Is-Sensi taʼ l-Għaġeb fid-Dinja taʼ l-Annimali
HUWA u jiġri ’l hemm u ’l hawn ifittex l-ikel, il-ġurdien iħossu ’l bogħod mill-periklu fid-dlam. Imma ma jobsorx li s-serp tal-ħofra għandu l-kapaċità li “jara” l-mewġ tas-sħana ħierġa minn ġol-ġisem sħun tal-ġurdien—idea żbaljata li se tiswielu ħajtu. Barbun tar-ramel, tip taʼ ħuta ċatta, qiegħed moħbi kompletament taħt ir-ramel ġo akkwarju kbir tal-klieb il-baħar, fejn wieħed minnhom qiegħed iħuf fid-direzzjoni taʼ fejn qiegħda l-ħuta. Il-kelb il-baħar ma jistax jarah lill-barbun; imma f’ħakka t’għajn il-kelb il-baħar jieqaf, jgħaddas imnieħru fir-ramel, u jiblaʼ lill-barbun.
Iva, is-serp tal-ħofra u l-kelb il-baħar huma eżempji t’annimali b’sensi speċjalizzati li lbnedmin m’għandhomx. Min-naħa l-oħra, ħafna ħlejjaq għandhom sensi li huma bħal tagħna imma huma iktar qawwijin jew iktar kapaċi jaqbdu għadd differenti taʼ elementi fl-ambjent. L-għajnejn huma eżempju tajjeb taʼ dan.
Għajnejn li Jaraw Dinja Differenti
L-għadd taʼ kuluri li jaraw għajnejna huma biss frazzjoni żgħira ħafna mill-ispettru elettromanjetiku. Per eżempju, għajnejna ma jistgħux jaraw ir-radjazzjoni taʼ l-infrared, li għandha wavelength itwal mid-dawl aħmar. Madankollu, is-serp tal-ħofra għandu żewġ organi żgħar, jew ħofor, bejn għajnejh u mnifsejh li jaqbdu r-radjazzjoni taʼ l-infrared.a Għalhekk, anki fid-dlam huwa jistaʼ jattakka bi preċiżjoni lil priża b’temperatura tal-ġisem relattivament għolja.
Minbarra t-tarf vjola taʼ l-ispettru viżibbli hemm id-dawl ultravjola (UV). Għalkemm ma narawhx b’għajnejna, id-dawl UV huwa viżibbli għal ħafna ħlejjaq, fosthom l-għasafar u l-insetti. In-naħal, per eżempju, jorjentaw lilhom infushom skond ix-xemx—anki f’temp daqsxejn imsaħħab meta x-xemx tkun moħbija—billi jfittxu xi roqgħa sema blu u jaraw id-disinn ifformat permezz tad-direzzjoni li jieħdu r-raġġi UV. Ħafna pjanti bil-fjuri jkollhom disinni viżibbli biss fl-ultravjola u xi ftit fjuri saħansitra għandhom parti li timmarka n-nektar b’riflessjoni ultravjola li toħloq kuntrast, sabiex tidderieġi l-insetti lejn in-nektar. Ċertu frott u żrieragħ jesibixxu lilhom infushom lill-għasafar b’dan il-mod ukoll.
Minħabba li l-għasafar jaraw ir-raġġi ultravjola u minħabba li dan id-dawl jagħmel lil rixhom iktar ilellex, probabbilment l-għasafar jidhru iktar kuluriti għal xulxin milli narawhom aħna. Huma jistgħu ‘jaraw il-kuluri b’mod tant rikk li aħna lanqas biss nistgħu nibdew nimmaġinawh,’ qal wieħed ornitologu. L-abbiltà li jaraw id-dawl UV tistaʼ anki tgħin lil ċerti isqra biex isibu l-ġrieden. Dan kif? Il-ġurnal BioScience jgħid li ċertu tip taʼ ġurdien raġel “jipproduċi awrina u ħmieġ li fihom kimiċi li jassorbu l-UV, u jimmarkaw triqathom bl-awrina.” B’hekk, l-għasafar jistgħu “jidentifikaw postijiet fejn ikun hemm ħafna ġrieden” u jikkonċentraw iktar fuq dak il-post.
L-Għasafar Għala Jaraw Daqshekk Tajjeb?
