Il-Kelb il-Baħar l-Abjad—Attakkat
Il-kelb il-baħar l-abjad, l-akbar ħuta karnivora fid-dinja, forsi huwa l-iktar wieħed li jbeżżaʼ lill-bniedem minn kwalunkwe ħlejqa ħajja oħra. Madankollu, issa huwa speċi protetta f’partijiet mill-ibħra jew fl-ibħra kollha taʼ madwar l-Awstralja, il-Brażil, in-Namibja, l-Afrika t’Isfel, u l-Istati Uniti kif ukoll fil-Baħar Mediterran. Pajjiżi u stati oħrajn ukoll qed jikkunsidraw jekk jestendux il-protezzjoni. Imma għala għandu jiġi protett qattiel magħruf? Bħalma se naraw, il-kwistjoni m’hijiex daqshekk sempliċi. U l-fehmiet tan-nies dwar il-kelb il-baħar l-abjad mhux dejjem ikunu bbażati fuq il-fatti.
IL-KELB il-baħar l-abjad,a flimkien maʼ l-orka (killer whale) u l-gabdoll (sperm whale), jiddomina l-katina taʼ l-ikel tal-ħlejjaq tal-baħar. Fil-familja tal-klieb il-baħar, huwa s-sultan, l-aqwa kelb il-baħar fosthom kollha. Jiekol minn kollox—ħut, dniefel, saħansitra klieb il-baħar oħrajn. Imma hekk kif jibda jikber fiż-żmien u fid-daqs, u jnaqqas mill-veloċità, dan jibda jippreferi l-bumerini, il-pingwini, u l-laħam mejjet—speċjalment il-balieni mejtin.
Biex isibu l-ikel, il-biċċa l-kbira tal-klieb il-baħar jużaw is-sensi kollha tagħhom, inkluż il-vista eċċellenti li għandhom. Inkwantu għas-sens tax-xamm tagħhom, nistgħu ngħidu li verament tixirqilhom il-metafora taʼ mnieħer li jgħum! U barra minn hekk, dawn kapaċi jisimgħu sa l-inqas ħoss—tant li l-klieb il-baħar jistgħu jissejħu wkoll widnejn li jgħumu.
Widnejn il-kelb il-baħar huma megħjunin minn ċelluli li huma sensittivi għall-pressjoni, u li jinsabu fuq kull naħa taʼ ġismu. Xejn ma jiskappalha din is-sistema li biha l-kelb il-baħar kapaċi jissammaʼ kollox. Din hi sensittiva b’mod speċjali għall-vibrazzjonijiet taʼ xi ħaġa li tkun qed tissielet—bħal per eżempju, xi ħuta tferfer fit-tarf taʼ foxxna. B’hekk, is-sajjieda li jogħdsu biex jaqbdu l-ħut bil-foxxna jagħmlu tajjeb jekk il-ħut li jaqbdu, li jkun ħiereġ id-demm minnu u li jkun għadu jferfer, joħorġuh ’il barra mill-ilma malajr kemm jistaʼ jkun.
Il-klieb il-baħar għandhom ukoll is-sitt sens. Grazzi għall-ampullae taʼ Lorenzini—kanali ċkejknin ħafna mferrxin madwar imneħirhom—dawn jistgħu jindunaw bil-forza elettrika dgħajfa li toħroġ mill-qalb tħabbat, miċ-ċaqliq tal-garġi, jew mill-movimenti muskolari taʼ xi ħaġa tgħum li tistaʼ tkun priża għalihom. Fil-fatt, dan is-sitt sens tant hu sensittiv li permezz tiegħu l-klieb il-baħar jistgħu saħansitra jkunu sensittivi għall-azzjoni bejn il-forza manjetika taʼ l-art u l-oċean. B’riżultat taʼ dan, il-klieb il-baħar jistgħu jkunu jafu fejn hi t-tramuntana u fejn hu n-nofsinhar.
