tara xeni li juru b’mod ovvju dak li l-Bibbja b’mod ċar tikkundanna. (Salm 11:5; Galatin 5:19-21; Apokalissi 21:8) Meta vidjo jigglorifika affarijiet li ma ‘jixirqux lill-qaddisin,’ trid tkun determinat li tieqaf tarah. (Efesin 5:3, 4) Irridu nammettu li forsi ma jkunx faċli taqleb l-istazzjon—jew titfi t-televixin—meta jkun qed jintwera vidjo eċċitanti. Għalhekk, jistaʼ jkollok bżonn titlob bħalma għamel is-salmista li kiteb: “Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa.”—Salm 119:37.
Jistaʼ jkun li vidjos xokkanti daqs dawk li ddeskrivejna qabel jimbottawk bla ma taħsibha darbtejn. Però, xi vidjos donnhom huma iktar sottili fil-metodi li jużaw. Xeni taʼ sesswalità jistgħu jkunu qosra. Il-kliem u l-istampi jistgħu bis-sengħa jiġu rranġati flimkien b’tali mod li jkunu qed jinkuraġġixxu ċerta ħarsa li tmur kontra Alla mingħajr qatt ma tingħad jew tintwera xi ħaġa ċara u tonda. Madankollu, jekk tħossok kemm kemm ħati talli tkun rajt ċertu vidjo, x’aktarx li b’xi mod dan ma kienx tajjeb jew ma kienx xieraq għall-Kristjani. Mela, kif tistaʼ tiddeċiedi x’għandek tara u x’għandek tevita meta ma jkunx ċar daqs il-kristall x’inhu xieraq?
M’għandniex xi ngħidu, jekk tarax il-vidjos tad-diski jew le hija xi ħaġa li inti persunali trid tiddeċidiha, kif ukoll il-ġenituri tiegħek li għandhom ir-responsabbiltà jiddeċiedu x’tistaʼ u x’ma tistax tara. (Efesin 6:1, 2) Imma jekk il-ġenituri tiegħek iħalluk tara vidjos tad-diski, għandek bżonn ma tkunx gwidat biss minn dak li taħseb li hu sewwa għalik. Lhud 5:14 (Saydon) jinkuraġġina biex ‘inħarrġu s-sens tagħna biex nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin.’ Dawn is-sensi jitħarrġu billi tistudja l-prinċipji tal-Bibbja, li jipprovdu bażi biex tiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin mill-ħarsa taʼ Jehovah. Billi timmedita fuq prinċipji Bibliċi bħal dawn, tkun tistaʼ tagħraf x’inhu perikoluż għas-saħħa spiritwali tiegħek, saħansitra meta ma jkun hemm ebda regola partikulari fil-Bibbja biex tiggwidak.
Mela, liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu b’mod speċifiku jiggwidawk fejn jidħlu l-vidjos tad-diski? Dan se jiġi diskuss f’artiklu fil-futur.
[Kumment f’paġna 20]
“Min bi kburija jgħid ‘Jien nismaʼ l-mużika imma ma teffettwanix,’ jew ikun wieħed li jiblaʼ kollox jew inkella jkun informat ħażin ħafna.”
[Stampi f’paġna 21]
Tistaʼ verament tara xi ħaġa mhix tajba u ma tiġix effettwat minnha?