It-Tour De France- 100 Sena taʼ l-Aqwa Prova għaċ-Ċikliżmu
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI FRANZA
LURA f’Novembru taʼ l-1902, Henri Desgrange, direttur tal-gazzetta taʼ l-isports L’Auto, kien qed ifittex mod kif iġib fix-xejn il-gazzetta rivali Le Vélo. “Tridx norganizzaw tellieqa bir-roti madwar Franza?” issuġġerixxa Géo Lefèvre, ġurnalist żagħżugħ li kien jaħdem għall-gazzetta L’Auto. L-idea kienet tidher daqsxejn impossibbli għall-ewwel, imma ma damitx ma saret realtà. Fl-1 taʼ Lulju taʼ l-1903, preċiż fit-3:16 p.m., 60 ċiklista professjonali u dilettant telqu minn Pariġi għal vjaġġ taʼ tliet ġimgħat li kien twil 2,428 kilometru tul it-toroq taʼ l-ewwel Tour de France.a
“Skjavi tat-Toroq”
It-tellieqa mill-ewwel għamlet suċċess mal-pubbliku. Minn kull parti taʼ Franza kienu jinġabru folol kbar biex jaraw lill-“iskjavi tat-toroq,” kif sejħilhom ir-riporter Franċiż Albert Londres, u biex jissapportjawhom. Il-kundizzjonijiet tat-tlielaq matul l-ewwel ftit snin tat-Tour de France kienu, mingħajr esaġerazzjoni taʼ xejn, primittivi—b’apparat sempliċi, toroq mimlijin ħofor kbar, distanzi twal ħafna bejn stadju u ieħor, u anki tlielaq li jibdew bil-lejl.
Ir-rikkieba ma setgħu jirċievu l-ebda għajnuna teknika, ħlief fil-postijiet fejn issirilhom spezzjoni. Għalhekk, jekk kien jiġrilhom xi ħaġa fir-rota, li kienet tqila xi 20 kilogramma, kellhom isewwuha huma stess. Per eżempju, fl-1913 u fl-1919, il-povru Eugène Christophe darbtejn kellu jmur f’xi raħal għand ħaddied biex isewwi l-furketta tar-rota taʼ quddiem!
Metodi Ġodda u l-Mezzi tax-Xandir
Sabiex jinżamm l-interess fit-tellieqa, minn sena għal oħra l-organizzaturi kellhom jivvintaw xi affarijiet ġodda. Xi bidliet kienu jinkludu li t-tellieqa tkun imqassma f’iktar stadji b’distanzi iqsar, xi rotta li ftit minnha tieħu għal ġol-pajjiżi fil-viċin, timijiet nazzjonali jew sponsorjati minn xi ditta, tlielaq fejn b’mod individwali jew bħala tim il-kompetituri jikkompetu għall-iqsar ħin, u li t-tellieqa tispiċċa fi triq Champs-Élysées, ġo Pariġi. Is-sena 1919 saret sena sinifikanti wkoll meta dak il-wieħed li jkun ġab l-inqas ħin fil-ġurnata beda jingħata flokk speċjali bl-istess kulur tal-paġni s-sofor taʼ L’Auto—il-maillot jaune jew il-flokk isfar tant mixtieq. Fl-1931, biex jiffinanzja l-avveniment, Desgrange ħareġ bl-idea li grupp taʼ karozzi jgħaddu siegħa qabel iċ-ċiklisti biex jagħmlu reklam u jqajmu l-entużjażmu taʼ l-ispettaturi tul it-triq.
Il-bejgħ tal-gazzetta L’Auto—li issa hija msejħa L’Équipe—tgħidx kemm żdied. Fl-1903, 130,000 kopja taʼ l-edizzjoni speċjali—pubblikata sebaʼ minuti wara l-wasla taʼ Maurice Garin, ir-rebbieħ taʼ l-ewwel Tour de France—inħatfu mill-ħwienet mill-ewwel. Illum, it-Tour de France, li jixxandar fuq it-televixin f’iktar minn 150 pajjiż, sar it-tielet l-iktar avveniment sportiv imxandar mill-mezzi tax-xandir, wara l-Logħob Olimpiku u t-Tazza tad-Dinja tal-Futbol. Din it-tellieqa tant tqajjem interess li fl-1987, il-membri parlamentari taʼ Spanja interrompew id-dibattitu tagħhom biex isegwu r-rebħa taʼ Pedro Delgado, li kien minn pajjiżhom, hu u għaddej jitħabat mill-21 liwja magħluqa ħafna fl-istadju muntanjuż taʼ l-Alpe d’Huez!
Jattakkaw il-Muntanji
Fil-bidu, il-biċċa l-kbira mit-Tour de France kienet issir fil-wita. Imbagħad, f’Ġunju 1910, Alphonse Steinès, ġurnalist għal L’Auto, bagħat telegramma mill-Pirinej għal Desgrange li fiha qal li t-toroq li kellhom jgħaddu minnhom iċ-ċiklisti fil-muntanji kienu kollha f’kundizzjoni tajba. Ir-rapport taʼ Steinès ma kienx veru kollu kemm hu. Hu kien qattaʼ l-lejl kollu mitluf fil-borra f’għoli taʼ 2,200 metru! Minkejja dan, ix-xahar taʼ wara l-iktar ċiklisti taʼ gazz daħlu għaliha. Il-Franċiż Gustave Garrigou, għalkemm ma ġiex l-ewwel, saq mill-passaġġ taʼ Tourmalet fil-Pirinej mingħajr ma waqaf. Minn dak iż-żmien żdiedu xi passaġġi oħra minn ġol-muntanji fit-Tour de France.
Fin-niżliet, ir-rikkieba jilħqu veloċità kbira li tilħaq il-100 kilometru fis-siegħa, u ħafna minnhom jaqgħu. Fl-1951 l-Olandiż Wim Van Est, li kien liebes il-flokk l-isfar, waqaʼ ġo ħandaq fond 50 metru fil-blat u tellgħuh minn hemm billi fformaw speċi taʼ ħabel bit-tubi taʼ ġot-tajers tar-roti. Oħrajn kellhom riżultati iktar traġiċi. Fl-1935, l-Ispanjol Francisco Cepeda miet wara li waqaʼ fil-passaġġ taʼ Galibier, fl-Alpi. Fl-1995, it-Taljan Fabio Casartelli kkraxxja u miet f’Portet d’Aspet f’telgħa b’xaqliba taʼ 17 fil-mija ġol-Pirinej.
Dwellijiet fil-Quċċata
Fl-1964, żewġ Franċiżi, Jacques Anquetil u Raymond Poulidor, ħadu sehem f’tellieqa spettakolari ras imbras fit-telgħat taʼ Puy-de-Dôme, ġol-muntanji Auvergne. Poulidor, li spiss jiġi t-tieni, rebaħ dan id-dwell imma ma rnexxilux jirbaħ il-flokk l-isfar għal ftit sekondi.
Fl-1971, Eddy Merckx mill-Belġju u Luis Ocaña minn Spanja kienu qed jissieltu bejniethom biex ikunu l-ewwel. Imma fin-niżla tal-passaġġ taʼ Mente fil-Pirinej, fit-12 taʼ Lulju, Ocaña waqaʼ. Peress li weġġaʼ, dan l-Ispanjol ma setax ikompli t-tellieqa. B’rispett għall-opponent tiegħu, Merckx talab biex ma jilbisx il-flokk l-isfar fit-tluq tiegħu l-għada.
Fl-istadji tat-tiġrija li jsiru fil-muntanji saru xi atti taʼ rġulija sportiva. Per eżempju, waqt li kienu telgħin it-telgħa taʼ Izoard, ġo l-Alpi, fl-1949, Gino Bartali u Fausto Coppi, opponenti kbar taʼ xulxin, warrbu r-rivalità taʼ bejniethom għal ftit sabiex jgħinu lil xulxin.