Nidentifikaw lill-Kelb il-Baħar l-Abjad
Għalkemm hu msejjaħ il-kelb il-baħar l-abjad, żaqqu biss hija bajda jew taʼ lewn ċar. Dahru normalment ikun taʼ lewn griż skur. Iż-żewġ kuluri jiltaqgħu mal-ġenb tal-ħuta, u jifformaw linja kemxejn mgħawġa li tkun differenti minn kelb il-baħar għall-ieħor. Din il-karatteristika tgħin biex mad-daqqa t’għajn il-kelb il-baħar ma jkunx jidher fl-ambjent li jkun fih, imma hi t’għajnuna wkoll għax-xjenzati biex jagħrfu lil klieb il-baħar individwali.
Kemm jikbru l-klieb il-baħar il-bojod? “L-akbar klieb il-baħar bojod li tkejlu b’mod eżatt,” jgħid il-ktieb Great White Shark, “ivarjaw minn 5.8 metri sa 6.4 metri.” Ħut taʼ dan id-daqs jistaʼ jiżen iktar minn 2,000 kilo. Madankollu, grazzi għall-pinen trijangulari mgħawġin lura li huma mqabbdin maʼ ġisem donnu torpedo, dawn il-mostri jgħumu bil-ħeffa qishom missili. Denbhom, li tistaʼ tgħid hu simetriku u li hu b’saħħtu ħafna, huwa rarità oħra fid-dinja tal-klieb il-baħar, peress li l-biċċa l-kbira taʼ l-ispeċi l-oħrajn taʼ klieb il-baħar għandhom denb li jidher sew illi m’huwiex simetriku.
L-iktar karatteristiċi vantaġġużi li jiddistingwu lill-kelb il-baħar l-abjad huma wkoll l-iktar karatteristiċi li jqanqlu l-biżaʼ. Dawn huma r-ras enormi tiegħu li ġejja għall-ponta imma m’hijiex ċatta bħal taʼ klieb il-baħar oħrajn, għajnejh suwed u bla espressjoni, u ħalqu mimli snien trijangulari donnhom serrieq, li jaqtgħu daqs xafra. Meta dawn is-“skieken” b’żewġt ixfar jixxellfu jew jaqgħu, ‘conveyor belt’ dentali jimbotta ’l quddiem snien oħrajn li jiħdulhom posthom.
B’Saħħithom Minħabba Demm Iktar Sħun
Is-sistema ċirkulatorja tal-klieb il-baħar tal-familja Lamnidae, li tinkludi l-pixxitondu (mako shark), il-pixxiplamtu (porbeagle shark), u l-kelb il-baħar l-abjad, hija ferm differenti minn dik tal-biċċa l-kbira tal-klieb il-baħar l-oħrajn. It-temperatura tad-demm tagħhom hija madwar 3 jew 5 gradi Celsius ogħla mit-temperatura taʼ l-ilma. Id-demm iktar sħun tagħhom jgħinhom biex jiddiġerixxu l-ikel iktar malajr, u jżid is-saħħa u r-reżistenza tagħhom. Il-pixxitondu, li jiekol ħut veloċi li jgħix f’baħar miftuħ, bħat-tonn, kapaċi jgħum b’ħeffa taʼ 100 kilometru fis-siegħa għal perijodi qosra taʼ ħin!
Waqt li jkunu qed jgħumu, il-pinen pettorali tal-klieb il-baħar jgħinuhom jagħtu spinta ’l fuq. Jekk jgħumu bil-mod wisq, dawn jieqfu u jegħrqu l-istess bħalma jiġri fil-każ taʼ l-inġenji taʼ l-ajru, u dan minkejja li għandhom ħażna taʼ żejt proprju biex tgħinhom ma jegħrqux. Dan iż-żejt qiegħed ġol-fwied, li tant hu kbir li jistaʼ jkun jiżen daqs kwart mill-piż totali tal-kelb il-baħar! Iktar minn hekk, ħafna speċi taʼ klieb il-baħar iridu jibqgħu jgħumu l-ħin kollu biex ikunu jistgħu jieħdu n-nifs, għaliex b’dan il-mod iġagħlu l-ilma, li fih ħafna ossiġnu, jgħaddi minn ġo ħalqhom u l-garġi tagħhom. Huwa għalhekk li dejjem tarahom b’dik in-nofs tbissima bierda!
