Agħmel il-Ġid u Aqsam m’Oħrajn
1 Dorka “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena.” (Atti 9:36, 39) L-ispirtu ġeneruż tagħha għamilha għażiża kemm għan-nies li kienu jafuha u kemm għal Alla Ġeħova. Ebrej 13:16 jgħid: “Tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn, għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” Illum kif nistgħu nagħmlu l-ġid u naqsmu m’oħrajn?
2 Mod wieħed kif nagħmlu l-ġid lil ħaddieħor hu billi naqsmu ‘ġidna.’ (Prov. 3:9) Il-kontribuzzjonijiet tagħna għax-xogħol madwar id-dinja jagħmluha possibbli li jinbnew Swali tas-Saltna, Swali taʼ l-Assembleat, u faċilitajiet tal-fergħa madwar il-globu. Il-ġenerożità tagħna ppermettiet li miljuni taʼ nies jibbenefikaw mit-tagħlim teokratiku u mis-sħubija spiritwali li tibni.
3 Naqsmu l-Faraġ: Meta jseħħ xi diżastru, in-nies taʼ Ġeħova huma lesti li ‘jagħmlu t-tajjeb’ kemm maʼ sħabhom fit-twemmin kif ukoll maʼ dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna. (Gal. 6:10) Wara splużjoni f’impjant kimiku fi Franza, koppja li kienet tgħix ħdejn l-impjant qalet: “Ħutna Kristjani immedjatament ġew biex jgħinuna. Huma għenu biex jiġbru t-terrapien u anki naddfu appartamenti oħra fil-bini. Il-ġirien tagħna skantaw ħafna meta raw li ġew daqshekk nies biex jgħinu.” Oħt oħra żiedet: “L-anzjani daru bina. Ġew biex jinkuraġġuna. Fil-fatt, dan kellna bżonnu iktar mill-għajnuna materjali.”
4 Filwaqt li hemm ħafna modi kif nistgħu nagħmlu l-ġid lill-ġirien tagħna, l-akbar benefiċċju li nistgħu nagħtuhom hu li naqsmu magħhom l-għarfien prezzjuż tal-verità, li jinkludi “t-tama tal-ħajja taʼ dejjem” imwiegħda minn Ġeħova nnifsu. (Titu 1:1, 2) Il-messaġġ tal-Bibbja jġib faraġ veru lil dawk li huma mnikktin minħabba lkundizzjonijiet tad-dinja u listat midneb tagħhom. (Mt. 5:4) Jalla nagħmlu t-tajjeb u naqsmu m’oħrajn meta jkollna l-opportunità li nagħmlu dan.—Prov. 3:27.