Il-“Grandfather Clock”
● L-arloġġ mekkaniku x’aktarx li ġie vvintat fiċ-Ċina iktar minn 900 sena ilu. Minn dakinhar ’l hawn, sar ħafna titjib fl-arloġġi. Sar progress li jispikka f’nofs is-seklu 17, meta beda jintuża l-pendlu fl-arloġġi mekkaniċi. Grazzi għal dan it-titjib sinifikanti fuq id-disinn, l-arloġġi tant saru eżatti li beda jidher aspett ġdid fuq il-wiċċ tagħhom—il-minutiera! M’għandniex xi ngħidu, id-disinn il-ġdid—bil-pendlu, bil-piż, u bil-mekkaniżmu relattivament tqil tiegħu—kellu bżonn kaxxa soda wieqfa. Dan irriżulta f’dak li sar familjari man-nies madwar id-dinja bħala l-grandfather clock, u dawn l-arloġġi ġew deskritti minn wieħed espert bħala “li huma taʼ min joqgħod fuqhom ħafna u li jżommu l-ħin b’mod raġunevoli anki f’kundizzjonijiet diffiċli.”
Għall-ewwel, dawn l-arloġġi taʼ valur kienu manifatturati biss fi bliet kbar Ewropej, bħal Londra u Pariġi. Madankollu, ftit ftit, il-produzzjoni tagħhom infirxet sat-truf nett tal-kontinent Ewropew. B’hekk, stili lokali magħmulin bis-sengħa bdew iżejnu d-disinn bażiku. L-għamla tal-arloġġ tistaʼ tkun dritta jew għat-tond; l-istruttura tiegħu, żgħira jew kbira. Jistaʼ jkun magħmul mill-injam tal-arżnu, l-ebbanu, il-kawba, il-ballut, jew il-ġewż, u l-kaxxa tiegħu tistaʼ tkun sempliċi jew imżejna. Għalhekk, il-grandfather clock mhux biss kiseb il-popolarità bħala arloġġ li jżomm il-ħin b’mod superjuri, imma wkoll bħala xi ħaġa eleganti u impressjonanti li tmur mal-għamara taʼ kamra.
Jistaʼ jkun hemm raġuni oħra għala n-nies ikomplu jsibu l-grandfather clock affaxxinanti u attraenti. Sa ċertu punt, jidher uman. “Hu madwar id-daqs taʼ bniedem medju u għandu wiċċ espressiv u sinifikanti,” tinnota Dr. Sinikka Mäntylä, riċerkatriċi Finlandiża. It-tektika tiegħu tixbah saħansitra t-taħbita tal-qalb. Illum, arloġġi li jaħdmu bil-kwarz u li huma preċiżi u ma jiswewx ħafna flus ħadu post il-maġġuranza taʼ dawn il-kapolavuri kbar weqfin. Imma saħansitra fiż-żminijiet mgħaġġlin tagħna, il-preżenza taʼ grandfather clock għadha tagħti ċerta trankwillità. Il-ktieb Keeping Time—Collecting and Caring for Clocks josserva: “Il-grandfather clock bit-tektika regulari u mhix mgħaġġla tiegħu jistaʼ wkoll b’xi mod jikkalmana u jġegħelna naħsbu fi żmien meta kien hemm iktar paċi.”
[Stampa f’paġna 19]
Arloġġ li possibbilment imur lura għall-bidu tas-seklu 19