Il-vista taʼ l-għasafar hija meravilja. “Ir-raġuni primarja,” jgħid il-ktieb All the Birds of the Bible, “hija li l-kisja taʼ tessuti fuq in-naħa taʼ ġewwa taʼ l-għajn li tifforma l-immaġni għandha iktar ċelluli tal-vista milli għandha l-għajn taʼ ħlejjaq oħra. L-għadd taʼ ċelluli tal-vista jiddetermina l-abbiltà taʼ l-għajn biex tara oġġetti żgħar mill-bogħod. Filwaqt li r-retina t’għajn il-bniedem għandha xi 200,000 ċellula tal-vista kull millimetru kwadru, il-biċċa l-kbira mill-għasafar għandhom tliet darbiet iktar minn hekk, u l-isqra, l-avultuni, u l-ajkli għandhom miljun jew iżjed għal kull millimetru kwadru.” Ukoll, xi għasafar għandhom vantaġġ speċjali taʼ żewġ ħofor żgħar fl-inħawi tar-retina f’kull għajn, li jagħtuhom fakultà superjuri rigward distanza u veloċità. Għasafar li jaqbdu insetti li jtiru għandhom l-istess abbiltà.
L-għasafar għandhom ukoll lenti ratba mhux tas-soltu li tistaʼ tiffoka b’ħeffa akbar. Immaġina kemm tkun perikoluża l-ħajja taʼ għasfur hu u jtir—speċjalment ġol-foresti u l-imsaġar—kieku kollox kien imċajpar. Iva, x’għerf jintwera fid-disinn t’għajnejn l-għasafar!b
Is-Sens Elettriku
Ix-xena li ssemmiet qabel, li tinvolvi l-barbun moħbi u l-kelb il-baħar, fil-fatt ġrat waqt studju xjentifiku fuq il-klieb il-baħar. Ir-riċerkaturi riedu jkunu jafu jekk il-klieb il-baħar u r-rajja kellhomx is-sens li jħossu żona taʼ elettriċità li toħroġ minn ġo ħuta ħajja.c Biex isiru jafu, inħbew xi vireg tal-ħadid fil-qiegħ mimli ramel taʼ l-akkwarju tal-klieb il-baħar u tawhom il-voltaġġ li suppost. X’kien ir-riżultat? Hekk kif il-kelb il-baħar qorob lejn il-vireg bil-kurrent ġo fihom, beda jattakkahom bi vjolenza.
Il-klieb il-baħar iħossu ż-żoni taʼ elettriċità l-istess bħalma l-widna bla sforz taʼ xejn tismaʼ l-ħsejjes (passive electroreception). Imma l-ħut elettriku juża sistema differenti (active electroreception). Bħalma farfett il-lejl joħroġ sinjali akustiċi u jagħraf l-eku li jiġi lura, dan il-ħut joħroġ mewġ jew taħbit elettromanjetiku skond l-ispeċi tal-ħut. Imbagħad, permezz taʼ organi speċjali, jinduna jekk seħħx xi bdil f’dawn iż-żoni taʼ elettriċità.d B’dan il-mod, il-ħut elettriku jistaʼ jinduna b’xi ostakli, jekk hemmx xi priża tajba, jew anki jistaʼ jsib xi sieħeb jew sieħba.
Kumpass Ġewwieni
Aħseb ftit kif kienet tkun il-ħajja li kieku ġismek kellu kumpass imsawwar ġo fih. Qatt ma kien ikollok problema li se tintilef! Ġol-ġisem taʼ ċerti ħlejjaq, inkluż in-naħal u t-troti (trout), ix-xjenzati sabu kristalli mikroskopiċi tal-ħadid ossidu manjetiku, jew tal-kalamita, sustanza manjetika naturali. Iċ-ċelluli b’dawn il-kristalli ġo fihom huma mqabbdin mas-sistema nervuża. B’hekk, in-naħal u t-troti wrew li għandhom l-abbiltà li jħossu żoni manjetiċi. Fil-fatt, in-naħal juża ż-żona manjetika tad-dinja biex jibni x-xehda taʼ l-għasel u biex isib id-direzzjoni.
