Meta Ma Kienx Hawn Kriminalità
TISTAʼ timmaġina dinja mingħajr kriminalità? X’aktarx li le jekk qrajt rapporti t’aħbarijiet bħal dak il-wieħed li deher fil-ġurnal Süddeutsche Zeitung li joħroġ kuljum fil-Ġermanja: “L-esperti fil-kriminalità qegħdin jitkellmu dwar dimensjoni ġdida rigward il-kriminalità. Kliemhom ma tantx jawgura tajjeb u l-istampa li jpinġu hija apokalittika.”
Skond stħarriġ li sar lil eluf t’Ewropej fl-1995, kważi kulħadd jinkwieta li jaqaʼ vittma tal-kriminalità. Fil-Ġermanja, fl-Olanda, fil-Polonja, fir-Renju Unit, u fir-Russja, il-kriminalità tinsab fl-ewwel post fost dawk l-affarijiet li n-nies jibżgħu l-iktar minnhom. Il-biżaʼ mill-kriminalità instab fit-tieni post ġewwa d-Danimarka, il-Finlandja, u l-Isvizzera u fit-tielet post ġewwa Franza, il-Greċja, u l-Italja. Mit-12-il pajjiż mistħarreġ, Spanja biss ma kellhiex il-kriminalità mniżżla fost l-ewwel tliet raġunijiet għall-biżaʼ.
Ir-rata tal-kriminalità żdiedet drammatikament fl-Ewropa tal-Lvant. F’diversi pajjiżi minn dawn, iż-żjieda kienet taʼ bejn 50 u 100 fil-mija, fil-waqt li fil-pajjiżi l-oħrajn, din saħansitra tvarja bejn 193 sa 401 fil-mija!
Madankollu, xi darba, kienet teżisti dinja mingħajr kriminalità. Dan meta kien, u kif ġiet irrovinata dik id-dinja?
Fejn Bdiet il-Kriminalità?
Il-kriminalità, imfissra bħala “ksur kbir tal-liġi,” kellha l-bidu tagħha fil-qasam taʼ l-ispirti. L-ewwel bnedmin, Adam u Eva, ma nħalqux b’tendenzi kriminali, u lanqas kien it-tort tagħhom sa barra għall-introduzzjoni tal-kriminalità fis-soċjetà umana. Iben spirtu u perfett t’Alla ħalla ħsibijiet ħżiena jinbtu ġewwa qalbu, u dawn, meta rabbew l-għeruq, wasslu għall-kriminalità. Dan il-wieħed kien ħati taʼ li kkorrompa d-dinja ħielsa mill-kriminalità li kien hemm fil-bidu. Billi kiser il-liġi t’Alla, għamel lilu nnifsu kriminal, u fil-Bibbja nsibuh bħala Satana x-Xitan.—Ġakbu 1:13-15; Rivelazzjoni 12:9, Karm Żammit.
Ladarba kien daħal għal korsa t’oppożizzjoni lejn Alla fis-smewwiet inviżibbli, Satana kien determinat li jifrex il-modi kriminali tiegħu fost il-bnedmin fuq l-art. Ir-rakkont Bibliku taʼ kif ix-Xitan għamel dan huwa fil-qosor u sempliċi, imma fattwali. (Ġenesi, kapitli 2-4) Adam u Eva, żvijati minn dan il-kriminal makakk u sovruman, irrifjutaw li joqogħdu għal-livelli t’Alla. Huma saru kriminali billi m’obdewx lil Alla. Iktar tard, huma bla dubju daħlu ġo qoxrithom meta l-ewwel imwieled tagħhom, Kajjin, wasal sal-punt li lil ħuh Abel ħadlu l-iktar ħaġa prezzjuża li kellu, ħajtu stess!
B’hekk, mill-ewwel erbaʼ persuni li għexu fuq l-art, tlieta minnhom ħarġu kriminali. Minħabba f’hekk, Adam, Eva, u Kajjin tilfu l-opportunità tagħhom li jgħixu f’dinja ħielsa mill-kriminalità. Għala, wara dan iż-żmien kollu, nistgħu nkunu ċerti li issa dinja bħal din tinsab fil-qrib?