LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 4/8 pp. 14-15
  • Meta Sploda Impjant Kimiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta Sploda Impjant Kimiku
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ma Kien Fadal Xejn mill-​Bini”
  • Ħidmiet t’Għajnuna Jaslu Malajr
  • Jipprovdu Għajnuna Spiritwali
  • Wara l-Isplużjonijiet
    Stenbaħ!—2003
  • Agħmel il-Ġid u Aqsam m’Oħrajn
    Il-Ministeru tas-Saltna—2005
  • L-Imħabba fl-Azzjoni—Maratona taʼ Xogħol t’Għajnuna
    Stenbaħ!—2002
  • Wara l-Maltempati—Xogħol t’Għajnuna Fi Franza
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 4/8 pp. 14-15

Meta Sploda Impjant Kimiku

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI FRANZA

FIL-​21 TAʼ SETTEMBRU, 2001, għaxart ijiem biss wara l-​attakk fuq il-​World Trade Center fi New York, bla mistenni kien hemm splużjoni enormi f’impjant kimiku li ħarbtet l-​inħawi taʼ madwar Toulouse, fil-​lbiċ taʼ Franza. Ir-​rivista Le Point iddeskriviet dak li ġara bħala “l-​akbar diżastru industrijali fi Franza minn tmiem it-​Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.”

Xi 300 tunnellata taʼ fertilizzant splodew, u ħallew ħofra wiesgħa 50 metru u fonda 15-il metru. L-​isplużjoni u l-​mewġa taʼ sħana u pressjoni li nħolqot qatlu 30 ruħ u korrew lil madwar 2,200 ruħ. Madwar 2,000 dar iġġarrfu, u f’raġġ taʼ tmien kilometri 27,000 oħra ġratilhom il-​ħsara. B’konsegwenza taʼ dan, qam ħafna paniku għax in-​nies bdew jassumu li setaʼ kien xi attakk terroristiku u li sħaba taʼ gass velenuż kienet ħarġet mill-​impjant.

Fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah, kien hemm bosta li weġġgħu, u ħafna oħrajn ġew effettwati b’xi mod ieħor mill-​isplużjoni. L-​imħabba Kristjana qanqlet lil Xhieda sħabhom biex imorru jagħtu l-​għajnuna immedjatament. (Ġwann 13:​34, 35) Dan li ġej huwa rakkont taʼ ħidmiet li saru biex tingħata l-​għajnuna.

“Ma Kien Fadal Xejn mill-​Bini”

Khoudir, li kien jaħdem fl-​impjant, huwa wieħed minn dawk li salvaw. L-​isplużjoni u t-​terrapien li tar tilfuh minn sensih, kissrulu x-​xedaq u żlogawlu waħda mill-​għadmiet t’għonqu. Benjamin, li kien jaħdem qrib l-​impjant kimiku tar tliet metri u stabat mal-​ħajt taʼ l-​uffiċċju. Xi ħġieġ li kien qed itir qatgħu f’diversi partijiet taʼ ġismu, daħallu f’għajnu tal-​lemin, u ħassarlu l-​vista. “Kont fortunat li ma kontx bil-​qiegħda mad-​desk tiegħi,” qal hu. “Xi 600 kilogramma ġebel waqgħu fuq is-​siġġu tiegħi.”

Alain, għalliem fi skola li kienet xi 200 metru ’l bogħod mill-​impjant, kien qed jagħmel xi fotokopji meta ġrat l-​isplużjoni. Hu qal: “Ma kien fadal xejn mill-​bini ħlief biċċiet taʼ l-​azzar. La ħitan, la saqaf, xejn. Laqtuni ħafna biċċiet tal-​ħġieġ. Kelli ħafna qtugħ maʼ wiċċi kollu. Kont qisni qlajt daqqa ġo wiċċi b’mazza.” Alain għama minn għajn waħda u b’riżultat taʼ l-​isplużjoni naqaslu s-​smigħ.

Ħidmiet t’Għajnuna Jaslu Malajr

Malajr kemm jistaʼ jkun, anzjani fi 11-il kongregazzjoni differenti tax-​Xhieda taʼ Jehovah li ġew effettwati mid-​diżastru kkuntattjaw lil kull membru tal-​kongregazzjoni biex jaraw jekk ġratilhomx xi ħsara jew jekk xi ħadd minnhom weġġax. Mill-​ewwel intbagħtu volontiera għal dawk li kellhom bżonn l-​iktar għajnuna. Il-​volontiera malajr sabu li kien hemm madwar 60 dar tax-​Xhieda rvinati, u ħadu ħsieb li jsibu post fejn joqogħdu għaxar familji differenti. Il-​volontiera għenu wkoll biex jirranġaw żewġ Swali tas-​Saltna li saritilhom il-​ħsara. Ukoll, b’mod prattiku huma taw pariri dwar kif jintalbu l-​flus mingħand l-​assigurazzjoni.