Sports Bħala Tim
Meta ċiklista jaqdef ’il quddiem għalih waħdu għal distanzi twal hija xi ħaġa spettakolari wkoll. Waħda minn dawn il-firdiet spettakolari taʼ 140 kilometru kienet fl-1951, mill-Isvizzeru Hugo Koblet, meta kien qed jagħmel l-istadju taʼ Brive-Agen. Imma ħafna drabi, ir-rebħa hija riżultat taʼ ħidma bħala tim. Normalment ikun hemm 20 tim professjonali taʼ disaʼ rikkieba kull wieħed. Il-membri tat-tim ipoġġu lilhom infushom totalment għad-dispożizzjoni taʼ dak li jkun qed imexxi l-grupp tagħhom, dejjem lesti li jgħinuh jekk jgħejja, jieqaf, jew jaqaʼ.
L-eżempju fl-1934 taċ-ċiklista Franċiż René Vietto li kellu 20 sena, juri tajjeb dan l-ispirtu taʼ tim. Minkejja li kellu ċans kbir li jirbaħ stadju minnhom, ma ħasibhiex darbtejn biex jerġaʼ jsuq lura t-telgħa li kien għadu kemm niżel biex jagħti r-rota tiegħu lil Antonin Magne, li kien qed imexxi t-tim, u li kien waqaf bir-rota tiegħu.
Rebbieħa Primi
Li tirbaħ it-Tour de France iktar minn darba hija verament xi ħaġa straordinarja. Sa llum, erbaʼ rikkieba rebħu ħames darbiet: Jacques Anquetil (Franza, 1957, 1961-64), Eddy Merckx (Belġju, 1969-72, 1974), Bernard Hinault (Franza, 1978-79, 1981-82, 1985), u Miguel Indurain (Spanja, 1991-95). Imma min jaf kemm-il darba l-Belġjan Philippe Thys (rebbieħ fl-1913, l-1914, u l-1920) kien jirbaħ li kieku l-ewwel gwerra dinjija, li fiha mietu diversi rebbieħa taʼ dak iż-żmien, ma interrompietx il-kompetizzjoni?
Għal ħafna nies, l-aqwa ċiklista li qatt kien hawn kien Eddy Merckx, li laqqmuh Il-Kannibalu. B’rekord li rebaħ 34 stadju, hu kien l-aħjar f’kull qasam—fi tlielaq għall-inqas ħin, tlielaq qosra b’veloċità qawwija, inżul, u stadji fil-wita kif ukoll dawk fil-muntanji. “Ma jħallilna xejn ħlief il-fdalijiet,” gergru l-opponenti megħlubin tiegħu. Fausto Coppi, li rebaħ darbtejn huwa meqjus minn oħrajn bħala l-iktar ċiklista professjonali u taʼ klassi li qatt kien hawn.
Irbaħ Akkost taʼ Kollox
Il-qerq fit-Tour de France minn dejjem kien tentazzjoni. L-ewwel erbaʼ rikkieba fl-edizzjoni taʼ l-1904, fost affarijiet oħrajn ġew skwalifikati talli qassru t-triq bla permess jew talli vvjaġġaw bil-karozza.
Mill-qerq kollu, l-użu taʼ ċerti drogi jibqaʼ l-pjaga fiċ-ċikliżmu. Fis-snin bikrin, ngħataw xi dożi taʼ sustanzi strambi lil xi wħud miċ-ċiklisti, u fl-1920, L’Auto ppubblikat artiklu li akkuża l-użu tad-drogi li jsir taħt superviżjoni medika. Fl-1924, l-aħwa Pélissier ammettew li huma “jiġru bid-dinamite,” fi kliem ieħor fuq id-drogi. Matul is-snin, id-drogi ngħataw it-tort għal diversi aċċidenti suspettużi, bħall-mewt traġika taċ-ċiklista Ingliż Tom Simpson waqt li kien tielaʼ Mont Ventoux fl-1967.