L-investigaturi skoprew li din is-sustanza manjetika tinsab ukoll f’xi batterji li jgħixu f’qiegħ il-baħar. Meta jitqanqal il-qiegħ, il-qawwa manjetika taʼ l-art taħdem fuq is-sustanza manjetika b’tali mod li ġġib il-batterji f’pożizzjoni tajba biex jerġgħu jaqgħu ’l isfel bil-kwiet fid-dar tagħhom f’qiegħ il-baħar. Inkella jmutu.
Ħafna annimali li jpassu—inkluż l-għasafar, il-fkieren, is-salamun, u l-balieni—ukoll jistaʼ jkollhom sens manjetiku. Madankollu, ma jidhirx li dawn iserrħu fuq dan is-sens biss, imma donnhom li jsibu triqithom b’sensi differenti. Per eżempju, is-salamun wisq probabbli juża s-sens tax-xamm qawwi li għandu biex isib ix-xmara fejn twieled. L-isturnell taʼ l-Ewropa jsib triqtu permezz tax-xemx; u xi ftit għasafar oħrajn, permezz taʼ l-istilel. Imma bħalma osserva l-professur tal-psikoloġija Howard C. Hughes fil-ktieb tiegħu Sensory Exotica—A World Beyond Human Experience, “bla dubju, aħna għadna ’l bogħod ħafna biex nifhmu dawn il-misteri u oħrajn bħalhom fin-natura.”
Widnejn li Jġagħluk Tgħir
Meta jitqabblu mal-bniedem, ħafna ħlejjaq għandhom smigħ taʼ l-għaġeb. Fejn aħna nistgħu nisimgħu ħsejjes li jvarjaw minn 20 sa 20,000 hertz (ċikli fis-sekonda), il-klieb jistgħu jisimgħu minn 40 sa 46,000 hertz, u ż-żwiemel, bejn 31 u 40,000 hertz. L-iljunfanti u l-baqar jistgħu saħansitra jisimgħu ħsejjes infrasoniċi (naqra inqas milli jistaʼ jismaʼ l-bniedem) baxxi sa anki 16-il hertz. Minħabba li frekwenzi baxxi jaslu iktar fit-tul, l-iljunfanti huma kapaċi jikkomunikaw tul distanzi taʼ 4 kilometri jew iktar. Fil-fatt, xi riċerkaturi huma tal-parir li dawn l-annimali jistgħu jintużaw biex javżawna bil-quddiem meta jkun ġej xi terremot jew xi maltemp qalil—peress li dawn it-tnejn joħorġu ħsejjes infrasoniċi.
L-insetti wkoll għandhom smigħ tajjeb ħafna, u xi wħud jisimgħu ħsejjes ultrasoniċi sa żewġ ottavi iktar milli jistgħu jisimgħu widnejn il-bniedem, u oħrajn jisimgħu ħsejjes infrasoniċi. Xi ftit insetti jisimgħu permezz taʼ riti rqaq u ċatti li jixbhu tanbur tal-widnejn u li jinsabu kważi f’kull parti tal-ġisem minbarra fir-ras. Oħrajn jisimgħu bl-għajnuna taʼ xagħar delikat li jirreaġixxi mhux biss għall-ħoss imma wkoll għall-iċken movimenti fl-arja, bħal dawk li jsiru meta ċċaqlaq idejk. Din is-sensittività tispjega għala huwa tant diffiċli biex tgħaffeġ dubbiena!
Immaġina li tkun kapaċi tismaʼ l-passi taʼ insett! Smigħ taʼ l-għaġeb bħal dan jinsab biss għand l-uniku mammiferu fid-dinja li kapaċi jtir—il-farfett il-lejl. Ovvjament, il-farfett il-lejl għandu bżonn smigħ speċjalizzat biex itir fid-dlam u biex jaqbad l-insetti permezz taʼ sistema li tiddependi mis-smigħ taʼ l-eku (echolocation) jew sonar.e Il-Professur Hughes jgħid: “Immaġina sistema taʼ sonar sofistikata iktar minn dik li tinsab fl-iktar sottomarini avanzati li għandna. Issa immaġina li din is-sistema tintuża minn farfett il-lejl tant ċkejken li joqgħod fil-pala taʼ idek. Il-kalkulazzjonijiet kollha li jippermettu lill-farfett il-lejl biex isir jaf id-distanza, il-veloċità, u anki l-ispeċi partikulari taʼ l-insett li se jaqbad, huma kollha magħmulin minn moħħ li huwa iżgħar mid-difer taʼ sebgħek il-kbir!”