Veru li Jiekol lin-Nies?
Mit-368 speċi taʼ klieb il-baħar li nafu bihom s’issa, madwar 20 biss huma perikolużi. U minn dawn erbgħa biss huma responsabbli għall-biċċa l-kbira taʼ xi 100 attakk fuq il-bnedmin li jiġu rapportati mad-dinja kollha kull sena. Madwar 30 minn dawn l-attakki jkunu fatali. L-erbaʼ speċi li jaħtu għal dan huma l-bull shark, li għandu mnejn qatel iktar nies minn kwalunkwe kelb il-baħar ieħor, it-tiger shark, l-oceanic whitetip shark, u l-kelb il-baħar l-abjad.
Ħaġa taʼ l-iskantament, mill-inqas 55 fil-mija—u f’xi partijiet tad-dinja, madwar 80 fil-mija—taʼ dawk li jiġu attakkati mill-kelb il-baħar l-abjad baqgħu ħajjin. Għala kien hemm daqstant nies li baqgħu ħajjin wara attakk minn kaċċatur daqshekk tal-biżaʼ?
Jigdem u Jobżoq
Hu magħruf li l-kelb il-baħar l-abjad jobżoq il-priża midruba tiegħu wara l-ewwel gidma kbira. Imbagħad jistenna lill-vittma tmut qabel ma jikolha. Meta l-vittmi jkunu bnedmin, din l-imġiba tipprovdi opportunità biex il-vittma tiġi salvata. Xi drabi, dan sar minn għawwiema kuraġġużi li jkunu mal-vittma, u b’hekk dan juri kemm hu għaqli li qatt ma tgħum waħdek.
Madankollu, dawn l-attentati taʼ salvataġġ tistaʼ tgħid li jkunu suwiċidi kieku ma kienx għal aspett ieħor fl-imġiba tal-kelb il-baħar l-abjad. Ir-riħa tad-demm ma tqanqalx fih ferneżija biex jaqbad jiekol bħalma tagħmel lil ċerti klieb il-baħar oħrajn. Imma l-kelb il-baħar l-abjad għala juża strateġija li jigdem u jobżoq?
Huwa minħabba għajnejh, jispekula wieħed xjenzat. Kuntrarju għal klieb il-baħar oħrajn, il-kelb il-baħar l-abjad m’għandux dik ir-rita li sservi bħala kappell taʼ l-għajn biex tipproteġilu għajnejh; minflok, dan idawwar għajnejh fil-ħofra tagħhom eżatt meta jkun se jaħbat maʼ xi ħaġa. F’dak il-mument li jaħbat, l-għajn tkun esposta, forsi għad-dwiefer taʼ xi bumerin, li jistgħu jisolħuha. Għalhekk, hi xi ħaġa normali għall-kelb il-baħar l-abjad li jagħmel assalt mortali b’ħeffa kbira fuq il-vittma tiegħu u jerħiha.
Żomm f’moħħok, ukoll, li l-imġiba tal-klieb il-baħar il-bojod tixbah ħafna lil dik tat-trabi—ipoġġu kollox ġo ħalqhom biex iduquh! “Sfortunatament, meta kelb il-baħar abjad kbir jigdem [biex iduq] jistaʼ jkun hemm konsegwenzi diżastrużi,” jispjega John West, bijologu minn Sydney li jistudja l-ħajja taʼ taħt il-baħar.
Għalkemm il-kelb il-baħar l-abjad hu annimal perikoluż, dan m’huwiex xi demonju bil-ġuħ għal-laħam uman. Wieħed għaddas li jogħdos għal ċertu tip taʼ molluski, u li qattaʼ 6,000 siegħa taħt l-ilma, ra biss żewġt iklieb il-baħar bojod, u l-ebda wieħed minnhom m’attakkah. Fil-fatt, f’ħafna każi l-kelb il-baħar l-abjad ħarab mill-bnedmin.
