Soluzzjoni Realistika-Hija Possibbli?
IL-KRIMINALITÀ tidher li hi karatteristika permanenti fis-soċjetà taʼ llum. Minkejja sforzi li jsiru b’intenzjoni tajba mill-ħaddiema soċjali, mill-pulizija, u minn dawk li jgħinu b’mod professjonali fir-riabilitazzjoni tal-kriminali, id-dinja qiegħda ssir post iktar perikoluż. Hemm soluzzjoni?
Il-Bibbja turi li ġejja bidla kbira. Din m’hijiex se ssir permezz taʼ l-isforzi taʼ gvernijiet umani. Il-ħakkiema umani kollha huma limitati, huma kemm huma nobbli l-miri tagħhom. Huma m’għandhomx il-qawwa jew ir-riżorsi biex jaqilgħu għal kollox mill-għeruq il-kaġun għall-kriminalità, jew biex jistabbilixxu sistema permanenti fejn ikun hemm is-sigurtà.
Il-bidla li titkellem dwarha l-Bibbja se titwettaq mill-Ħallieq tagħna. Bħala l-Ħallieq taʼ l-univers, hu għandu l-qawwa u d-dritt legali li jagħmel dak li l-bnedmin ma jistgħux jagħmlu. Il-Bibbja tiddeskrivih bħala l-Wieħed li “jġib fix-xejn is-setgħanin, u l-mexxejja tad-dinja jagħmilhom xejn . . . , bil-qawwa taʼ setegħtu.” (Isaija 40:23-26) X’bidliet qiegħed iwiegħed Alla, u dawn kif jagħtuna tama vera għal dinja aħjar?
Salm 37:10 jinformana dwar il-wegħda t’Alla: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux.” Alla jrid li jeħles minn dawk il-ħżiena li ma jistgħu jiġu kkoreġuti b’xejn u li m’għandhom l-ebda ħsieb li jinbidlu. Madankollu, hu mhux se jeqred lin-nies kollha. Lil dawk li jridu jsiru ġwejdin, umli, u paċifiċi, is-salmista jwiegħed: “Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-art; mbagħad tara l-ħżiena meqruda.” Wara li jitneħħew il-ħżiena, dawk li jifdal se jkunu jistgħu jgawdu “sliem kotran”—dinja mingħajr l-ebda tip taʼ kriminalità.—Salm 37:11, 34.
Bidla tal-Moħħ u tal-Qalb
M’huwiex biżżejjed li sempliċement jinqerdu l-ħżiena u jsalvaw it-tajbin biex il-problema tal-kriminalità tissolva darba għal dejjem. Il-kriminalità taʼ spiss hi r-riżultat taʼ trawwim mhux xieraq tal-moħħ u tal-qalb tan-nies. Madankollu, hemmhekk se jidher kemm il-gvern t’Alla huwa aqwa mill-oħrajn. Istruzzjoni u edukazzjoni prattika se tkun provduta biex tħarreġ lin-nies ħalli jsiru jħobbu s-sewwa. Isaija 54:13 jgħid: “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej, kbir għad ikun ġid uliedek.”
Ir-riżultati se jkunu tassew sodisfaċenti! Il-Bibbja tagħti stampa ċara meta titkellem dwar il-bidliet li se jsiru fin-nies li xi darba setaʼ kellhom il-karatteristiċi bħal dawk taʼ l-annimali. Hi tgħid: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun.” Għala? “Għax mimlija [tkun] l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” (Isaija 11:6, 9) Madankollu, inti u l-familja tiegħek m’għandkomx għalfejn tistennew għall-futur biex tesperjenzaw bidliet bħal dawn. Kif?
Tistaʼ Tibbenefika Issa
Hemm nies li issa qegħdin jagħmlu l-bidliet li għandhom bżonn jagħmlu biex jippreparaw għal dinja ħielsa mill-kriminalità. Diġà qegħdin jilbsu personalità ġdida, it-tip taʼ personalità li Alla jrid li jkollhom dawk l-uħud li se jgħixu fid-dinja l-ġdida tiegħu. (2 Pietru 3:13) Dan jagħmluh billi japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom. Innota d-deskrizzjoni interessanti li tagħti l-Bibbja: “Għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.”—Efesin 4:23, 24.
Kolossin 3:12-14 jagħti deskrizzjoni iktar ċara tal-kwalitajiet pożittivi li ħafna wħud taʼ qalb onesta qegħdin jikkultivaw issa. Dan jgħid: “Intom il-magħżulin taʼ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni.”
Tixtieq tirċievi għajnuna biex tilbes il-personalità ġdida Kristjana? Miljuni taʼ nies madwar id-dinja diġà qegħdin jagħmlu dan bl-għajnuna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Fil-laqgħat li jsiru regolarment fis-Swali tas-Saltna, u f’konvenzjonijiet kbar, anki nies li kienu kriminali vjolenti tgħallmu kif jilbsu l-personalità taʼ paċi.a Jekk tixtieq tibbenefika minn dan il-programm taʼ edukazzjoni eċċellenti mill-Bibbja, taħsibhiex darbtejn biex tikkuntattja lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista. Se jkunu ferħanin li jgħinuk tkun fost dawk l-uħud li qegħdin jippreparaw minn issa biex jgħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla ħielsa mill-kriminalità.
[Nota taʼ taħt]
a Għal xi eżempji, ara l-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju, 2001, paġni 8-10.
[Stampa f’paġna 10]
Miljuni qegħdin jirċievu edukazzjoni għal ħajja f’dinja ħielsa mill-kriminalità