Peress li l-preċiżjoni tas-sistema tas-smigħ taʼ l-eku tiddependi fuq il-kwalità tal-ħoss li joħroġ, il-friefet il-lejl huma “kapaċi jikkontrollaw kemm jgħollu u jbaxxu leħinhom b’tali mod li jġagħlu lil kwalunkwe kantant taʼ l-opra jgħir,” jgħid ktieb wieħed.f Milli jidher, bit-tikmix tal-ġilda li hemm fl-imnifsejn taʼ ċerti speċi, il-friefet il-lejl jistgħu jiċċentraw il-ħoss fejn iridu jwassluh. Dawn il-vantaġġi kollha jikkontribwixxu għal sonar tant sofistikat li jistaʼ jifforma “immaġni permezz tal-ħoss” taʼ oġġetti fini daqs xagħra taʼ bniedem!
Minbarra l-friefet il-lejl, mill-inqas żewġ speċi taʼ għasafar—ir-rundun żgħir taʼ l-Asja u l-Awstralja u l-buqrajq taʼ l-Amerika tropikali—ukoll jużaw is-sistema tas-smigħ taʼ l-eku. Madankollu, jidher li dawn jużaw din il-kapaċità sempliċement biex itiru fid-dlam ġol-grotti fejn jgħixu.
Is-Sonar fil-Baħar
Il-balieni li għandhom is-snien ukoll jużaw is-sistema tas-sonar, għalkemm ix-xjenzati għad iridu jiskopru kif dan jaħdem eżattament. Is-sonar tad-denfil jibda b’ċaqċiq differenti, li huwa maħsub li jiġi, mhux mil-larinġi—il-ħofra tal-gerżuma li fiha l-kordi tal-leħen—imma mis-sistema taʼ l-imnieħer. Il-melon—balla tessut xaħmi fin-naħa taʼ fuq taʼ ras id-denfil—tiċċentra l-ħoss f’direzzjoni waħda biex b’hekk jagħraf xi jkun hemm fl-inħawi tiegħu. Id-denfil kif jismaʼ l-eku tiegħu? Milli jidher, mhux permezz taʼ widnejh imma bix-xedaq t’isfel u organi oħrajn assoċjati miegħu, li huma mqabbda mal-ġewwieni tal-widna. Taʼ interess, din il-parti għandha l-istess xaħmijiet li jinsabu fil-parti taʼ fuq f’ras id-denfil.
Is-sonar tad-denfil jixbah ħafna lill-kurva fuq graff tal-matematika li tissejjaħ il-funzjoni Gabor. Din il-funzjoni, jgħid Hughes, tagħti prova li t-twerżiq tad-denfil “jixbah sinjal tas-sonar li huwa matematikament perfett.”
Id-dniefel jistgħu jaġġustaw il-qawwa tat-twerżiq sonari minn tisfira baxxa sa għajta għolja 220 deċibel. Din kemm tkun qawwija? Biex nifhmu, mużika rock għolja tistaʼ tipproduċi 120 deċibel, u sparatura taʼ kanun 130 deċibel. Armati b’sonar li għandu ħafna iktar qawwa, id-dniefel jistgħu jsibu affarijiet żgħar daqs ballun taʼ tmien ċentimetri li jkun 120 metru ’l bogħod, jew saħansitra iktar minn hekk f’baħar kalm.
Meta tirrifletti fuq is-sensi meraviljużi li jidhru fost il-ħlejjaq ħajjin, ma tħossokx meraviljat u mgħaġġeb? Nies umli u informati ġeneralment hekk iħossuhom—u dan jerġaʼ jiħodna għall-mistoqsija taʼ kif aħna magħmulin. Veru, is-sensi tagħna jistgħu jidhru fjakki ħdejn dawk taʼ ċerti annimali u insetti. Madankollu, aħna biss inħossuna mqanqlin b’dak li nosservaw fin-natura. Għala għandna sentimenti bħal dawn? U għalfejn noqogħdu nipprovaw nifhmu mhux biss il-ħlejjaq ħajjin imma nipprovaw nifhmu wkoll l-iskop tagħhom kif ukoll postna f’nofshom?
