Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Isfidi taʼ li Nkun Adottat?
“Ma naf xejn dwar il-ġenituri naturali tiegħi, u dan inikkitni ħafna.”—Barbara, 16-il sena.
“M’għandi l-ebda idea fejn twelidt jew min kienu l-ġenituri tiegħi. Xi drabi, fuq hekk noqgħod naħseb bil-lejl.”—Matt, 9 snin.
“Meta nargumenta mal-ġenituri tiegħi naħseb li l-ġenituri ‘propja’ tiegħi forsi kienu jifhmuni iktar. M’hijiex xi ħaġa sabiħa li naħseb hekk, u qatt m’għedt xejn dwarha.”—Quintana, 16-il sena.
BLA ebda dubju—il-ħajja bħala tifel jew tifla adottata għandha l-isfidi tagħha. Numru kbir taʼ żagħżagħ jissieltu maʼ sentimenti bħal dawn deskritti hawn fuq. Ħafna jiddubitaw jekk għandhomx ifittxu min huma l-ġenituri naturali tagħhom, jew jitħassbu jekk il-ħajja magħhom kinitx tkun waħda iktar hienja. U dawn m’humiex l-uniċi sfidi.
Fl-artiklu taʼ qabel f’din is-serje, iddiskutejna ftit ħsibijiet negattivi li jistaʼ jkollhom dwarhom infushom xi żgħażagħ li jkunu ġew adottati.a Biex ikunu jistgħu jsibu l-ferħ f’ħajjithom bħala tfal adottati, dawn għandhom bżonn jikkumbattu dawn il-ħsibijiet skuraġġanti. Iżda x’inhuma xi sfidi oħrajn li jistgħu jqumu, u kif tistaʼ tieħu passi prattiċi biex tkampa magħhom?
Huma Dawn il-Ġenituri “Propja” Tiegħi?
Jake, li għandu 13-il sena, jgħid li kien joqgħod jaħseb ħafna dwar ommu naturali. Dan ħoloqlu xi problemi mal-ġenituri li adottawh. Hu jgħid: “Kulmeta kont nirrabja kont ngħid, ‘U int, m’intix ommi propja—ma tistax tikkastigani hekk!’”
Bħalma tistaʼ tinnota, Jake kellu jifhem u jiffaċċja mistoqsija serja: Min kienet ommu “propja”? Jekk int adottat, tistaʼ tkun qed tħabbat wiċċek maʼ l-istess sitwazzjoni, speċjalment jekk toqgħod taħseb dwar jekk il-ġenituri naturali tiegħek kinux se jittrattawk aħjar mill-ġenituri adottivi tiegħek. Imma hija sempliċement il-bijoloġija—il-proċess tat-twelid—li jagħmel żewġ persuni l-ġenituri “propja”?
L-omm adottiva taʼ Jake ma kinitx taħseb hekk. Hu jgħid: “Ommi kienet tgħid, ‘Iva jien ommok propja. Anki jekk kellek omm li wilditek, issa jien ommok propja.’” Meta l-adulti jieħdu tifel jew tifla ġewwa darhom u jaqblu li jsiru responsabbli għalihom billi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom, jipprovdulhom saqaf, ikel, u trobbija, huma fil-fatt isiru l-ġenituri “propja”. (1 Timotju 5:8) Wisq probabbli, dan huwa minnu mill-ħarsa taʼ l-awtoritajiet legali fejn tgħix int. Xi ngħidu dwar il-ħarsa t’Alla?
Ikkunsidra dak li jistaʼ jkun l-iktar każ famuż t’adozzjoni fl-istorja—dak taʼ Ġesù Kristu. Ġesù ma kienx it-tifel naturali taʼ Ġużeppi l-mastrudaxxa, madankollu Ġużeppi adottah bħala ibnu. (Mattew 1:24, 25) Hekk kif kien qed jikber, irribella Ġesù kontra l-awtorità taʼ Ġużeppi? Għall-kuntrarju, Ġesù fehem li kienet ir-rieda t’Alla li jobdi lil missieru adottiv. Ġesù kien familjari sew mal-liġi li Jehovah kien ta lit-tfal taʼ Iżrael. X’liġi kienet din?
