LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 1/8 pp. 4-6
  • Il-​ġlieda Mitlufa Kontra L-​kriminalità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-​ġlieda Mitlufa Kontra L-​kriminalità
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kriminalità Tibda bl-​Affarijiet iż-​Żgħar
  • Min Huma l-​Kriminali?
  • Intenzjonijiet Tajbin m’Humiex Biżżejjed
  • Kemm Għandhom Sens taʼ Rabta l-​Uffiċjali tal-​Liġi?
  • Meta Ma Kienx Hawn Kriminalità
    Stenbaħ!—1998
  • Il-Pulizija X’Inhu l-Futur Tagħhom?
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—1998
g98 1/8 pp. 4-6

Il-​ġlieda Mitlufa Kontra L-​kriminalità

“IL-​KRIMINALITÀ tkun tistaʼ tiġi kkontrollata mil-​lejl għan-​nhar li kieku kulħadd ikun lest li jagħmel sforz,” qal wieħed li qabel kien imexxi l-​Pulizija Metropolitana, ikkwotat fil-​ġurnal Ingliż Liverpool Daily Post. Tabilħaqq, li kieku kulħadd kien jobdi l-​liġi, il-​kriminalità kienet tgħib.

Madankollu, fil-​biċċa l-​kbira tal-​postijiet il-​kriminalità qiegħda tiżdied. Kliem li ntqal eluf taʼ snin ilu japplika għal żmienna: “L-​art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-​vjolenza.” (Ġenesi 6:​11)​—Ara l-​kaxxa fil-​paġna opposta.

Il-​Kriminalità Tibda bl-​Affarijiet iż-​Żgħar

Li wieħed jikser il-​liġi f’affarijiet żgħar jistaʼ jwasslu biex jagħmel hekk f’affarijiet akbar. Biex iddaħħal dan fl-​imħuħ taʼ l-​istudenti tagħha, waħda għalliema spjegatilhom: “Dawk li jisirqu l-​banek jibdew billi jisirqu l-​lapsijiet mill-​iskola.”

Iktar tard, x’jiġri taʼ spiss fuq il-​post tax-​xogħol? Xi nies ma jmorrux ix-​xogħol għax ikunu taparsi morda u mbagħad jaċċettaw benefiċċji li ma jkollhomx dritt għalihom. Din id-​drawwa diżonesta hija komuni iktar milli wieħed jistaʼ jaħseb. Fil-​Ġermanja, per eżempju, 6 fil-​mija tal-​ġranet bis-​sick irrapportati mill-​ħaddiema jinzertaw nhar t’Erbgħa, 10 fil-​mija nhar taʼ Tlieta, u 16 fil-​mija nhar taʼ Ħamis, imma ammont inkredibbli taʼ 31 fil-​mija jinzerta nhar taʼ Tnejn, u biex tkompli tagħqad, 37 fil-​mija jinzertaw nhar taʼ Ġimgħa! Huwa verament minnu li n-​nies jimirdu iktar nhar taʼ Tnejn u nhar taʼ Ġimgħa, jew hija din sempliċement għamla oħra taʼ serq?

Min Huma l-​Kriminali?

Naturalment, atti kriminali kommessi minn nies ordinarji ġeneralment ma jħallux l-​istess effetti bħal taʼ dawk kommessi minn nies li għandhom il-​poter. Fil-​bidu tas-​snin sebgħin, l-​Amerka qalgħet daqqa taʼ ħarta minħabba reat politiku tant gravi li l-​isem konness miegħu saħansitra sar parti mil-​lingwa Ingliża.

Il-kelma “Watergate,” skond il-​Barnhart Dictionary of New English, hija “skandlu, speċjalment wieħed li jinvolvi attentat biex jinħeba tagħrif li hu taʼ ħsara jew attivitajiet illegali.”a Imbagħad ikompli jżid: “Il-​kwistjoni taʼ Watergate ħalliet impatt qawwi fuq il-​lingwaġġ tas-​snin sebgħin. Minn din il-​kelma ssawru diversi oħrajn u l-​kelma li tgħaqqad -gate, kienet tintuża biex tfisser skandlu jew korruzzjoni.”

Minn dak inhar ’l hawn kwalunkwe ġrajjiet bħal dik taʼ Watergate urew li l-​kriminalità hija rampanti, anki fost dawk li suppost għandhom ikunu eżemplari f’li jappoġġjaw il-​liġi. Fil-​Ġappun il-​korruzzjoni politika tant infirxet maʼ kullimkien li fil-​bidu tas-​snin disgħin kellhom jgħaddu liġijiet ġodda sabiex jiġġildulha. Fl-​1992 il-​president tal-​Brażil niżżluh mill-​poter fuq akkużi taʼ korruzzjoni.

M’huwiex ovvju li l-​għemil ħażin taʼ dawk li għandhom pożizzjonijiet t’awtorità, inklużi l-​ġenituri, l-​għalliema taʼ l-​iskola, u l-​uffiċjali li jinforzaw il-​liġi, iwassal għal attività kriminali fost in-​nies komuni?