[Noti taʼ taħt]
a Hemm madwar 100 speċi taʼ sriep jew lifgħat tal-ħofra li jinkludu copperheads, rattlesnakes, u water moccasins.
b Il-qarrejja li huma interessati fil-kwistjoni taʼ l-evoluzzjoni kontra disinn intelliġenti huma mistiedna jaqraw il-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation?, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
c Meta jkunu taħt l-ilma, il-ħlejjaq kollha, inkluż il-bnedmin, jerħu żona taʼ elettriċità żgħira imma li tinħass.
d Il-ħut elettriku li qed nirreferu għalih hawnhekk jipproduċi biss kwantità żgħira taʼ elettriku. M’għandux jiġi mħallat mal-ħut elettriku li jipproduċi voltaġġ ogħla ferm, bħar-rajja jew is-sallura tax-xokk (electric eel), li jixxokkja biex jiddefendi lilu nnifsu jew meta jaqbad xi priża. Is-sallura tistaʼ saħansitra toqtol żiemel!
e Fil-familja tal-friefet il-lejl insibu madwar 1,000 speċi differenti. Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna nies, kollha kemm huma jaraw tajjeb, imma mhux kollha jużaw is-sistema tas-smigħ taʼ l-eku. Xi wħud, bħall-friefet il-lejl li jieklu l-frott, jużaw il-vista eċċellenti li għandhom bil-lejl biex isibu l-ikel.
f Il-friefet il-lejl joħorġu sinjal kumpless magħmul minn numru taʼ komponenti bi frekwenzi li jvarjaw minn 20,000 sa 120,000 hertz jew iktar.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]
Moħħkom Hemm Insetti!
“Kuljum, hekk kif jibda jidlam, taħt l-għoljiet żgħar qrib San Antonio ġewwa Texas [l-Istati Uniti], tiġri xi ħaġa li tgħaġġbek,” jgħid il-ktieb Sensory Exotica—A World Beyond Human Experience. “Mill-bogħod taħseb li rajt sħaba kbira sewda ħierġa minn qiegħ l-art. Però, din m’hijiex sħaba taʼ duħħan li ddallam l-għabex taʼ fil-għaxija, imma massa taʼ 20 miljun farfett il-lejl tar-razza Mexican free-tail, ħerġin minn ġol-Grotta taʼ Bracken.”
Kalkulazzjoni iktar reċenti turi li hemm madwar 60 miljun farfett il-lejl li joħroġ minn ġol-Grotta taʼ Bracken. Billi jittajru fis-sema matul il-lejl u jitilgħu sa 3,000 metru ’l fuq, huma jfittxu l-ikel favorit tagħhom, l-insetti. Matul il-lejl, għalkemm fis-sema jkun hemm kwantità kbira ħafna t’għajat ultrasoniku tal-friefet il-lejl, ma jkun hemm konfużjoni taʼ xejn, għax kull wieħed minn dawn il-mammiferi uniċi huwa armat b’sistema sofistikata ħafna biex isib l-eku tiegħu stess.
[Stampa]
Il-Grotta taʼ Bracken
[Sors]
Bil-korteżija taʼ Lise Hogan
[Stampa]
Farfett il-lejl tar-razza Mexican free-tail—is-sonar
[Sors]
© Merlin D. Tuttle, Bat Conservation International, Inc.
[Stampa f’paġna 7]
Naħal—sens manjetiku u tal-vista
[Stampa f’paġna 7]
Ajkla rjali—il-vista
[Stampa f’paġna 7]
Rajja—sens elettriku
[Stampa f’paġna 7]
Kelb il-baħar—sens elettriku
[Stampa f’paġna 7]
Sturnell—il-vista
[Stampa f’paġna 7]
Salamun—ix-xamm
[Sors]
U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C.
[Stampa f’paġna 7]
Fekruna—possibbilment is-sens manjetiku
[Stampa f’paġna 8]
Iljunfant—jismaʼ frekwenza baxxa
[Stampa f’paġna 8]
Kelb—jismaʼ frekwenza għolja
[Stampa f’paġna 9]
Dniefel—is-sonar