Weġġaħ lil Missierek u lil Ommok
L-Iskrittura tgħid lit-tfal: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok.” (Dewteronomju 5:16) Il-kelma “weġġaħ” hija taʼ spiss użata fil-Bibbja biex tindika rispett, stima, u konsiderazzjoni. Lill-ġenituri adottivi tiegħek tistaʼ turihom unur bħal dan billi tkun qalbek tajba magħhom, tirrispetta d-dinjità tagħhom, tqis il-ħarsa tagħhom, u tkun lest li tobdi l-ħtiġijiet raġunevoli li jistgħu jitolbu minnek.
Madankollu, xi ngħidu dwar dawk id-drabi meta l-ġenituri adottivi tiegħek jidhru li ma jkunux raġunevoli? Veru, dan se jiġri. Il-ġenituri kollha huma imperfetti, kemm jekk huma adottivi u kemm jekk le. In-nuqqasijiet tagħhom jistgħu jagħmluha taʼ sfida biex tobdi. U m’hijiex sorpriża jekk xi drabi tispiċċa taħseb ħafna dwar il-fatt li int adottat u jekk dan inaqqasx l-obbligu tiegħek li tobdi. Iżda huwa dan minnu?
Tistaʼ ssibha t’għajnuna li taħseb dwar is-sitwazzjoni taʼ Ġesù. Ftakar, hu kien perfett. (Lhud 4:15; 1 Pietru 2:22) Iżda missieru li adottah ma kienx, u lanqas ommu naturali. Għalhekk, wisq probabbli li kien hemm okkażjonijiet meta Ġesù setaʼ jara li l-ġenituri tiegħu kienu qed jiżbaljaw. Irribella hu kontra l-istat taʼ kap imperfett taʼ Ġużeppi jew kontra l-gwida li tatu Marija bħala omm imperfetta? Le. Il-Bibbja tgħidilna li hu u jikber, Ġesù “kien jobdihom.”—Luqa 2:51.
Jistaʼ jiġri, li meta int u l-ġenituri adottivi tiegħek ikollkom ħarsa differenti, forsi tistaʼ taħseb li huma qed jirraġunaw ħażin. Madankollu, għandek tammetti li int imperfett ukoll. Għalhekk, dejjem hemm iċ-ċans li int tkun sejjer ħażin. Hu x’inhu l-każ, ma taħsibx li l-aħjar ħaġa tkun li ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù? (1 Pietru 2:21) Jekk tagħmel hekk se jkun iktar faċli għalik biex tobdi. Iżda hemm raġuni akbar għala għandek tobdi lill-ġenituri tiegħek.
Il-Bibbja tgħid: “Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.” (Kolossin 3:20) Iva, meta tobdi se tferraħ lil Missierek tas-sema. (Proverbji 27:11) Hu jridek titgħallem tobdi għax jixtieqek tkun ferħan ukoll. Il-Kelma tiegħu tinkuraġġixxi lil uħud żgħar biex jobdu, billi żżid, “sabiex ikollok ir-riżq u tul għomrok fuq l-art.”—Efesin 6:3.
Saħħaħ ir-Relazzjoni mal-Ġenituri Adottivi Tiegħek
Il-fatt li jkollok relazzjoni tajba mal-ġenituri adottivi tiegħek jinvolvi iktar milli tweġġaħ u tobdi. Wisq probabbli tixtieq li fid-dar ikun hemm atmosfera sabiħa u taʼ mħabba. Il-ġenituri adottivi tiegħek għandhom ir-responsabbiltà li joħolqu atmosfera bħal din. Iżda int ukoll għandek irwol importanti. Kif?
L-ewwel, fittex modi kif tistaʼ tersaq iktar qrib tal-ġenituri tiegħek. Staqsihom dwar it-trobbija, il-ħajja, u l-interessi tagħhom. Fittex il-parir tagħhom dwar xi problema li qed tinkwetak billi tagħżel ħin meta jkunu rilassati u lesti li jisimgħuk. (Proverbji 20:5) It-tieni, fittex modi biex tagħti sehmek fid-dar, forsi billi tgħin fil-faċendi u f’affarijiet oħra mingħajr ma jistaqsuk biex tagħmilhom.
Iżda xi ngħidu dwar il-ġenituri naturali tiegħek? Jekk tiddeċiedi li tfittixhom, jew jiddeċiedu li jfittxuk huma, ikun dan qiegħed jipperikola r-rabta li hemm bejnek u bejn il-ġenituri adottivi tiegħek? Fil-passat, l-aġenziji taʼ l-adozzjoni kienu taʼ spiss jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni biex jgħinu lill-ġenituri naturali jsibu lit-tifel jew tifla tagħhom jew viċi versa. Illum il-ġurnata, ir-regoli f’xi pajjiżi m’humiex daqshekk riġidi, u ħafna tfal adottati li ma jiftakrux lill-ġenituri naturali tagħhom irnexxielhom jiltaqgħu magħhom personalment. M’għandniex xi ngħidu, ir-regoli taʼ l-adozzjoni jistgħu jkunu differenti fejn toqgħod int.
Fi kwalunkwe każ, jekk tkunx trid tfittex il-ġenituri naturali tiegħek jew le hija deċiżjoni persunali, u forsi ma tkunx waħda faċli. Żgħażagħ li ġew adottati jħossuhom imħawdin ħafna dwar din il-kwistjoni. Xi ftit minnhom ikunu jixtiequ li jiltaqgħu mal-ġenituri naturali tagħhom; oħrajn huma determinati li ma jiltaqgħux magħhom. Madankollu, tistaʼ tibqaʼ ċert li ħafna żgħażagħ adottati ġew f’kuntatt mal-ġenituri naturali tagħhom mingħajr ma tilfu r-relazzjoni stabbli li għandhom mal-ġenituri adottivi tagħhom.
Ħu parir mill-ġenituri adottivi tiegħek u forsi anki minn ħbieb maturi ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. (Proverbji 15:22) Qis sewwa l-għażliet li għandek, u ħu l-ħin qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni. Bħalma jgħid Qwiel 14:15 (Saydon) “min jilħaqlu jqis il-mixi tiegħu.”
Jekk tiddeċiedi li jkollok relazzjoni mal-ġenituri naturali tiegħek, agħmel ħiltek biex taċċerta lill-ġenituri adottivi tiegħek mill-imħabba u r-rispett kontinwu tiegħek. B’dan il-mod, hekk kif bil-mod il-mod issir taf lil dawk li ġabuk fid-dinja u li tawk għall-adozzjoni ħafna żmien ilu, se tkun tistaʼ żżomm rabta stabbli mal-ġenituri li rabbewk u li ħarrġuk.
Saħħaħ ir-Rabta Tiegħek maʼ Missierek tas-Sema
Ħafna żgħażagħ adottati jitħabtu mal-biżaʼ li jiġu abbandunati. Jibżgħu li jistgħu jitilfu l-ġenituri adottivi tagħhom bħalma darba tilfu l-ġenituri naturali tagħhom. Biżgħat bħal dawn huma raġunevoli. Madankollu, żomm f’moħħok dan il-kliem: “Fl-imħabba ma hemmx biżaʼ; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biżaʼ ’l barra.” (1 Ġwanni 4:18) Tħallix il-biżaʼ ikrah taʼ li titlef lil xi ħadd għażiż għalik jiddominak. Minflok, żviluppa mħabba għal oħrajn, u inkludi lil dawk kollha fil-familja tiegħek. Fuq kollox, saħħaħ imħabbtek għal Missierek tas-sema, Alla Jehovah. Hu taʼ min iserraħ fuqu b’mod perfett, għax qatt ma jabbanduna lil ulied leali tiegħu. Hu jistaʼ jtaffi l-biżaʼ li għandek.—Filippin 4:6, 7.
Catrina, li ġiet adottata meta kienet żgħira, tgħid li l-qari tal-Bibbja jgħinha biex tersaq iktar qrib t’Alla u biex tgħix ħajja ferħana, u produttiva. Hi tgħid li relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah “hija verament importanti għax Missierna tas-sema jaf kif inħossuna.” L-iskrittura favorita taʼ Catrina hija Salm 27:10, li tgħid: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.”
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Għala Kelli Niġi Adottat?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju, 2003.
[Stampa f’paġna 26]
Fittex modi biex tersaq iktar qrib tal-ġenituri adottivi tiegħek