Fl-1998, każ kbir taʼ użu tad-drogi taħt superviżjoni medika kien il-punt ewlieni fil-ġurnali. Xi 400 doża taʼ drogi li jgħinuk ittellaq aħjar, inkluża l-erythropoietin, instabu fil-karozza taʼ wieħed li kien jagħmel il-massaġġi. Tim wieħed ġie skwalifikat u ieħor irtira. Is-sena l-oħra, skandlu ħassar ir-reputazzjoni taċ-ċiklista li ġie t-tielet mit-tellieqa sħiħa. Skond id-direttur tat-Tour de France, Jean-Marie Leblanc, li kiteb fid-daħla tal-ktieb kommemorattiv 100 ans de Tour de France (Il-100 sena tat-Tour de France), pubblikat mill-gazzetta L’Équipe, “l-użu tad-drogi, tul żejjed għat-tellieqa, u l-flus” qed jheddu l-ħajja kontinwa tat-Tour de France.
Minkejja l-problemi, l-atleti ma tilfu xejn mill-passjoni u l-ħeġġa għat-tellieqa. Lance Armstrong, minn Texas, li rebaħ erbaʼ darbiet u li bla ebda dubju huwa l-iktar favorit biex jirbaħ it-tellieqa ċentinarja tas-sena 2003, li bażikament se jkollha l-istess rotta tas-sena 1903, iddikjara: It-Tour de France “għandu isem, storja, u stil li l-ebda tellieqa oħra ma tistaʼ tilħaq. Jiġri x’jiġri, qatt ma se tkun sempliċement xi tellieqa komuni oħra.” Il-ħolma taʼ kull ċiklista professjonali hija li jirbaħ it-Tour de France.
[Nota taʼ taħt]
a Illum il-ġurnata, it-Tour de France normalment għandu distanza taʼ madwar 3,600 kilometru u huwa mqassam f’sezzjonijiet jew stadji li b’kollox jieħdu 20 ġurnata.
[Dijagramma/Mappa f’paġna 23]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Ir-rotta tat-tellieqa ċentinarja 5-27 taʼ Lulju, 2003
–– Tellieqa għall-Inqas Ħin
—— Trasport bejn stadju u ieħor
• Post minfejn jitilqu
○ Post fejn jieqfu
• PARIS
-- ——
○ Sedan
-- ——
○ Saint-Dizier
-- ——
○• Nevers
--
○• Lyons
--
○ L’Alpe d’Huez
--
○ Marseilles
——
• Narbonne
--
○• Toulouse
-- ——
○ Cap’ Découverte
-- ——
○ Bayonne
-- ——
○• Bordeaux
-- ——
○ Nantes
——
• Ville d’Avray
--
○ PARIS
[Sors]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampi f’paġna 22]
1903 Maurice Garin, l-ewwel rebbieħ tat-Tour de France
1927 Ħaddiema ġo fabbrika jieqfu mix-xogħol biex isegwu t-tellieqa
[Sors]
100 ans de Tour de France, L’Équipe, 2002 © L’Équipe/Presse Sports
[Stampa f’paġna 23]
1910 Octave Lapize, b’tubi żejda taʼ ġot-tajers madwar għonqu, jimbotta r-rota tiegħu fil-Pirinej
[Sors]
100 ans de Tour de France, L’Équipe, 2002 © L’Équipe/Presse Sports
[Stampi f’paġna 24]
1951 It-Taljan Fausto Coppi, rebbieħ darbtejn
1964 Anquetil u Poulidor fi dwell eċċitanti
[Sors]
100 ans de Tour de France, L’Équipe, 2002 © L’Équipe/Presse Sports
[Stampi f’paġna 24, 25]
1991-95 Miguel Indurain (Spanja) li għandu l-flokk isfar rebaħ it-Tour de France ħames darbiet
1999 Lance Armstrong f’tellieqa għall-inqas ħin
[Sors]
100 ans de Tour de France, L’Équipe, 2002 © L’Équipe/Presse Sports