Dinja ħielsa Mill-kriminalità Tinsab fil-qrib!
META nħarsu lejn is-sitwazzjoni dinjija llum, jidher ovvju li huwa verament diffiċli li wieħed jevita li jiġi influwenzat biex jagħmel il-ħażin. Attwalment, ilkoll kemm aħna nitwieldu imperfetti, suxxettibbli għall-ħażin. (1 Slaten 8:46; Ġob 14:4; Salm 51:7 [Salm 51:5, New World Translation]) U minn mindu Satana x-Xitan tkeċċa mis-sema, hu qiegħed jipprova iktar minn qatt qabel biex joħloq l-inkwiet.—Apokalissi 12:7-12.
Il-konsegwenzi kienu terribbli. Stħarriġ li sar fuq 4,000 tifel u tifla fl-Iskozja wera, per eżempju, li żewġ terzi taʼ dawk bejn il-11 u l-15-il sena kienu diġà kkommettew atti kriminali. Stħarriġ li sar mal-Gran Britannja kollha indika li kważi wieħed minn kull tliet adolexxenti ma jara xejn ħażin f’li jisraq mill-ħwienet. U iktar minn nofshom ammettew li jekk xi ħadd kellu jagħtihom iktar bqija milli suppost, huma kienu jiħduha.
Il-ktieb Taljan Lʹoccasione e lʹuomo ladro (L-Opportunità u l-Ħalliel) jispjega dwar il-għala n-nies jisirqu. Il-ktieb jgħid li l-ħallelin għandhom “livell baxx taʼ kontroll fuqhom infushom” u li huma “m’humiex kapaċi jwarrbu l-ġibda taʼ li jissodisfaw lilhom infushom.” Il-ktieb iżid li l-maġġuranza tal-ħallelin m’humiex professjonisti imma sempliċement “opportunisti li lesti biex jieħdu vantaġġ minn xi sitwazzjoni.”
Taʼ interess, il-ktieb josserva wkoll il-għala ħafna nies “iżommu lura milli jiksru l-liġijiet.” Dan jikkonkludi li r-raġuni m’hijiex għax huma “jibżgħu mis-sanzjonijiet legali imma għax għandhom valuri morali li jwaqqfuhom milli jagħmlu dan.” Fejn jistgħu n-nies jitgħallmu valuri morali xierqa bħal dawn?
Edukazzjoni li Hija Meħtieġa
Tajjeb, ikkunsidra dak li nitgħallmu mill-ħafna sorsi taʼ komunikazzjoni. Biex inġibu eżempju, il-messaġġ li ġeneralment jagħtu l-films u t-televiżjoni huwa li l-vjolenza, l-adulterju u l-aġir abbużiv huma aċċettabbli. M’huwiex taʼ sorpriża, għalhekk, li n-nies ftit li xejn għandhom kontroll fuqhom infushom. Il-Bibbja, mill-banda l-oħra, tgħallem b’għaqal: “Min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni, min jitrażżan aħjar mir-rebbieħ taʼ belt.”—Proverbji 16:32.
Meta wieħed iqis il-propaganda tal-lum, m’għandhiex tkun taʼ sorpriża li ħafna “m’humiex kapaċi jżommu lura milli jogħġbu lilhom infushom.” Darba wara l-oħra, in-nies jisimgħu: “Ixtri issa u ħallas iktar tard.” “Kun ħanin miegħek innifsek.” “Int jistħoqqlok l-aqwa u l-aħjar.” “Ħu ħsieb tiegħek innifsek l-ewwel.” Li wieħed jogħġob lilu nnifsu huwa meqjus kemm normali u kemm xieraq. Imma din il-ħarsa li wieħed ikun moħħu biss fih innifsu hija kuntrarja għal dak li tgħallem il-Bibbja dwar li ħadd “ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.”—Filippin 2:4.
Ma taqbilx li l-biċċa l-kbira taʼ dawk li huma diżonesti huma opportunisti? Sfortunatament, jeżistu numri li dejjem jiżdiedu taʼ nies li lesti jieħdu vantaġġ minn sitwazzjonijiet sabiex igawdu huma stess. Ma jistaqsux jekk dan iċ-ċertu aġir huwiex moralment tajjeb. It-tħassib uniku tagħhom huwa, ‘Nistaʼ ngħaddiha lixxa?’
X’inhu meħtieġ? Bħalma ntqal iktar qabel, hemm il-bżonn tal-valuri morali. Dawn se jżommu lura lin-nies milli jikkommettu atti kriminali, li ma jagħtux kas is-santità tal-ħajja, li jmorru kontra l-qdusija taż-żwieġ, li jaqbżu l-limiti taʼ l-aġir xieraq, u li b’xi mod ieħor jidħlu fuq id-drittijiet t’oħrajn. Dawk li ma jitgħallmux valuri bħal dawn, bħalma tgħid il-Bibbja, ikunu “tilfu kull sentiment.” (Efesin 4:19) L-aġir kriminali taʼ wħud diżubbidjenti lejn Alla bħal dawn huwa dak li ma jħalliniex ingawdu dinja ħielsa mill-kriminalità.
Kif se Tiġi Dinja Ġdida
M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies jagħmlu ħilithom biex ikunu onesti, jimxu maʼ sħabhom bir-rispett u l-mogħdrija, u jżommu lura milli jiksru l-liġi. Imma tkun iblah jekk taħseb li kulħadd fid-dinja se jagħmel dan l-isforz. Ħafna m’humiex se jagħmlu hekk, saħansitra bħalma l-biċċa l-kbira taʼ dawk li kienu jgħixu fi żmien it-twajjeb Noè ma kinux lesti li jagħmlu t-tajjeb. F’dik id-dinja mimlija vjolenza, Noè u l-familja tiegħu biss żammew lura mill-kondotta li ma togħġobx lil Alla, u b’hekk kisbu l-approvazzjoni tiegħu. Billi fl-Għarqa globali neħħa min-nofs lil dawk li ċaħduh, il-Ħallieq tagħna sawwar dinja li kienet temporanjament ħielsa mill-kriminalità.
Huwa importanti li niftakru li r-rakkont Bibliku tad-Dilluvju u l-qerda tad-diżubbidjenti huwa iktar minn sempliċement storja interessanti. Ġesù Kristu spjega: “U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem.” (Luqa 17:26; 2 Pietru 2:5; 3:5-7) Bħalma Alla qered lil dik id-dinja vjolenti taʼ qabel id-Dilluvju, l-istess se jagħmel b’din id-dinja mimlija kriminalità.
Dan il-fatt li ġej nafuh minn awtorità taʼ min joqgħod fuqha, kif esprima l-appostlu maħbub taʼ Ġesù, Ġwanni: “U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:17) It-tmiem taʼ din id-dinja se jiftaħ it-triq għal dinja ġdida fejn, il-Bibbja tgħid li, ‘Alla se jgħammar mal-bnedmin, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.’—Apokalissi 21:3, 4.
Billi tiddeskrivi kif se tiġi din id-dinja ġdida, il-Bibbja tgħid ukoll: “Imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” (Proverbji 2:22) Billi fuq l-art jifdal biss ir-retti, se titwettaq din il-profezija Biblika: “Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:11.
Fid-dinja l-ġdida t’Alla, anki l-annimali mhux se jibqgħu vjolenti. Il-Bibbja tbassar: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom. . . . Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Isaija 11:6-9; 65:17; 2 Pietru 3:13.
Id-Dinja l-Ġdida t’Alla Hi fil-Qrib
L-aħbar tajba hi li kundizzjonijiet paċifiċi bħal dawn dalwaqt se jkunu mad-dinja kollha. Għala nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Minħabba dak li Ġesù bassar li kellu jseħħ immedjatament qabel tmiem id-dinja. Fost affarijiet oħrajn, hu bassar: “Għax għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, ikun hawn ġuħ kbir, u l-art titheżheż f’ħafna bnadi.” Kompla jgħid: “Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f’ħafna.”—Mattew 24:7, 12.
Appostlu taʼ Ġesù bassar ukoll: “L-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb; . . . bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; . . . iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.” (2 Timotju 3:1-5) Bla dubju, aħna qegħdin ngħixu fl-“aħħar” taʼ din id-dinja! Dalwaqt, għaldaqstant, id-dinja ġdida t’Alla mimlija tjieba se tiħdilha postha!
Studju tal-Bibbja kkonvinċa lil miljuni taʼ nies li dinja mingħajr kriminalità hija possibbli, u qegħdin jaġixxu fuq l-istedina biex jiġu mgħallmin fit-triqat tal-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah. (Isaija 2:3) Tixtieq tingħaqad magħhom? Lest li tagħmel l-isforz biex tikseb il-ħajja f’dinja ġdida ħielsa mill-kriminalità?
Ġesù wera x’inhu l-ewwelnett meħtieġ. Hu spjega: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” B’hekk, il-benesseri dejjiemi tiegħek jiddependi fuq li tistudja l-Kelma t’Alla u taġixxi fuq dak li titgħallem.—Ġwann 17:3.
[Stampa fʼpaġna 8, 9]
Il-Bibbja tiddeskrivi dinja ġdida ħielsa mill-kriminalità u tgħidilna kif nistgħu ngawduha