Intenzjonijiet Tajbin m’Humiex Biżżejjed

Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jaqblu li l-​gvernijiet jixtiequ jeqirdu għal kollox il-​kriminalità. Madankollu, uffiċjal irtirat innota dan dwar pajjiżu: “Il-​gvern għamel ftit wisq biex il-​mezzi tal-​ġustizzja jaħdmu b’pass mgħaġġel u effiċjenti. M’hawnx imħallfin biżżejjed, u għalhekk il-​ftit li għandna huma mgħobbijin b’wisq xogħol. Il-​korp tal-​pulizija m’huwiex fornut b’kemm għandu bżonn nies u tagħmir. Xi kultant il-​pulizija ma jitħallsux mill-​ewwel, u b’hekk ikunu iktar imħajrin li jaċċettaw it-​tixħim.”

Ir-rivista Taljana La Civiltà Cattolica tesprimi diżappunt lejn “l-​inkapaċità taʼ l-​Istat meta ffaċċjat mill-​kriminalità organizzata” u mbagħad tinnota: “Is-​sens taʼ rabta min-​naħa taʼ l-​aġenziji taʼ l-​inforzar tal-​liġi f’li jiġġieldu kontra l-​kriminalità huwa rikonoxxut, imma huwa fatt magħruf li dan ma jħalli l-​ebda effett fuq il-​kriminalità organizzata; għall-​kuntrarju, il-​qawwa u l-​poter tagħha joktru.”

L-intenzjonijiet tajbin tal-​gvernijiet f’li jikkumbattu l-​kriminalità huma biċ-​ċar insuffiċjenti. Anita Gradin, kummissarju Ewropea rigward kwistjonijiet ġudizzjarji u taʼ immigrazzjoni, bix-​xieraq osservat: “Neħtieġu sistemi taʼ xogħol aħjar u iktar effettivi, biex ikun hemm koperazzjoni fil-​ġlieda kontra l-​kuntrabandu u l-​ittraffikar tad-​drogi, id-​dħul klandestin tan-​nies u l-​immigrazzjoni illegali, il-​kriminalità organizzata, il-​frodi u l-​korruzzjoni.”

Kemm Għandhom Sens taʼ Rabta l-​Uffiċjali tal-​Liġi?

Xi wħud jiddubitaw sa liema punt għandhom sens taʼ rabta l-​awtoritajiet fil-​ġlieda kontra l-​kriminalità. Wieħed li qabel kien l-​ispettur ġenerali tal-​pulizija ġewwa pajjiż innota li kulħadd, għall-​inqas fil-​beraħ, “jikkundanna l-​korruzzjoni u r-​reati ekonomiċi.” Madankollu, hu jgħid, m’hemmx xewqa ġenwina min-​naħa taʼ kulħadd biex jinqerdu l-​kriminalità u l-​korruzzjoni. Numru li dejjem jiżdied taʼ nies​—inklużi uffiċjali tal-​liġi—​mid-dehra jqisu t-​tixħim, il-​frodi u s-​serq bħala modi aċċettabbli kif timxi ’l quddiem.

Il-fatt li ħafna “minn dawk li jikkommettu xi reati jgħadduha lixxa,” bħalma poġġieha uffiċjal tad-​dwana, huwa bla dubju wieħed mir-​raġunijiet għaż-​żjieda fil-​kriminalità. Per eżempju, pubblikazzjoni Russa titkellem dwar “kemm hu faċli għall-​kriminali li jeħilsuha ħafif mingħajr l-​ebda kastig.” Dan, tkompli din il-​pubblikazzjoni, “donnu jnebbaħ liċ-​ċittadini ordinarji biex jikkommettu reati mill-​iktar brutali.” Dan hu eżatt bħalma qal il-​kittieb Bibliku mat-​3,000 sena ilu: “Għax l-​għemejjel tal-​ħżiena ma jeħdux minnufih il-​kundanna li jkun jistħoqqilhom; għalhekk qalb il-​ħżiena titħajjar ħafna biex tagħmel id-​deni.”​—Koħèlet 8:11.

Ma nkunux qed nesaġeraw jekk ngħidu li l-​gvernijiet qed jiġġieldu gwerra mitlufa kontra l-​kriminalità. Il-​gazzetta Ġermaniża Rheinischer Merkur tikkummenta: “Il-​biżaʼ tan-​nies miż-​żjieda fir-​reati taʼ vjolenza qiegħed wisq fil-​fond u la jistaʼ jittaffa bis-​soltu tilwim bejn il-​partiti politiċi u lanqas permezz taʼ statistiċi li jagħtuk x’tifhem li l-​qagħda m’hijiex imwiegħra daqs kemm tidher li hi.”