Waqt li kienu qed jogħdsu fl-ibħra tal-Gżejjer Cape Verde, l-esploratur taʼ l-oċeani Jacques-Yves Cousteau u sieħbu sabu ruħhom wiċċ imbwiċċ maʼ kelb il-baħar abjad enormi. “Ir-reazzjoni [tiegħu] kienet l-inqas waħda li konna qed nistennew,” kiteb Cousteau. “Letteralment imwerwer, il-mostru ħalla warajh sħaba taʼ ħmieġ u ħarab b’veloċità inkredibbli.” Hu kkonkluda: “Meta kont noqgħod nikkunsidra l-esperjenzi kollha li kellna mal-kelb il-baħar l-abjad, dejjem bqajt impressjonat bil-fatt li hemm baħar jaqsam bejn kif in-nies jimmaġinaw din il-ħlejqa u kif rajnieha aħna.”
Il-Kelb il-Baħar l-Abjad Bħala Priża
L-opinjoni pubblika ġiet influwenzata ħafna mill-ktieb Jaws, li ħareġ fis-snin sebgħin u li mbagħad inħadem film popolari bbażat fuqu. F’daqqa waħda, il-kelb il-baħar l-abjad sar ix-xitan inkarnat, u “gzuz taʼ kaċċaturi akkaniti daħlu f’kompetizzjoni ħarxa bejniethom biex jaraw min kien se jkun l-ewwel wieħed fosthom li jkollu r-ras jew ix-xedaq tal-kelb il-baħar l-abjad fuq il-fireplace,” jgħid il-ktieb Great White Shark. Maż-żmien, sinna taʼ kelb il-baħar abjad saret tiswa sa $1,000 [Lm385] (fl-Awstralja); u xedaq sħiħ sar jiswa ’l fuq minn $20,000 [Lm7,692].
Iżda, bla dubju, il-biċċa l-kbira tal-klieb il-baħar il-bojod imutu fix-xbieki tas-sajd kummerċjali. Barra minn hekk, kull sena jinqabdu miljuni taʼ klieb il-baħar oħrajn biex jissodisfaw is-suq li qed jiffjorixxi tal-prodotti magħmulin minn partijiet tal-klieb il-baħar, speċjalment il-pinen. Fi snin reċenti, hekk kif naqas l-għadd taʼ klieb il-baħar u b’hekk saru jinqabdu ftit, beda jkun hawn tħassib kbir fid-dinja kollha, speċjalment għall-klieb il-baħar il-bojod.
Iktar Għarfien Dalwaqt
Il-klieb il-baħar huma magħrufin bħala ħut li jħufu ġo l-ibħra għal kwalunkwe ħaġa li tkun marida, qed tmut, dgħajfa, jew mejta. Għalhekk, popolazzjoni b’saħħitha taʼ klieb il-baħar tfisser oċeani b’saħħithom u nodfa.
Billi rrikonoxxiet li s-sopravivenza tal-klieb il-baħar hija mhedda, il-Kummissjoni għas-Sopravivenza taʼ l-Ispeċi, taʼ l-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, waqqfet Grupp Speċjalista tal-Klieb il-Baħar biex jistudja sewwa l-problema tal-klieb il-baħar. Madankollu, l-istudju tal-klieb il-baħar m’huwiex faċli—dawn ma jirriproduċux ħafna, u meta jinżammu maqbudin, imutu. Għalhekk, iridu jiġu studjati fl-ambjent naturali tagħhom.
Hekk kif il-bniedem tgħallem iktar dwar il-klieb il-baħar, l-attitudni tiegħu lejn dawn il-ħlejjaq affaxxinanti nbidlet. Imma dan ma jbiddilx lill-kelb il-baħar l-abjad. Għalkemm m’huwiex xi demonju, jibqaʼ l-fatt li hu annimal perikoluż, u għandu jiġi trattat bi prudenza u rispett. Ħafna rispett!
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelb il-baħar l-abjad, jew great white shark, għandu diversi ismijiet komuni. Fl-Awstralja, per eżempju, xi drabi jissejjaħ il-white pointer; fl-Afrika t’Isfel isejħulu l-blue pointer.
[Stampa f’paġna 11]
Dawn il-klieb il-baħar għandhom ħalq kbir u tal-biżaʼ
[Sorsi tal-istampi f’paġna 10]
Ritratti minn Rodney Fox Reflections
South African White Shark Research Institute