Skoperta Spettakolari fl-Għajn
IX-XJENZATI ilhom jafu li għajnejn il-mammali (annimali li jreddgħu, kif ukoll il-bniedem) għandhom ċelloli li jirreaġixxu għad-dawl u li jirregolaw l-arloġġ bijoloġiku taʼ ġo fihom. Għal ħafna żmien kien maħsub li din il-funzjoni, li hija sensittiva għad-dawl, kienet issir miċ-ċelluli tal-vista magħrufa bħala vireg u konijiet (bl-Ingliż rods and cones). Imma fl-1999, jirrapporta l-ġurnal Science, ir-riċerkaturi sabu li “ġrieden għomja li ma kellhomx dawn iż-żewġ tipi taʼ ċelluli minħabba tibdil ġenetiku, xorta kellhom arloġġi sensittivi għad-dawl.” Dan wassal lir-riċerkaturi għal konklużjoni li xi ċelluli oħrajn fl-għajn kienu qed iħossu d-dawl.
Issa sa fl-aħħar instabu dawn iċ-ċelluli li jħossu d-dawl, li tant kien diffiċli biex jiġu identifikati. Għalkemm minsuġa mal-vireg u l-konijiet li jifformaw l-immaġni, dawn iċ-ċelluli jifformaw “sistema ċirkulatorja tal-vista li taħdem parallela maʼ din is-sistema viżwali li tifforma l-immaġni,” jispjega Science. Il-funzjonijiet taʼ din is-sistema li għadha kemm ġiet skoperta jinkludu l-kontroll tal-melatonina u tad-daqs tal-pupilla, ir-regular taʼ l-arloġġ bijoloġiku tal-ġisem maċ-ċiklu tad-dawl u d-dlam, u xogħlijiet oħra. Tistaʼ saħansitra teffettwa l-bdil fil-burdata.
Taʼ interess hu li dawn iċ-ċelluli li jħossu d-dawl ma jħossux leħħiet żgħar taʼ dawl, biex ma jħawdux l-arloġġ tal-ġisem, imma jħossu biss kambjamenti iktar fit-tul taʼ dawl qawwi. Wieħed xjenzat iddeskriva din l-iskoperta bħala “spettakolari,” u żied jgħid li “dan huwa l-akbar żvilupp s’issa fis-suġġett taʼ x’jikkaġuna r-reazzjoni għad-dawl fil-mammali.”
Ħaġa ċerta hi li iktar ma nitgħallmu dwar il-ħajja, iktar naraw evidenza taʼ disinn moħbi iżda taʼ dehen u għerf kbir. Osservazzjonijiet bħal dawn iqanqlu lil ħafna biex jidwu l-kliem li nsibu fil-Bibbja taʼ tifħir lill-Ħallieq: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni: taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.”—Salm 139:14.