Minflok ma l-​kriminalità m’hijiex ħażina daqs kemm tidher li hi, x’aktarx li l-​kontra taʼ dan huwa iktar minnu. Madankollu, hemm wisaʼ għall-​ottimiżmu. Dinja ħielsa mill-​kriminalità tinsab dejjem iktar fil-​qrib, u int għadek tistaʼ tilħaq taraha. L-​artiklu li jmiss se jurik għala qed ngħidu dan.

[Noti taʼtaħt]

a L-affari taʼ Watergate ġiet imsemmija hekk minħabba żgass li kien sar ġo bini b’dak l-​isem u li kien kixef il-​kwistjoni fil-​beraħ. L-​iskandlu eventwalment wassal għar-​riżenja tal-​President taʼ l-​Istati Uniti Richard Nixon u għat-​tfigħ fil-​ħabs taʼ ħafna minn dawk li kienu fuq quddiem f’li jagħtuh il-​pariri.

[Kumment fʼpaġna 6]

Ħafna nies iqisu l-​kriminalità bħala mod aċċettabbli kif timxi ’l quddiem

[Kaxxa fʼpaġna 5]

Dinja Mimlija Vjolenza

AFRIKA TAʼ ISFEL: “Il-​vjolenza bla rażan u tabilħaqq bla kontroll qiegħda thedded lil kull wieħed u waħda minna, u dak kollu li nagħmlu​—u jeħtieġ li ssir xi ħaġa radikali.”​—The Star.

BRAŻIL: “B’reazzjoni għal mewġa taʼ vjolenza li dejjem tiżdied, mijiet t’eluf taʼ nies imlew it-​toroq fil-​qalba tal-​belt [taʼ Rio de Janeiro], jesprimu l-​biżaʼ u r-​rabja minħabba l-​kriminalità li għamlet lil belthom priġuniera tagħha.”​—International Herald Tribune.

ĊINA: “Il-​gangsters qed jerġgħu jfeġġu fiċ-​Ċina u r-​reati l-​kbar donnu li m’hemmx kontroll fuqhom. . . . Esperti Ċiniżi jgħidu li l-​għadd taʼ gangs u ‘soċjetajiet sigrieti’ qegħdin tant jiżdiedu li l-​pulizija bilkemm jistgħu jlaħħqu man-​numru tagħhom.”​—The New York Times.

FILIPPINI: “Sitta minn kull għaxar familji fil-​Filippini jgħidu li ma jħossuhomx protetti ġewwa djarhom jew barra fit-​toroq.”​—Asiaweek.

ĠERMANJA: “Il-​qabża bejn kemm wieħed huwa lest li jdur għall-​vjolenza u ċ-​ċans li jagħmel dan qiegħda dejjem tonqos. Mela m’huwiex taʼ sorpriża li l-​vjolenza saret ħaġa taʼ kuljum.”​—Rheinischer Merkur.

GRAN BRITANNJA: “Il-​vjolenza saret tfaqqaʼ iktar malajr u sar hemm iktar il-​probabbiltà li dak li jikser il-​liġi jdur għall-​vjolenza mill-​ewwel.”​—The Independent.

IRLANDA: “Familji kriminali mafjużi rabbew l-​għeruq fil-​qalba taʼ Dublin u fis-​subborgi iktar fqar tal-​punent. Il-​gangs qegħdin ikunu iktar armati sa snienhom.”​—The Economist.

MESSIKU: “Il-​kriminalità tant żbroffat malajr f’perijodu qasir taʼ żmien li din saret allarmanti.”​—The Wall Street Journal.

NIĠERJA: “Il-​familja, il-​knejjes, il-​moskej, l-​iskejjel u l-​klabbs fallew fid-​dmir tagħhom li jżommu liż-​żgħażagħ ’il bogħod mill-​kriminalità, skond kelliemi għall-​pulizija, Mr. Frank Odita.”​—Daily Champion.

RUSSJA: “Gangs bħal tal-​Mafja ttrasformaw lil belt minn dik li fiż-​żminijiet Sovjetiċi kienet waħda mill-​iktar bliet protetti fid-​dinja għal menqa virtwali taʼ kriminalità. . . . ‘Fis-​17-il sena li ili nagħmel ir-​ronda,’ jgħid logutenent tal-​pulizija Gennadi Groshikov, ‘qatt ma rajt daqstant kriminalità f’Moska, u anqas qatt rajt xi ħaġa iktar brutali.’”​—Time.

STATI UNITI: “L-​Amerka hija l-​iktar nazzjon vjolenti fid-​dinja industrijalizzata. . . . L-​ebda nazzjon industrijalizzat ieħor m’għandu x’jaqsam magħha.”​—Time.

TAJWAN: “Fit-​Tajwan . . . rati li qed jiżdiedu taʼ serq, assalti, u qtil daħħlu bil-​mod il-​mod fis-​soċjetà . . . Tabilħaqq, l-​għadd taʼ reati qed jiżdied gradwalment u f’xi każijiet saħansitra jisboq lil dawk f’pajjiżi tal-​Punent.”​—The New York Times.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja