Uża Għajnuniet Viżwali li Jgħallmu
1. Ġeħova kif uża għajnuniet viżwali biex jgħallem lill-qaddejja tiegħu tal-qedem, u b’liema riżultat?
1 Biex jgħaddi informazzjoni lill-qaddejja tiegħu tal-qedem, Ġeħova xi drabi uża viżjonijiet u ħolm. Aħseb fuq il-viżjoni t’Eżekjel tal-karru ċelestjali taʼ Ġeħova. (Eżek. 1:1-28) Immaġina kif ħassu Danjel wara li rċieva l-ħolma profetika li ddeskriviet il-qawwiet dinjin li kellhom jiġu. (Dan. 7:1-15, 28) U xi ngħidu għar-rivelazzjoni eċċitanti li ġiet preżentata lil Ġwanni “b’sinjali,” rigward l-affarijiet li kellhom iseħħu “f’jum il-Mulej”? (Riv. 1:1, 10) Ġeħova għallimhom permezz taʼ kuluri vivaċi u azzjoni dinamika, u dan ħalla impressjoni fit-tul f’moħħhom.
2. Liema għajnuniet viżwali nistgħu nużaw biex ngħallmu veritajiet Bibliċi lil oħrajn?
2 Jekk irridu nispjegaw veritajiet Bibliċi lil oħrajn u nħallu impatt li ma jintesiex malajr, nistgħu bl-istess mod nużaw il-vidjos tagħna biex ngħallmu. Il-vidjos tagħna jkopru varjetà kbira taʼ suġġetti u jibnu l-fiduċja fil-Bibbja, fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u fi prinċipji li jagħmluna Kristjani aħjar. Ikkunsidra xi modi kif nistgħu nużaw il-vidjos biex ngħallmu. Dawn li ġejjin huma eżempji tal-vidjos li nistgħu nużaw.
3. X’tistaʼ tuża biex tidderieġi student tal-Bibbja lejn l-organizzazzjoni?
3 Fil-Ministeru: Kont qed titkellem maʼ xi student tal-Bibbja dwar il-fratellanza globali Kristjana? Urihielu permezz tal-vidjo Our Whole Association of Brothers (Il-Fratellanza Kollha Tagħna). Tistaʼ ssellifhulu biex jarah qabel l-istudju li jmiss jew arawh flimkien matul l-istudju. Imbagħad iddiskutu l-mistoqsijiet bħala reviżjoni li hemm fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju 2002.
4. Liema għodod taʼ tagħlim jistaʼ juża Xhud żagħżugħ fl-iskola?
4 Żgħażagħ, forsi tistgħu titkellmu maʼ l-għalliem tagħkom biex taraw jekk hux possibbli li turu lill-klassi d-dokumentarji fuq il-vidjo Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jieqfu Sodi Kontra Attakki tan-Nazi) jew Faithful Under Trials—Jehovah’s Witnesses in the Soviet Union (Leali fil-Provi—Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Unjoni Sovjetika). Offru li tippreparaw karta b’mistoqsijiet għall-klassi billi tadattaw il-mistoqsijiet li dehru fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju 2001 u taʼ Frar 2003.
5. X’hemm disponibbli għall-ġenituri biex jużaw fl-istudji tal-familja?
5 Mal-Familja u l-Ħbieb: Ġenituri, aħsbu ftit dwar kemm kibru t-tfal tagħkom minn meta raw il-vidjo Young People Ask—How Can I Make Real Friends? (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Kif Jistaʼ Jkolli Ħbieb Veri?) għall-ewwel darba. Għala ma terġgħux tarawh fl-istudju tal-familja li jmiss? Il-ħarġa tal-Ministeru tas-Saltna t’April 2002 fiha mistoqsijiet għal diskussjoni ħajja u sinċiera.
6. Kif tistaʼ tippjana lejla taʼ inkuraġġiment mal-ħbieb?
6 Hemm xi ħbieb fil-kongregazzjoni li ilek bil-ħsieb li tistidinhom id-dar tiegħek? Tistgħu tgawdu lejla inkuraġġanti jekk taraw flimkien il-vidjo Respect Jehovah’s Authority (Irrispetta l-Awtorità taʼ Ġeħova) speċjalment jekk wara tirrivedu l-lezzjonijiet li tgħallimtu permezz tal-mistoqsijiet imniżżlin fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Settembru 2004.
7. Liema opportunitajiet taħseb li hemm li fihom tistaʼ tuża l-vidjos?
7 Opportunitajiet Oħrajn: B’liema modi oħra nistgħu nużaw l-20 vidjo differenti li għandna? Jekk turi xi wieħed jew tnejn minnhom lil xi ħadd li żżur regolarment, taħseb li se jgħinuh jagħmel progress spiritwali? Tistgħu toffru li turu l-vidjos f’xi dar tax-xjuħ? Jistgħu l-vidjos jgħinuk tirbaħ ir-rispett tal-qraba tiegħek li m’humiex xhieda, tal-ġirien, u taʼ sħabek tax-xogħol? Il-vidjos tagħna huma għajnuniet viżwali impressjonanti, istruttivi, u effettivi. Użahom biex tgħallem.