Catherine u Michel joqogħdu eżatt faċċata taʼ l-​impjant. Waqt li seħħet l-​isplużjoni, Catherine kienet qed issuq il-​karozza. Hi tispjega: “L-​ewwel ħassejna bħal terremot. Ftit sekondi wara smajna l-​isplużjoni. Imbagħad rajna d-​duħħan tielaʼ. Soqt sa l-​inħawi fejn noqgħod; kienet qisha żona tal-​gwerra. Id-​djar kienu kollha mkissrin u miftuħin beraħ, u l-​vetrini tal-​ħwienet imfarrkin. In-​nies jiġru fit-​toroq. Oħrajn kienu bil-​qiegħda fit-​triq jew mitluqin maʼ l-​art, jibku jew iwerżqu. Id-​dar, it-​twieqi kollha nqalgħu minn mal-​ħajt u l-​bibien ma dehrux. Ħutna rġiel u nisa Kristjani ġew jiġru jgħinuna. Sa wara nofsinhar, grupp mill-​kongregazzjoni wasal bil-​bramel u bl-​ixkupi kif ukoll b’folji tal-​plastik biex jagħlqu l-​fetħiet tat-​twieqi.”

Alain u Liliane wkoll kienu joqogħdu qrib l-​impjant. L-​isplużjoni irvinatilhom l-​appartament tagħhom. “Kollox kien imkisser,” jgħid Alain. “Il-​ħitan u l-​madum kienu mxaqqin, u t-​twieqi, il-​bibien, u l-​għamara kienu kollha rvinati. Ma kien fadal assolutament xejn. Ħutna Kristjani immedjatament ġew biex jgħinuna. Huma għenu biex jiġbru t-​terrapien u anki naddfu appartamenti oħra fil-​bini. Il-​ġirien tagħna skantaw ħafna meta raw li ġew daqshekk nies biex jgħinu.” Dik l-​għodwa taʼ l-​isplużjoni, Alain kien irċieva telefonata mingħand student tal-​Bibbja biex jgħidlu jmur għall-​istudju tal-​Bibbja. Liliane kienet marret qadja. Għalhekk, ħadd minnhom ma kien id-​dar dak il-​ħin taʼ l-​isplużjoni.

L-għajnuna li taw ix-​Xhieda ma kinitx biss għall-​membri tal-​kongregazzjoni. Wara li għenu lil xulxin, huma mbagħad għenu lill-​ġirien tagħhom, billi ġabru t-​terrapien minn ġo l-​appartamenti u għalqu t-​twieqi mkissrin. Il-​ġirien tgħidx kemm apprezzaw u skantaw li ma ġew mitlubin l-​ebda ħlas.

L-għajnuna ġiet offruta wkoll lill-​awtoritajiet tal-​post li ma setgħux ilaħħqu mal-​ħsara li saret. Ix-​Xhieda naddfu l-​iskejjel u bini pubbliku ieħor. F’waħda mill-​inħawi, l-​awtoritajiet tal-​post bagħtu lix-​Xhieda volontiera minn bieb għal bieb biex jieħdu nota taʼ x’kellhom bżonn in-​nies.

Jipprovdu Għajnuna Spiritwali

Minbarra l-​għajnuna materjali, ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​inħawi taʼ l-​isplużjoni kellhom bżonn għajnuna spiritwali. B’hekk, xi indokraturi li jivvjaġġaw flimkien maʼ l-​anzjani lokali marru jżuru lil dawk li ġew effettwati mid-​diżastru. Din l-​għajnuna kienet verament apprezzata. Catherine qalet: “L-​anzjani daru bina. Ġew biex jinkuraġġuna. Fil-​fatt, dan kellna bżonnu iktar mill-​għajnuna materjali.”

L-imħabba Kristjana li malajr ħadet azzjoni wara d-​diżastru qajmet ħafna kummenti interessanti. Xhud wieħed li weġġaʼ serjament fid-​diżastru qal: “Aħna ma nafux x’se jiġri għada. Irridu l-​ħin kollu naqdu lil Jehovah daqslikieku kienet l-​aħħar ġurnata tagħna.” (Ġakbu 4:​13-15) Xhud ieħor ikkonkluda: “Dan kollu għenna nirrealizzaw li m’għandniex inkunu marbutin iżżejjed maʼ l-​ebda affarijiet materjali. Dak li huwa verament taʼ valur jinsab fost il-​poplu taʼ Jehovah.”

[Stampa f’paġna 14]

Benjamin u Khoudir

[Stampa f’paġna 14]

Alain

[Stampa f’paġna 15]

Toulouse ġurnata wara l-​isplużjoni

[Sors]

© LE SEGRETAIN PASCAL/CORBIS SYGMA

[Stampa f’paġna 15]

Alain u Liliane

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja