Kemm-il Sens Għandna Propjament?
“Aħna tant naħdmu fi qbil u mingħajr sforz taʼ xejn fl-ambjenti taʼ madwarna, li huwa diffiċli tapprezza l-kalkulazzjonijiet kbar u mifruxa li jifformaw il-bażi taʼ saħansitra l-iktar esperjenza sempliċi li tinvolvi s-sensi.”—SENSORY EXOTICA—A WORLD BEYOND HUMAN EXPERIENCE.
IMMAĠINA lilek innifsek għaddej bir-rota fi triq kwieta ġol-kampanja. Hekk kif iddawwar il-pedali, organi sensorji f’saqajk jgħinuk biex tagħmel pressjoni kemm suppost biex iżżomm il-veloċità. L-organi tal-bilanċ tiegħek iżommuk dritt; imnifsejk ixommu l-irwejjaħ ħelwin; għajnejk jiflu l-veduta; widnejk jisimgħu t-tpespis taʼ l-għasafar. X’ħin jaqbdek l-għatx, taqbad il-flixkun biex tixrob, bl-għajnuna taʼ organi tal-mess li jinsabu f’subgħajk. Id-diversi partijiet fi lsienek li jagħrfu t-togħma kif ukoll is-sensi li jagħrfu l-kiesaħ u s-sħun, itiegħmu l-likwidu u jħossu t-temperatura tiegħu. Organi sensorji fil-ġilda tiegħek u dawk li qegħdin max-xagħar taʼ ġismek juruk kemm hi qawwija ż-żiffa u, flimkien m’għajnejk, juruk kemm qed tgħaġġel. Il-ġilda tiegħek tgħidlek ukoll it-temperatura u l-umdità taʼ madwarek, u l-fatt li inti konxju tal-ħin jgħidlek bejn wieħed u ieħor kemm ilek għaddej bir-rota. F’xi ħin, is-sensi ġewwinija tiegħek se jġagħluk tistrieħ u tiekol. Iva, il-ħajja hija verament armonija tas-sensi l-ġmiel tagħha!
Ħames Sensi Biss?
F’dawra bir-rota bħal din, kemm-il sens intuża—il-ħames sensi tradizzjonali biss: il-vista, is-smigħ, ix-xamm, it-togħma, u l-mess? Skond l-Encyclopædia Britannica, dawn il-ħames sensi kienu msemmijin mill-filosfu antik Aristotele, li “l-influwenza tiegħu tant baqgħet fit-tul li ħafna nies jitkellmu dwar il-ħames sensi bħallikieku ma kienx hemm iktar.”
Madankollu, skond il-Britannica, studji fuq is-sensittività tal-ġilda biss “jagħtu evidenza li s-sensi tal-bniedem huma iktar minn ħamsa.” Dan kif jistaʼ jkun? Ċerti funzjonijiet li darba kienu kollha miġburin taħt is-sens tal-mess, issa huma meqjusa bħala sensi fihom infushom. Per eżempju, organi li jħossu l-uġigħ jirreaġixxu għal u jiddistingwu bejn forzi jew sustanzi mekkaniċi, termali, u kimiċi. Organi sensorji oħrajn jindikaw meta jkollok bżonn tħokk. L-evidenza turi li mill-inqas aħna għandna żewġ tipi taʼ organi sensorji li jindikaw kemm issir pressjoni fuq il-ġisem—wieħed għall-pressjoni ħafifa fuq il-wiċċ tal-ġisem, u ieħor għall-pressjoni qawwija jew fil-fond. Ġisimna għandu wkoll sensiela kbira taʼ sensi ġewwinija. X’inhu l-irwol tagħhom?
Is-Sensi Ġewwinija
Is-sensi ġewwinija jagħrfu l-bidliet li jsiru ġewwa fina. Huma jindikaw affarijiet bħalma huma l-ġuħ, l-għatx, l-għeja, uġigħ ġewwieni, u l-bżonn li tieħu n-nifs jew li tmur it-tojlit. Flimkien maʼ l-arloġġ bijoloġiku taʼ ġo fina, is-sensi ġewwinija jġagħluna nħossuna għajjenin fi tmiem il-ġurnata, jew mifxulin meta naslu f’xi post wara xi titjira b’ajruplan fejn il-ħin huwa differenti minn dak taʼ minfejn tlaqna. Għalhekk, minħabba li aħna nistgħu “nħossu” l-ħin għaddej, ġie suġġerit li l-fatt li nkunu konxji tal-ħin jingħadd mal-lista tas-sensi.
Aħna għandna wkoll sens taʼ bilanċ li jinsab fuq in-naħa taʼ ġewwa taʼ widnejna. Dan jirreaġixxi għall-gravità, żjieda fil-veloċità, u d-dawrien. U fl-aħħar għandna sens ieħor li jgħinna nħossu t-tensjoni fil-muskoli, u anki ċ-ċaqliq u l-pożizzjoni taʼ idejna u saqajna b’għajnejna magħluqin.
Ovvjament, il-fakultà tas-sensi m’hijiex xi ħaġa tal-bnedmin biss. L-annimali wkoll għandhom varjetà kbira taʼ sensi, inkluż uħud verament taʼ l-għaġeb li aħna m’għandniex minnhom. Fl-artiklu li jmiss se neżaminaw xi ftit minn dawn. Se neżaminaw ukoll lilna nfusna iktar mill-qrib u naraw l-attributi uniċi li lill-bniedem jagħtuh post speċjali fost il-ħlejjaq kollha taʼ l-art.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 4]
Il-Meravilja tal-Mess li Għandu l-Bniedem
L-id tal-bniedem għandha sens tal-mess verament fin u preċiż. Skond ir-rivista Smithsonian, ir-riċerkaturi sabu li l-id tistaʼ tħoss tikka li hija għolja biss tliet mikroni. (Xagħra taʼ bniedem għandha dijametru taʼ 50 sa 100 mikron.) Madankollu, billi “użaw disinn imqabbeż minflok tikka, ir-riċerkaturi sabu li l-id tistaʼ tħoss wiċċ aħrax li huwa biss 75 nanumetru għoli”—nanumetru huwa biss wieħed minn elf waħda taʼ mikron! Huwa maħsub li sensittività straordinarja bħal din tiġri bis-saħħa taʼ madwar 2,000 organu tal-mess fit-tarf taʼ kull sabaʼ.
Is-sens tal-mess tagħna għandu wkoll irwol importanti ħafna fis-saħħa u l-benesseri tagħna. “It-tmellis minn persuna oħra jerħi ormoni li jistgħu jtaffu l-uġigħ u jserrħulek moħħok,” tgħid il-U.S.News & World Report. Xi wħud huma tal-fehma li meta tifel jew tifla jiġu mċaħħdin mit-tmellis kollu mħabba mingħand ħaddieħor, dawn ma jikbrux kif suppost.
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Għajn: The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck; widna u ġewwa l-widna: © 1997 Visual Language; id: The Anatomy of Humane Bodies, bi stampi mpinġijin minn xi wħud mill-aqwa pitturi famużi fl-Ewropa. . . Oxford, 1698, William Cowper